Legislature:
Category:
Reset
Active:

Legal Notice

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20628, jista' l-Ministru jgħid meta se jkunu ppubblikati l-emendi għall-Avviż Legali 153/2015 abbażi tad-diskussjoni dwar l-infurzar lokali fil-Parlament meta kien ġie diskuss l-Avviż Legali 153/2015 u li dwarhom kien hemm qbil bejn iż-żewġt naħat tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed nara jekk, xahar wara li bdiet topera l-LESA, hemmx bżonn xi emendi zgħar f’xi partijiet tal-Avviz Legali għaliex bħalma dejjem jiġri meta liġi tibda titħaddem kultant wieħed jibda jirriskontra xi teething problems. F’dan il-każ ma jidhirx li hemm din il-ħtieġa imma xtaqt li dan it-tibdil li qed isemmi l-Onor Interpellant ikun inkluż ma’ kwalunkwe emendi żgħar li jista’ jkun hemm bżonn.

Heritage Malta — Fanal tal-Ġordan - manutenzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20641, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Għasri għandux talba pendenti għad-devoluzzjoni tal-Fanal tal-Ġordan u dan peress li għalkemm is-sit huwa tad-Dipartiment tal-Artijiet, it-talba għad-devoluzzjoni dejjem issir mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali? Jekk hemm applikazzjoni pendenti, din ġiet trattata? Jekk iva, x’kien l-eżitu?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Għasri li fil-passat kien beda diskussjonijiet biex il-Fanal tal-Ġordan ikun devolut lill-Kunsill iżda qatt ma saret applikazzjoni uffiċċjali peress li kien infurmat li l-fanal huwa taħt ir-responsabiltà ta’ Transport Malta u ma setax ikun devolut lill-Kunsill.

Membri tal-Ġudikatura – irtirar bl-età

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ liema membri tal-Ġudikatura huma mistennija jirtiraw bl-età fil-ħames snin li ġejjin, sena b’sena?

Response (BONNICI, OWEN)

L-elenku tal-Membri tal-Ġudikatura li huma mistennija jirtiraw bl-età fil-ħames snin li ġejjin huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt: KUNJOM ISEM GRAD SENA TAL-IRTIRAR Degaetano Vincent Imħallef 2017 Micallef Trigona Tonio Maġistrat 2017 Scicluna David P. Imħallef 2017 Camilleri Silvio Prim Imħallef 2018 Mizzi Antonio Imħallef 2018 Meli Silvio Imħallef 2019 Coppini Paul Maġistrat (Qrati t’Għawdex) 2019 Cuschieri Noel Imħallef 2019 Azzopardi Joseph Imħallef 2020 Mallia Tonio Imħallef 2020

Appelli Ċivili Superjuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena fl-aħħar ħames snin, kemm-il appell Ċivili (Superjuri) ġew iddikjarati deżerti minħabba li sad-data tas-smigħ fl-Appell ma tkunx tħalset il-kawtela tal-Appell? Jista’ jgħid għal kull waħda fl-aħħar ħames snin, kemm kien hemm Appelli Ċivili Superjuri li ġew preżentati u deċiżi?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni, dwar in-numru tal-appelli (Ċivili Superjuri) ppreżentati, ta’ dawk li ġew deċiżi u ta’ dawk li ġew iddikjarati deżerti minħabba li sad-data tas-smigħ fl-Appell ma tkunx tħallset il-kawtela tal-Appell, f’dawn l-aħħar ħames snin, huma indikati hawn taħt: Sena Appelli introdotti Appelli terminati Appelli dikjarati Deżerti (kawteli mhux imħallsa) 2015* 291 321 7 2014 447 361 17 2013 457 259 23 2012 442 221 8 2011 356 336 10 2010 366 355 33 * mill-01/01/2015 sal-05/11/2015

Kunsill Lokali – fixed pavement publicity sign

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi mingħand kull kunsill lokali minn Jannar 2013 ‘l hawn għall-istallazzjonijiet fuq art pubblika ta’ fixed pavement publicity signs fil-lokalitajiet kollha? Jista’ jqassam din l-informazzjoni xahar b’xahar u lokalità b’lokalità? Kemm ġie impost ħlas fuq kull fixed pavement publicity sign minn kull kunsill lokali? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji ħarġu dawn il-permessi?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Wirja li tfakkar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir — spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tqum il-wirja li tfakkar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir, imtella’ minn Heritage Malta? Jista’ jagħti break down tal-ispejjeż li tħallsu u li għadhom dovuti abbażi tax-xogħol imwettaq u l-kuntrattur li għamel ix-xogħol? Xi spejjeż fadal jitħallsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-wirja li tfakkar l-450 sena mill-Assedju l-Kbir ġiet tiswa €246,647.57 (VAT inkluż). Il-lista bid-detallji ta’ fejn intefqu l-flus, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nieħu l-opportunita' li nirringrazzja lill-istaff kollu ta' Heritage Malta tad-dedikazzjoni kbira li wrew biex ittellgħet din il-wirja ta' livell internazzjonali.

Berġa ta’ Kastilja – xogħol ta’ tħaffir fil-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx max-xogħol ta’ tħaffir fil-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja li sar riċenti u li ġab kundanna u kritika anke mill-professur li d-dettalji dwaru qed jingħata separatament u esperti oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-approvazzjoni għall-proġett tad-dawl ta’ Kastilja bil-kundizzjonijiet tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li ħarġet f’DNO tal-MEPA numru 01899/15. Jirriżulta li s-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali tat in- no objection tagħha għal dan l-iżvilupp b’dana li jiġu segwiti erba’ kondizzjonijiet. Il-kondizzjonijiet, meta jinqraw, jagħmluha ċara li ma għandhomx isiru interventi fuq il-faċċata li jew ma jkunux riversibbli jew inkella jħallu impatt fuq il- fabric tal-faċċata. Il-kondizzjonijiet, ġustament, jgħidu wkoll li l-cables għandhom jutulizzaw id- “duct routes” antiki li ġew ibblukkati fl-aħħar interventi ta’ restawr. Jiena informat li fl-istallazzjoni tad-dawl il-ġdid fil-faċċata ta’ Kastilja sa fejn kien possibbli sar użu tad- duct routes antiki li ġew ibblukkati fl-aħħar interventi ta’ restawr.

Avukati — Għajnuna legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta’ avukati li ntużaw biex jagħtu l-għajnuna legali permezz tas-servizz mogħti mill-Gvern stess? Min kienu l-avukati nvoluti f’dan ix-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ avukati li għadhom jagħtu s-servizz fuq il-lista tal-għajnuna legali fil-Qorti (Malta) huwa erbatax (14) filwaqt li għal Qorti (Għawdex) huma tlieta (3) għal total ta’ sbatax (17). Lista tal-ismijiet tal-avukati tal-għajnuna legali qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — assistent parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sa l-2013 ? X kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Peress li bejn l-2008 u l- 2013 il-portafoll tal-Ministeru tiegħi kien diviż bejn bosta Ministeri oħra, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw mill-Onor. Ministri f’mistoqsijiet parlamentari numru 20363, 20370 u 20372.

Dipartiment tal-Mużewijiet – każijiet ta’ sejbiet storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19277, u jgħid kemm kien in-numru ta’ każijiet ta’ sejbiet storiċi li ġew irrapportati lid-Dipartiment tal-Mużewijiet matul l-aħħar 10 snin? Fejn instabu dawn il-fdalijiet u x’kienu l-fdalijiet li nstabu? X’jiġri f’każijiet bħal dawn?

Response (BONNICI, OWEN)

Bejn is-snin 2005 u 2015, instabu 130-il sit arkeoloġiku mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Siti ta’ valur arkeoloġiku jew storiku li jinsabu waqt xogħol ta’ żvilupp jiġu protetti skond l-importanza tagħhom, skond iċ-ċirkustanzi tal-iskoperta u kif tipermetti l-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali u dik dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u skond il-Pjan ta’ Struttura. Kif indikat fit-Tabella annessa, f’dawn l-aħħar 10 snin 121-il sit arkeoloġiku ġew protetti mis-Sovrintendenza. Kważi f’kull każ, il-proġett ta’ żvilupp fejn saru dawn s-sejbiet kellu jiġi emendat biex is-sit arkeoloġiku jibqa protett u ma jinqeridx. Sebgħa każijiet ta’ sejbiet arkeoloġici jew storiċi ta’ valur minuri ġew dokumentati, iżda ma setgħux jiġu protetti. L-investigazzjoni ta’ tliet skoperti għadha mhix konklużi.

PBS – self mill-banek

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li f’dawn l-aħħar xhur il-banek irrifjutaw li jisilfu aktar flus lill-PBS? X’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Membru li din hija allegazzjoni mhux veritiera, tant li sal-lum il PBS għadha ma għamlitx użu mill-faċilitajiet tas-self kollu li għandha għad-dispozizzjoni tagħha.

