Jista' l-Ministru jgħid kemm-il garage ġie reġistrat s'issa biex ikunu jistgħu jsiru fih it-testijiet tal-VRT? Kemm ġew liċenzjati s'issa biex dawn jistgħu jibdew jaħdmu? X'passi ħa, qed jieħu jew se jieħu l-Ministru biex jiġu evitati abbużi mis-sidien tal-garaxxijiet billi jwaħħlu karozzi mit-test bl-iskuża li wara ftit dawn taparsi jiġu rranġati mill-istess garaxx bi spiża addizzjonali għas-sid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s`issa d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet irċieva 66 applikazzjoni mingħand persuni jew organiżżazzjoni biex joperaw stazzjon fejn isiru testijiet fuq vetturi. Minn dawn, ġa ġew illiċenzjati tnax il-stazzjon.
Biex ma jkunx hemm abbużi, id-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għamel kuntratt ma kull Operatur li fiħ hemm penali ta` Lm10,000 u tiġi rtirata l-awtoriżżazzjoni biex jopera kemm `il darba xi Operatur jikser xi parti minn dan il-kuntratt.
Għaldaqstant, kull Operatur iddepożita garanzija bankarja ta` Lm10,000 mad-Dipartiment tal-liċenzji u t-Testijiet. Minbarra hekk id-Dipartiment jagħmel spezzjonijiet għand l-istess garages.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew written off karozzi sena b'sena f'dawn l-aħħar ħames snin u kemm ġew written off karozzi mill-ewwel ta' Ottubru sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija kawża tal-VRT?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' vetturi li ġew skrappjati minn sidhom f'dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej:
Sena Numru ta' Vetturi
1995 1,761
1996 2,224
1997 2,480
1998 3,599
sa 30/09/99 2,485
Mill-1 ta' Ottubru 1999 sa llum ma ġiet skrappjata l-ebda vettura kawża tal-Vehicle Roadworthiness Test.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu vetturi għall-VRT sal-lum? Kemm weħlu mill-ewwel test u kemm weħlu anke mit-tieni test? X'kienet ir-raġuni għaliex weħlu f'kull każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għad m'għandux l-informazzjoni mitluba b`mod uffiċjali, madanakollu mill-informazzjoni miġbura jirriżulta li sa l-20 ta` Ottubru, 1999 telgħu madwar 3200 vettura għat-test li minnhom weħlu madwar 1000. Naħseb li l-Onor. Interpellant mhux qed jistenna li jkollu lista ta` 1000 vettura bin-numri tagħhom u r-raġuni għaliex weħlu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm weħlu commercial vehicles mill-VRT mill-ewwel test u kemm anke mit-tieni? Għaliex weħlu f'kull każ u x'tip ta' vettura kienu f'kull każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għad m'għandux l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tkun tista` tingħata meta tkun għand id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu vetturi tal-gvern għall-VRT? Kemm weħħlu mill-ewwel test u kemm weħħlu anki mit-tieni?
