Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei – job exposure għal studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hux veru li l-job exposure ta’ Lulju fl-Isptar Mater Dei għall-istudenti ta’ Santa Klara tħassar? Jekk dan huwa minnu, għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva ta' job exposure ta' Lulju fl-Isptar Mater Dei għall-istudenti ta' Santa Klara ma tħassritx.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — informazzjoni dwar vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru preċedenti kellu erba' karozzi. Tnejn kienu 'roaming cars' għas-Segretarjat u tnejn tal-Ministru. Dawn ġew ritornati lura f'Marzu 2013 lil En Route-Malta Drive Ltd. u lil Burmarrad Commercials Ltd minn fejn kienu ġew leased.

Skejjel — Tnaqqis fil-baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal xiex kien jintuża l-baġit individwali annwali għal kull skola li tnaqqas lil diversi skejjel? Jista’ l-Ministru jgħid l-iskejjel li sofrew dan it-tnaqqis fiex użaw dan il-baġit fl-aħħar 5 snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li t-tnaqqis li qed isemmi sar fil-baġit imressaq mill-gvern preċedenti f'Novembru 2012. Il-baġit annwali li jingħata lill-iskejjel jintuża sabiex jiġu kopruti diversi spejjeż ta’ natura medja sabiex jgħinu fit-tmexxija ta’ kuljum tal-iskejjel. Kif diġa ġie mwieġeb fit-tweġiba għal mistoqsija numru 2066, dawn l-ispejjeż, jinqasmu fi tlett kategoriji, iġifieri · Kapital (Capital) , · Materji u Provvisti (Materials and Supplies) u · Tiswijiet u Manutenzjoni (Repair and Upkeep ) F’dawn l-aħħar ħames snin, l-iskejjel għamlu użu tal-fondi li gew allokati lilhom skont dawn it-tlett kategoriji hawn fuq imsemmija.

Skejjel — Tnaqqis fil-baġit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid it-tnaqqis imħabbar fil-baġit ta’ kull skola individwali kif se jgħin biex jippromwovi l-kunċett ta’ aktar deċentralizzazjoni fl-edukazzjoni u aktar awtonomija għall-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Iskejjel Statali diġa għandhom l-awtonomija meħtieġa sabiex jamministraw l-baġit finanzjarju li jingħatalhom kull sena. Nirreferi għat- tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2066, fejn ġie mfisser li t-tnaqqis li sar fir-rigward tal-fondi Kapitali kien minħabba l-allokazzjoni annwali li ngħata l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-baġit imressaq mill-gvern preċedenti f'Novembru 2012. Minkejja dan, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qiegħed jaħdem sabiex jirkupra dan it-tnaqqis permezz ta’ użu ta’ fondi alternattivi li ser jissarrfu f’xogħlijiet kapitali fl-istess skejjel. Dawn ix-xogħlijiet kapitali ġew identifikati bħala meħtieġa mill-istess skejjel, u huwa proprju għalhekk li l-proċess ta’ deċentralizzazzjoni ser ikompli jiġi mwettaq.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Mid-dekasteru tiegħi ninsab infurmat li fil-perjodu indikat ma ngħatax xogħol ta' konsulenza lill-kumpanija msemmija mill-Onor. Interpellant.

Servizz Pubbliku – resits tal-eżamijiet

Question

B’ referenza għall-eżami ta’ Jannar 2013 li jwassal għad-dħul fis-servizz pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid jekk għar-resits li se jsiru fil-gradi kollha hux se jkun possibbli li joqogħdu għall-eżami anke dawk li kienu ċertifikati morda u weħlu għax ma setgħux joqogħdu għall-eżami? Jekk dan huwa minnu, għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal ċirkulari tal-PAHRO Nru. 9/2013 fejn hemm indikat li r-resits se jsiru għal dawk li ma għaddewx mill-eżamijiet li saru f'Jannar 2013. Dawk li ma qagħdux għall-eżamijiet ma jistgħux joqgħodu għal resit. Mhux in-norma li jsiru resits għal dawn l-eżamijiet. Se jsiru minħabba dak li ġara u għalhekk se tiġi offruta l-possibiltà ta' resit għal dawk li qagħdu għall-eżamijiet.

Studenti – job exposure

Question

Jista’ l-Ministru jispjega u jgħid x’kien l-iskop ta’ job exposure ta’ student?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-inizjattivi ta' Job Exposure tista' tiġi mwettqa b'varjetà wiesgħa ta' għanijiet. Bażikament dawn l-għanijiet jistgħu jitqassmu f'żewġ kategoriji: dawk edukattivi u dawk ta' esplorazzjoni ta' karrieri. L-għanijiet edukattivi jistgħu jkunu bosta u jinkludu, fost l-oħrajn, li l-istudenti jagħrfu r-relevanza tas-suġġetti akkademiċi għad-dinja tax-xogħol, kif ukoll l-għarfien tal-importanza ta' ħiliet u kompetenzi relatati mal-iżvilupp sħiħ tal-persuna, bħal kontabilità, responsabilità, dixxiplina fuqek innifsek u li wieħed jaħdem fi grupp. L-esplorazzjoni ta' karrieri tinkludi, fost oħrajn, li persuna twessa' l-għarfien tagħha dwar diversi toroq u opportunitajiet f'xi qasam partikolari, jew li persuna terġa teżamina l-ħajriet tagħha (jew il-kontra) billi tqabbel il-perċezzjoni li jkollha dwar xi settur jew karriera partikolari mar-realtà. Dawn l-għanijiet jintlaħqu billi l-istudenti tar-raba' sena fl-iskola sekondarja jkollhom l-opportunità li jqattgħu ġimgħa fuq il-kamp tax-xogħol f'diversi setturi ta' impjieg.

Studenti – job exposure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema etajiet ta’ studenti kien ikollhom job exposure? Liema skejjel kienu qed iħaddmu programm ta’ job exposure? F’liema snin sar job exposure sistematiku minn studenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-job exposure tingħata lill-istudenti tar-raba' sena sekondarja fl-iskejjel tal-Istat. Jista' wkoll ikun il-każ li ċerti studenti tal-ħames sena, minħabba raġunijiet varji, jingħataw u jibbenefikaw minn programmi adattati għalihom f'setturi differenti tax-xogħol. F'din is-sena skolastika l-iskejjel imsemmija hawn taħt organizzaw jew ser jorganizzaw job exposure fl-iskejjel rispettivi tagħhom. Kulleġġ Santa Margerita:- Skola Sekondarja Subien - Verdala Skola Sekondarja Bniet - Cospicua Skola Sekondarja Bniet - Żejtun Kulleġġ San Benedittu:- Skola Sekondarja Subien - Ħal Kirkop Skola Sekondarja Bniet - Ħal Tarxien Kulleġġ San Ġorġ Preca:- Skola Sekondarja Bniet - Ħamrun Skola Sekondarja Subien - Ħamrun Skola Sekondarja Subien - Ħaż-Żebbuġ Skola Sekondarja Bniet - Blata l-Bajda Kulleġġ Sant'Injazju:- Skola Sekondarja Subien - Tal-Ħandaq Kulleġġ Santa Klara:- Skola Sekondarja Bniet - Pembroke Skola Sekondarja Subien - Gżira Skola Sekondarja Bniet - St. Andrews Kulleġġ Maria Reġina:- Skola Sekondarja Bniet - Mosta Skola Sekondarja Subien - Mosta Kulleġġ San Nikola:- Skola Sekondarja Bniet - Rabat Skola Sekondarja Subien - Mtarfa Il-Job Exposure Experience kienet rat il-bidu tagħha fis-sena 2000 fl-iskola sekondarja tal-bniet, Cospicua u matul is-snin inxterdet ma' l-iskejjel.

Studenti – job exposure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hix politika tal-Gvern li l-istudenti jibqgħu jingħataw opportunità ta’ job exposure? Kif se titjib u tinfirex is-sistema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija l-politika tal-Gvern li l-istudenti jibqgħu jingħataw opportunità ta’ job exposure experiences matul is-sena skolastika. Fil-bidu tas-sena skolastika 2012-2013, kien sar qbil biex ikun hemm aktar koordinament u struttura fil-twettiq tal- job exposure experience . Ittieħdet il-miżura li l-iskejjel matul is-sena skolastika 2013-2014, l-professjonisti li jaħdmu direttament fl-iskejjel ser ikollhom l-għajnuna u jingħataw numru ta’ placements . Dan ser jingħata b’koordinament bejn il-professjonisti tal- career guidance li jaħdmu miċ-ċentru fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali u dawk li huma bbażati fil-kulleġġi. Fil-proċess qed tinħadem draft proposal dwar Career Exposure Policy għall-iskejjel ta’ l-istat. Din il-gwida ser tiggarantixxi ċertu proċeduri u li din l-esperjenza tkun ta’ kwalità. Il-kurrikulu nazzjonali jagħmel ukoll referenza fuq l-importanza li l-istudenti jagħmlu esperjenza fil-kamp tax-xogħol waqt l-edukazzjoni obbligatorja. Dawn il-mizuri jawguraw li l- job exposure experience tinfirex aktar mal-iskejjel sekondarji ta’ l-istat fi ħdan il-kulleġġi rispettivament.

Libreriji reġjonali u lokali – self ta’ kotba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mislufa kotba minn kull librerija reġjonali u lokali matul is-sena 2012?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arts scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ngħataw l-ewwel darba l-arts scholarships? Kemm kienu vvotati flus? Kemm ingħataw scholarships? F’liema dixxiplini ngħataw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-ischolarships tal-Arti ngħataw għall-ewwel darba fl-2010. Il-flus ivvutati fl-2010 kienu jammontaw għal €200,000. Fl-2010 kienu ngħataw 13-il Scholarship fl-Arti fid-dixxiplini u livelli kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arts scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se toħroġ u meta se tagħlaq is-sejħa ta’ din is-sena għall-arts scholarships? Il-kemm-il edizzjoni hi din is-sejħa? Kemm hemm flus ivvotati għal din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li s-sejħa għall-Arts Scholarships 2013 ġiet imnedija nhar is-Sibt, 2 ta’ Marzu, 2013 u għalqet it-Tlieta, 30 ta’April, 2013. Din hi r-raba’ edizzjoni tal-Arts Scholarships. Għal din l-iskema hemm ivvutati €250,000, l-akbar ammont li qatt ġie vvutat s'issa minn meta bdew dawn il-boroż ta' studju.

Scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa fil-ħsieb li jingħataw scholarships matul dawn il-ħames snin? Kif se jkunu mqassmin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskemi amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja din is-sena ser joħorġu l-ischolarships kollha li għalihom ġew indikati fondi fil-baġit ta’ Novembru 2012, u kif il-fondi ġew approvati fil-baġit ta’ April 2013. Fix-xhur li ġejjin, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja ser jerġa jassessja l-iskemi kollha ta’ scholarships biex ikunu aktar aċċessibbli għall-akbar firxa ta’ nies li jixtiequ jkomplu jistudjaw u jittieħdu nkonsiderazzjoni xejriet ġodda ta’ tagħlim. Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja beħsiebu japplika għal aktar fondi taħt il-programm ta’ Fond Soċjali Ewropew 2014-2020. Qed jiġu mistħarrġa possibiltajiet ġodda, biex jiżdiedu ma’ skemi simili li bħalissa huma offruti. Fost l-ideat ġodda li qed jiġu mistħarrġa hemm: placements ta’ esperjenza ma’ kumpaniji kbar internazzjonali u multi-nazzjonali, kif ukoll skema ta’ post-doctoral bursaries li jkunu speċjalizzati f’oqsma ta’ riċerka li twassal għall-kisbiet innovattivi. Filwaqt li kull sena l-MCAST jagħti appoġġ lill-membri tal-istaff tiegħu biex ikomplu l-istudji tagħhom , s’issa m’hemmx pjanijiet li jinħargu skemi ta' scholarships mill-MCAST lill-pubbliku. Permezz tal-Programm parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed tippjana li tiffinanzjascholarships taħt it-Training Subsidy Scheme lil 230 persuna sal-2014. Wara din id-data, il-Korporazzjoni bi ħsiebha tniedi proġetti oħra parzjalment iffinanzjati mill-FSE u tkompli toffri din l-iskema.

Eżamijiet fl-istess data

Question

Jista’ l-Ministru jindaga x’inhi r-raġuni li xi wħud mill-kandidati li kellhom eżamijiet differenti li jaħbtu fl-istess ħin ma sarilhomx arranġament mid-Dipartiment tal-Eżamijiet biex tingħatalhom l-opportunità li jagħmlu l-eżamijiet kollha, minkejja li għamlu talba? Kemm kien hemm każijiet simili?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma għandhux informazzjoni li kien hemm studenti li għamlu talba dwar eżamijiet li jaħbtu fl-istess ħin u li ma sarilhomx arranġament biex tingħatalhom l-opportunità li jagħmlu l-eżamijiet kollha. L-Onor. Interpellant huwa mitlub jgħid għal liema eżamijiet speċifiċi qed jirreferi.