Is-Swatar – Kunsill Amministrattiv — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Kunsill Amministrattiv fis-Swatar bejn Jannar 2015 u Settembru 2015 mill-allokazzjoni mogħtija lilhom u fiex sar l-infieq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kumitat Amministrattiv tas-Swatar li nefaq is-somma ta’ € 26,247.77 fil-perjodu msemmi. Qed inqiegħed skeda b’deskrizzjoni tax-xogħolijiet li saru, fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali – telf/dejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex għandu telf jew dejn (akkumulat sal-aħħar ta’ Settembru 2015) ? Għal liema raġuni l-kunsilli jattribwixxu d-dejn li jkollhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed tinġabar l-informazzjoni mitluba mingħand il-Kunsilli Lokali nfushom u għalhekk it-tweġiba tkun tista’ tingħata hekk kif jintemm dan l-eżerċizzju ta’ ġbir ta’ informazzjoni.

ANSEK — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni (ANSEK) matul l-2015? X’kienet l-aġenda tal-laqgħa u min attenda għal-laqgħa? Inżammu minuti matul dawn il-laqgħat? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Segretarju Parlamentari Dr. Stefan Buontempo li huwa nkarigat mill-portafoll tal-Gvern Lokali, żamm kuntatti regolari ma’ ANSEK jew il-President tal-istess assoċjazzjoni. Ħafna minn dawn il-kuntatti kienu informali iżda b’mod aktar formali inżammu dawn il-laqgħat li ġejjin: Data Suġġett diskuss 1 9 ta’ Jannar 2015 Problemi li jiffaċċjaw is-Segretarji Eżekuttivi 2 2 ta’ Frar 2015 Korsijiet bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Public Policy tal-Università ta’ Malta 3 26 ta’ Ġunju 2015 Okkażjoni tal-Premju Segretarju Eżekuttiv Irrid ngħid li kien hemm ix-xewqa miż-żewġ naħat li jkun hemm laqgħa kull xahar.

Presidenti tar-Reġjuni — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ mal-Presidenti tar-Reġjuni matul l-2015? X’kienet l-aġenda tal-laqgħa u min attenda għal-laqgħa? Inżammu minuti matul dawn il-laqgħat? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ltqajt mal-Presidenti tar-Reġjuni ta’ Malta individwalment (jigifieri f'laqghat back to back president-president) fit- 23 ta’ Lulju 2015 kif ukoll fis-17 ta’ Settembru 2015. Saret laqgħa waħda mar-Reġjun t’ Għawdex fis-17 ta’ Settembru 2015. F'dawn il-laqgħat s'intendi attenda wkoll is-Segretarju Parlamentaro Stefan Buontempo. Is-suġġett kien l-infurzar lokali.

Kunsilli Lokali – Aġenti Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Kunsill Lokali għandu Aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista’ jagħti lista ta’Segretarji Eżekuttivi u fejn qed iservu,ma’ liema Kunsilli hemm aġent Segretarju Eżekuttiv u f’liema kunsilli qed iservu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm erbatax-il Kunsill Lokali li għandu Aġent Segretarju Eżekuttiv. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Segretarji Eżekuttivi u fejn qed iservu kif ukoll lista ta’ Kunsilli fejn hemm Aġent Segretarju Eżekuttiv.

Rwoli tar-reġjuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu r-rwol tar-Reġjuni issa li m’għadhomx responsabbli mill-infurzar lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Liġi Sussidjarja S.L.363.160 Art. 19 (1) fejn hemm il-lista ta’ funzjonijiet tal-Kumitati Reġjonali. Il-Ministeru ser ikun qed jaħdem mal-Kumitati Reġjonali sabiex ikompli jgħinhom iwettqu tali funzjonijiet.

Qorti – gradi ta’ staff tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi tal-staff tal-Gvern fil-qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari, qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-gradi tal-ħaddiema tal-Qrati ta’ Malta u Għawdex.

Ksur ta’ liġi – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru responsabbli jara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għaliex qiegħed isir ksur ta' liġi rigward permess ta' bejjiegħ tal-ħaxix?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit partikolari li qed jirreferi għalih huwa fiż-żona industrijali tal-Imrieħel ġo Birkirkara, u mhux Ħal Qormi. Tali żoni huma esklużi mir-responsabbilta’ tal-Kunsilli għal dak li huwa manutenzjoni f’termini ta’ toroq u indafa. Fid-dawl li l-materja hija ta’ natura kummerċjali, peress li liċenzja biex wieħed jopera attività kummerċjali toħroġ mid-Diviżjoni tal-Kummerċ, allura nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Rati dwar kawżi tal-Qorti – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntatjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament għaliex jixtieq iktar informazzjoni rigward rati dwar kawżi tal-Qorti?

Response (BONNICI, OWEN)

L-uffiċjali tal-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja għamlu kuntatt mal-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament u ngħata l-informazzjoni rikjesta. Illi kull min jeħtieġ xi informazzjoni dwar xi kawża tiegħu jista’ jirrikorri għand il-customer relations desk tad-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja jew personalment jew billi jċempel fuq in-numru 25902382 jew billi jibgħat email fuq courts.justice@gov.mt.