X'tip ta' vejikola kienet u ta' liema dipartiment tal-gvern kienu dawk li weħħlu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għad m'għandux l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tkun tista tingħata meta tkun għand id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu: (a) ambulanzi; (b) karozzi tal-pulizija; (ċ) fire engines; (d) karozzi tal-linja; (e) taxis; (f) hearses; (g) vejikoli ta' l-armata; u (h) minibuses għall-VRT? Kemm weħħlu mill-ewwel test u kemm anki mit-tieni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għad m'għandux l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tkun tista` tingħata meta tkun għand id-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu karozzi: (a) tal-ministri, uffiċjali u assistenti/segretarji tagħhom; (b) karozzi impressed mal-gvern; (ċ) karozzi ta' segretarji permanenti uffiċjali; (d) karozzi ta' kapijiet ta' dipartimenti tal-gvern uffiċjali, għal VRT? Kemm weħlu mill-ewwel test? Kemm weħlu mit-tieni test?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet għad m'għandux l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni tkun tista` tingħata meta tkun għand id-Dipartiment.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 10506, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jittellgħu l-vetturi tal-gvern u l-kumpanniji parastatali għal VRT test?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-vetturi tal-Gvern u tal-kumpanniji parastatali jittellgħu għall-`Vehicle Roadworthiness Test` bhal vetturi oħra meta jkun imisshom, skond id-data ta` l-għeluq tal-liċenzja u bl-istess mod li jitilgħu l-karozzi privati.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-mollijiet ġodda ġewwa ċ-Ċirkewwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li:
a) ix-xogħolijiet li saru w li qed isiru li għalihom
inħarġu l-permessi mill-Awtorita` tal-Ippjanar
jikkomprendu:
i) twessieħ ta` rampi, kemm fiċ-Ċirkewwa kif
ukoll fl-Mġarr;
ii) kostruzzjoni ta` rampa ġdida f`Sa Maison;
iii) xogħol ta` kostruzzjoni ta` `fender blocks`
ġodda;
b) ix-xogħolijiet li qegħdin isiru jikkomprendu:
i) bini ta` `fender blocks` ġodda fiċ-Ċirkewwa
North u South u fl-Mġarr Berth I u f`Berth II.
Fuq dawn il-`fender Blocks` sejrin jitwaħħlu
`fenders` ġodda;
c) fuq talba tal-Planning Authority ġie deċiż li jiġi
kkommisjonat `3D Hydraulic Model`. L-iskop
prinċipali ta` dan il-mudell huwa li jittestja
diversi tipi ta` `Breakwater` u arranġamenti ta`
molijiet, biex jintgħażel l-aħjar effett bl-anqas
spejjeż ta` kostruzzjoni. Dawn it-testijiet waslu
fl-aħħar u rapport relativ mistenni jitlesta sal-5
ta` Novembru, 1999. Dan sar biex jiġu t-testjati
`layouts` oħra;
d) xogħolijiet fuq id-disinn tal-`Passanger Terminal`
fl-Mġarr u tkabbir tal-parking.
e) xogħolijiet previsti li jinbdew s-sena d-dieħla:
i) reklamar ta` arja li sservi bħala `Marshalling
area` fiċ-Ċirkewwa;
ii) bini ta` Terminal għal passiġġieri fl-Mġarr
kif ukoll estenzjoni tal-parking;
iii) bini ta` moll ġdid għall-ittrakkar tal-vapuri
l-ġodda fiċ-Ċirkewwa.
Jista' l-Ministru jara li d-dipartiment konċernat jieħu passi biex jirranġa t-traffic lights li hemm fi Triq Prinċipali (Triq il-Kunsill ta' l-Ewropa) li tagħti u twassal għall-ajruport u li hemm ħdejn il-cross road li tagħti għaċ-Ċimiterju ta' Ħal Luqa, biex dawn it-traffic lights ma jibqgħux fil-għoli daqsekk tant li bilkemm jidhru minbarra li huma moħbija ġos-siġar?
Billi ftit ilu f'dan il-post sar inċident fatali u billi dan il-post jintuża ħafna biex in-nies jaqsmu għaċ-ċimiterju ta' Ħal Luqa, jistgħu jittieħdu passi biex jiġi evitat inċident ieħor fatali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-għoli tat-`Traffic Lights` huwa stabbilit minn regoli nternazzjonali w għalhekk ma jistax ikun immodifikat. Minn naħa l-oħra dawn ma jistgħux jitattew mis-siġar u għalhekk id-Dipartiment informa lid-Dipartiment ta` l-Agrikoltura biex jisbor is-siġar skond il-bżonn.
Peress r-residenti ta' Block D, Drs 3,4,5 u 6 fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, Rabat jilmentaw li qed isir sewqan eċċessiv fl-inħawi u huma beżgħana minn inċidenti li jistgħu jiġu kkawżati, jista' l-Ministru jintervjeni sabiex jiġi nvestigat l-ilment ta' dawn ir-residenti?
Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ser nitlob lit-Traffic Control Board jinvestiga jekk hemmx bżonn ta` bidliet fl-arranġamenti tat-traffiku fl-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex saret trinka fit-triq li ġiet re-surfaced bit-tarmak ftit tax-xhur ilu bejn il-Costline Hotel u d-dħul f'Buġibba?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` trinka msemmi sar mill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jiġi stallat l-`istreet lightning` fil-parti tat-triq li fiha qed issir bankina biex il-pubbliku ma jimxix fuq il-karreġġjata f`din il-lokalita` li hi tant frekwentata.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li titkompla u titlesta Triq Claudette Agius, Ħad-Dingli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta` l-asfalt fit-Triq Claudette Agius qed jitkompla wara li ġew finaliżżati l-`mix designs` taħt id-direzzjoni tal-konsulenti Ġermaniżi.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx żviluppi ġodda wara d-domanda parlamentari numru 3774 fejn huwa ġie mitlub jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx possibbilta' li matul din is-sena l-problemi li l-ilma tax-xita qed jikkaġuna fi Triq it-Turretta, Kalkara, jiġu studjati u solvuti, għal-liema domanda kien hemm it-tweġiba li d-Dipartiment tat-Toroq kien ingħata struzzjonijiet sabiex jinvestiga l-każ?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ttieħdu passi biex beda l-proċess ta` esproprijazzjoni għal biex tinbena triq qasira bejn Triq it-Turetta u Triq il-Missjoni Taljana sabiex l-ilma tax-xita ikun jista` jgħaddi.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10460?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ammont li jrid jitħallas lill-diversi kuntratturi għal xogħol li diġa hu verifikat hu:
Denfer - Lm8,000
Zoqdi - Lm8,000
Bonniċi Brothers - Lm20,000
Schembri Barbros - Lm20,000
Roads Group Ltd. - Lm12,000
TOTAL Lm68,000
Jien infurmat ukoll li hemm diversi `claims` li qed jiġu vverifikati mid-diversi Dipartimenti tal-Gvern ikkonċernati f`dan il-proċess sabiex dak li jinstab li hu dovut jitħallas.
Billi rċevejt diversi ilmenti minn Maltin emigranti f'Detroit, fl-Istati Uniti li l-posta lejn Malta qed iddum ħafna aktar mis-soltu ma tasal, jista'l-Ministru permezz tal-Maltapost jinvestiga dan l-ilment li ġie kkonfermat lili anke mill-club tal-Maltin f'dawn l-inħawi?
Ladarba jien ġejt informat li sa ftit żmien ilu din il-posta minn Detroit kienet tasal Malta fi żmien ġimgħa, għaliex issa qed ikun hemm dan id-dewmien, jekk fil-fatt dan jiġi kkonfermat u jirriżulta mill-investigazzjonijiet li nittama li tagħmel il-Maltapost wara dan l-ilment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-valiġġa minn Detroit via JFK Airport, New York, normalment tgħaddi minn Amsterdam jew Frankfurt qabel tasal Malta. Biex tasal minn Detroit għal Malta, il-valiġġa ddum bejn tlieta w erbat ijiem. Ma` dan wieħed iżid minn ġurnata sa jumejn sakemm il-valiġġa titqassam lokalment.
Ma jidhirx li kien hemm xi ħafna lmenti mal-Maltapost plc ta` dewmin f`dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku se tipprovdi trasport lir-residenti ta' Għar Barka?
Għaliex fit-tibdil li sar bi prova fir-Rabat fejn anke iċċaqilqet il-venda, Għar Barka ma kenitx inkluża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sa issa dan is-servizz għadu mhux possibbli li jingħata.
Jista' l-Ministru jgħid min fil-fatt talab sabiex tiċċaqlaq il-venda tar-Rabat minn fejn kienet?
X'kien l-iskop u min ġie kkonsultata dwar dan it-tibdil?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku qablet mat-trasferiment tal-venda tar-Rabat għas-Saqqajja wara ftehim li sar f`dan is-sens bejn il-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja.