Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birkirkara — Triq ġdida fi Triq il-Qattus

Question

Billi n-naħa ta' fuq ta' Triq il-Qattus (parti ġdida) f'Birkirkara għadha kompletament maqlugħa u mħarbta, jista' il-Ministru jara li t-triq issir għax qegħda toħloq inkonvenjent għar-residenti u għan-nies li ġejjin minn naħa tal-bypass ta' l-isptar il-ġdid?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li għad hemm diversi toroq li ma jistax isir xogħol biex jiġu asfaltati minħabba li għad hemm ħafna żvilupp għaddej fil-lokalita'. Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport ġiet mitluba tikkonsidra l-possibilita' li din it-triq tiġi nkluża fil-programm tax-xogħol.

Importazzjoni ta' karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impurtati karozzi second hand, xahar b'xahar, u x'ċilindraġġ għandhom, ditta b'ditta minn Jannar 2003 sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Ta' Qali — Tal-Ħemsija

Question

Jista' il-Ministru jara li titranġa t-triq li tagħti għal hamlet tal-Ħemsija l/o Ta' Qali minn fejn iċ-ċimiterju tas-servizzi, peress li din it-triq tinsab fi stat diżastruż b'detriment kbir għal familji li joqogħdu f'din il-hamlet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li wara li saret spezzjoni mill-Perit tal-Awtorita' dwar it-Trasport irriżulta li hemm bżonn ta' patching u manutenzjoni. L-Awtorita' infurmat lill-Kunsill tal-Lokal biex jieħu ħsieb li jsir ix-xogħol meħtieġ.

Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozza

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 5878 u cioe' jista' jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Bypass ta' l-Imrieħal — Gradilji li hemm fuq il-pont

Question

Jista' il-Ministru jara li jinbidlu l-gradilji li hemm fuq il-pont li mill-bypass ta' l-Imrieħel jagħtu għal Marsa, peress li huma kollha imkissrin u qed ikunu ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi d-direttorat tat-toroq ħa l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex dawn l-expansion joints jitgħattew temporanjament b'materjal flessibbli sakemm dan il-lastiku apposta jkun jista' jiġi mibdul kompletament.

Awtorita' dwar it-Trasport — Diretturi u assistenti diretturi

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5659 li titratta dwar id-diretturi u l-assistenti diretturi li hemm fl-awtorita' dwar it-trasport, meta bdew l-impjieg tagħhom u f'liema lokalita' joqogħdu, jista' il-Ministru jirrispondi l-parti l-oħra tal-mistoqsija, jiġifieri jagħti l-istess dettalji dwar l-assistenti diretturi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-awtorita' dwar it-trasport m'hemmx assistenti diretturi.

Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Infiq ta' flus fuq kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq kiri ta' karozzi mill-ministeru tiegħu, mid-dipartimenti u mill-entitajiet pubbliċi li huwa responsabbli għalihom u li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fis-snin 2002, 2003 u 2004 s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Bankina

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir it-tkomplija ta' bankina bejn il-gate tal-Wands u l-gate ta' Posta Ltd f'Ħal Qormi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat jekk issir il-bankina fit-triq li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ikollu jitneħħa l-parking li hemm quddiem il-Maltapost għaliex il-wisgħa tat-triq ma jippermettix li jkun hemm bankina u street parking.

Marsa — Stallazzjoni ta' traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5785 u cioe' jista' jara li jkun hemm mezz sikur, forsi permezz ta’ traffic lights jew pellican lights, biex residenti jkunu jistgħu jaqsmu mill-inħawi ta’ Triq s-Serkien għall-inħawi ta’ Triq Nerik Sacco fil-Marsa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat li diġa' hemm pelican crossing viċin il-lokalita' indikata. Għalhekk mhux possibbli li jsir pelican crossing ieħor fl-inħawi. Madanakollu, id-direttorat tat-toroq ħaseb biex tinbena subway f'din il-lokalita'. Ix-xogħol mistenni jinbeda hekk kif jiġu riżolti xi problemi amministrattivi bejn id-direttorat tat-toroq u l-kumpannija li ġiet allokata t-tender. Dawn il-problemi rriżultaw wara tibdil mill-awtorita' ta' l-ippjanar fil-pjanti oriġinali.

Żejtun — Triq Strejnu - traffic island

Question

B'riferenza ghall-mistoqsija parlamentari 22526 li kont għamilt f'Jannar 2001 fil-leġislatura l-oħra dwar il-ħtiega ta' traffic island fil-junction ta' fejn Triq Strejnu tingħaqad mal-bypass li nfetħet snin ilu fi Triq id-Daħla ta' San Tumas, Żejtun/Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jispjegali għalfejn din it-traffic island baqghet ma saritx meta din il-junction tant hi perikoluza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi meta x-xogħol kien se jsir minn naħa tad-direttorat, il-kunsill tal-lokal ma qabilx għax kienu se jiġu effettwati entraturi tal-proprjetajiet privati fil-lokal. Għalhekk minflok inbniet it-traffic island, saret iż-żebgħa ma l-art biex tkun ta' gwida għal min jgħaddi mil-lokalita'.

Xgħajra — Triq Karmelo Ritchie

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm intnefqu flus f'asfaltar tat-Triq Karmelo Ritchie, fix-Xgħajra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi x-xogħol fi Triq Karmelo Ritchie kien maqsum f'żew/ kuntratti, part 1 u part 2. Dan ixx-ogħol kien jinvolvi tqattiegħ ta' blat u materjal u twittija tat-triq skond il-livelli tal-MEPA, bankini ġodda, 60 metri main ġdid tad-drenaġġ, tqegħid ta' żrar type 1 u 80mm base/wearing course. Dan ix-xogħol kollu ġie jiswa Lm18,300.00.

Xgħajra — Triq Carmelo Penza

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm intnefqu flus f'asfaltar tat-Triq Carmelo Penza, fix-Xgħajra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi x-xogħol fi Triq Carmelo Penza kien jinvolvi tqattiegħ ta' blat u materjal u twittija ta' triq skond il-livelli tal-MEPA, bankini ġodda, main u house connections ġodda ta' l-ilma, tqegħid ta' żrar type 1 u 80mm base/wearing course. B'kollox dan ġie jiswa Lm8,738.00.

Xgħajra — Triq il-Mulett

Question

Jista' il-Ministru jinformani dwar żviluppi fi Triq il-Mulett fix-Xgħajra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi għalkemm fi Triq Mulett ilu li beda l-iżvilupp u hemm bosta familji joqogħdu f'din il-lokalita', għad ma sarx żvilupp biżżejjed biex din it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.

Xgħajra — Triq A G Chesney

Question

Jista' il-Ministru jinformani dwar żviluppi fi Triq A G Chesney, fix-Xgħajra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi għalkemm fi Triq A G Chesney ilu li beda l-iżvilupp u hemm bosta familji joqogħdu f'din il-lokalita', għad ma sarx żvilupp biżżejjed biex din it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.

Xgħajra — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk il-kunsill lokali tax-Xgħajra applikax għall-iskema ta' Lm75,000 għall-asfaltar ta' toroq u jekk iva, liema huma dawk it-toroq li applika għalihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Informat li l-kunsill lokali tax-Xgħajra applika biex isir xogħol fi Triq l-Awrat, Triq Kolu Vella u parti minn Triq il-Fabbriki. Din il-proposta għadha qegħda tiġi evalwata.

Għajn Dwieli — Ħofor fit-triq ta' taħt il-mini

Question

Jista' il-Ministru jara li jimtlew il-ħofor kbar li hemm fit-triq ta' taħt il-mini ta' Għajn Dwieli, liema ħofor qed joħolqu periklu għas-sewwieqa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-ħofor imsemmija ġew irrappurtati lit-Taqsima tax-Xogħlijiet u ttieħdet l-azzjoni neċessarja sabiex dan il-periklu jitneħħa.

Siġġiewi — Triq Ramija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-parti d-dejqa fi Triq Ramija, fis-Siġġiewi li ilha biex titwaqqa' u titwessa' is-snin u li hi ta' periklu konsiderevoli, sal-lum għadha ma twessgħetx? Jista' jgħid meta l-fond indikat separatament hu proġettat li jitneħħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-parti tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant qegħda fit-tarf tal-Urban Conservation Area (UCA) u biex din titwessa' trid titwaqqa' binja abitata ta' żewġ sulari. Għalhekk it-twessiegħ ikun jista' isir wara li jinħarġu l-permessi tal-MEPA u tinstab akkomodazzjoni alternattiva għar-residenti ta' din il-binja. Ingħataw struzzjonijiet lill-awtorita' dwar it-trasport biex tissottometti l-applikazzjoni neċessarja għand l-awotrita' ta' l-ippjanar.

Ħal Għaxaq — Triq Ta' Karaġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ix-xogħol mibdi fi Triq Ta' Karaġ l/o Ħal Għaxaq hux se jiġi fi tmiemu stante illi l-kuntrattur għażaq it-triq u abbanduna kollox għal aktar minn erbat ijiem bil-konsegwenza li l-bdiewa ma jistgħux jużaw l-istess triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi qed isir xogħol fil-lokalita' imsemmija mill-kuntrattur imqabbad mill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma sabiex jitqegħdu mains ta' l-ilma. Min-naħa ta' l-awtorita' sar kuntratt mal-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma biex din tiżgura li l-kuntrattur ma jgħmilx inkonvenjent. Għal aktar informazzjoni dwar dawn ix-xogħlijiet, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi lill-ministru konċernat.

Żejtun — Triq Tal-Barrani - traffic lights

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5100, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex wasal il-proċess biex isiru t-traffic lights fil-junction ta' Triq Tal-Barrani, ma Triq il-25 ta' Novembru, fiż-Żejtun? Min ħa dan ix-xogħol u b'liema prezz? Meta hu maħsub li jibda dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-awtorita' dwar it-trasport għamlet l-evalwazzjoni ta' l-offerti li ntefgħu u sar ir-rapport lill-kumitat tal-kuntratti dwar din l-aġġudikazzjoni. Għad m'hemmx deċiżjoni minn naħa tal-kumitat tal-kuntratti dwar il-ħruġ tal-letter of acceptance.

Vetturi kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn vettuir kummerċjali llum? X'tip huma u kemm-il sena għandhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Sa l-aħħar ta' April 2004 kien hemm 53,850 vettura kummerċjali. Biex l-awtorita' dwar it-trasport tinforma lill-Onor. Interpellant dwar it-tip u d-data ta' reġistrazzjoni tal-53,850 vettura tieħu ħafna żmien, u dan għaliex trid l-ewwel tagħżel it-tipi kollha u wara għal kull vettura trid issib id-data ta' reġistrazzjoni. Jekk din l-informazzjoni hija meħtieġa għal xi riċerka jew studju, nitolbok tagħtina aktar ħin u din l-informazzjoni tkun tista' tingħatalek.