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol? Dwar xiex qed jagħtu konsulenza lill-Ministru u lis-Segretarju Parlamentari? X’inhu l-pakkett ta’ remunerazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 343.

Skejjel — Tnaqqis fil-baġit

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-baġit annwali li jingħata lil kull skola tnaqqas b’ordni tal-Ministeru? B’kemm tnaqqas dan il-baġit? Għaliex tnaqqas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-baġit annwali li jitqassam f’kull skola jitqassam fi tlett kategoriji; 1. Repairs & Maintenance 2. Materials & Supplies 3. Capital Il-baġit li gie allokkat lil Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fir-rigward tal-ewwel zewġ kategoriji hawn fuq imsemmija għas-sena 2013 huwa l-istess bħas-sena 2012. It-tnaqqis li sar huwa fir-rigward il-fondi Kapitali peress li fl-Estimi tal-2013 fil-vot tal- Capital Equipment Funds ġew allokati €300,000 inqas milli kien ġie allokat is-sena ta’ qabel. Dan it-tnaqqis kien ġie propost fil-Baġit li ġie pprezentat f’Novembru 2012.

Istitut tal-Agrobusiness – korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-korsijiet differenti li bħalissa qed jinżammu mill-Istitut tal-Agrobusiness, u jekk hemm xi korsijiet oħra marbuta mal-agrikultura jew sajd/akwakultura, minn xi organizzazzjoni oħra edukattiva? Kemm hemm studenti f'kull wieħed minn dawn il-korsijiet, u minn liema lokalità ġejjin? Meta hu mistenni li jtemm il-kors tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Mid-dekasteru tiegħi ninsab infurmat li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jinkoraġġixxi servizzi ta’ Customer Care mill-Kunsilli Lokali għal dik li hi informazzjoni u applikazzjonijiet għal korsijiet Lifelong Learning. Dawn is-servizzi jinkludu: 1. tqassim b’xejn tal- Prospectus Lifelong Learning . 2. twaħħil ta’ Posters f’postijiet prominenti. 3. għajnuna lil kull min jixtieq japplika on-line għal xi kors, kif ukoll il-faċilita’ li wieħed jista’ japplika on-line mill-Kunsill Lokali stess. Għal dawn l-għanijiet, id-Dipartiment għal Kunsilli Lokali jibgħat Memo lill-Kunsilli Lokali kollha, filwaqt li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jaħtar persuna sabiex tassisti lill-impjegati tal-Kunsilli Lokali f’każ ta’ diffikultà.

Skolasajf

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis fl-allokazzjoni finanzjarja għal Skolasajf ta’ din is-sena kemm dik f’Malta kif ukoll dik f’Għawdex? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hix qed tiġi kkunsidrata li jinbidel il-mod kif qed titħaddem Skolasajf ? Jekk hemm din il-konsiderazzjoni ta’ tibdil, jista’ jgħid jekk hix qed tiġi kkunsidrata li f’ċertu lokalitajiet żgħar Skolasajf ma tibqax tiġi organizzata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma hu qed jiġi kkunsidrat l-ebda tibdil kif titħaddem Skolasajf.

Kunsill Nazzjonali tal-Żgħażagħ — awtonomija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li sa issa l-Kunsill Nazzjonali tal-Żgħażagħ (KNŻ) għadu ma rċeviex l-għajnuna finanzjarja li s-soltu jirċievi mingħand il-Gvern ? Jista’ jikkonferma jekk hux qed jikkunsidra li jneħħi l-awtonomija tal-istess Kunsill?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ inħarġilhom ċekk ta' €4000 fid-29 ta' Mejju 2013. Dan huwa l-ammont sħiħ mitlub mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Sal-lum dan iċ-ċekk għadu ma nġabarx għalkemm saru numru ta' telefonati sabiex jinġabar. L-għajnuna finanzjarja li jirċievi l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ mingħand il-Gvern għadu jinħareġ bħal fis-snin preċedenti. Il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jneħħi l-awtonomija tal-istess Kunsill.