Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #26965 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Qasam turistiku f’Għawdex — records

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ir-records li qed jiġu rreġistrati fil-qasam turistiku f’Għawdex? Jista’ jipparaguna dan mas-sena 2012?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella li turi n-numru ta’turisti bejn l-2012 u l-2015, u żewġ tabelli oħra li juru n-numru ta’ turisti barranin u ljieli fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonat mal-istess perijodu f’dawn l-aħħar erba’ snin. Dan juri li matul l-2015 kien hemm żieda fit-turisti barranin ta’ 8.6% meta pparagonat mal-2014, u żieda ta’ 23.1% meta pparagonat mal-2012. Din it-tabella turi wkoll li ż-żieda l-iktar konsistenti kienet f’dawk in-nies li joqogħdu iktar minn lejl wieħed f’Għawdex. Iż-żieda fit-turisti barranin fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonata mal-istess perijodu fl-2012 kienet ta’ 60.4%. Iż-żieda fin-numru ta’ ljieli fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena meta pparagonata mal-istess perijodu fl-2012 kienet ta’ 43.6%.
Leg 12 PQ #26966 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – proġett taċ-Ċittadella

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella u kif dan issa huwa ġawhra f’nofs il-gżira Għawdxija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea intitolat ‘Implimentazzjoni tal-proġett tal-Master Plan taċ-Ċittadella’ ERDF 246 ġie inawgurat mill-Onorevoli Prim Ministru fl-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena. Kif qal tajjeb l-Onorevoli Interpellant, permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet iċ-Ċittadella issa hija ġawhra f’nofs il-gżira ta’ Għawdex u dan jixdhuh il-kummenti sbieħ fuq il-media soċjali dwar ix-xogħlijiet imwettqa u l-eluf ta’ turisti li ta’ kuljum iżuru liċ-Ċittadella. Filfatt mill-inawgurazzjoni ‘l hawn, jiġifieri f’dawn l-aħħar tliet xhur u nofs, mitt elf persuna żaru ċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella. Dan l-aħħar iċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella deher b’mod prominenti fl-AV Magazine, rivista ippubblikata f’Londra li titratta dwar l-aħħar żviluppi fil-qasam tat-teknoloġija tas-sistemi awdjo viżivi. Din is-sena l-istess Ċentru u l-Perit li ddisinnjah Martin Xuereb, ingħataw wkoll żewġ unuri mill-Malta Architect Awards. Dawn l-unuri, wieħed għar-riabilitazzjoni u konservazzjoni ta’ post storiku u l-ieħor għall-binja pubblika, jirrikonoxxu l-aqwa disinni arkitettoriċi f’Malta bil-għan li jispiraw u jinfluenzaw l-istakeholders ewlenin tal-industrija fil-gżejjer Maltin biex joħolqu strutturi li jsebbħu u mhux iħassru l-ambjent li jinsabu fih. Naturalment iċ-Ċittadella hija sit kbir u miftuħ u teħtieġ xogħol u manutenzjoni kontinwa li l-Ministeru għal Għawdex ser jibqa’ jwettaq skont il-ħtieġa.
Leg 12 PQ #26967 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – proġett ta’ Pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett tal-pixxina fil-Belt Victoria?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex permezz tal-Privatisation Unit ħareġ Request for Proposal. Din ġiet aġġudikata u bħalissa qed jiġi mfassal il-Memorandum of Understanding.
Leg 12 PQ #27417 Sitting 438 2016-10-28 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Qorti ta’ Għawdex – avukat tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa l-avukat tat-tfal li jservi fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid għaliex m’hemmx avukat tat-tfal abbinat biss mal-Qorti ta' Għawdex u kull darba li jkun hemm każ dan irid jitla' minn Malta? Jista' jgħid f'kemm-il każ matul l-2015 u matul l-2016 sal-lum ġie appuntat avukat tat-tfal mill-Qorti ta' Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 12 PQ #26956 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – kilometri ta’ toroq asfaltati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra bl-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati f’Għawdex minn Marzu 2013 sal-lum? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jipparaguna dawn il-kilometri mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ kilometri ta’ toroq li ġew asfaltati minn Marzu 2013 sal-lum kienet ta’ kważi 21 kilometri. Dan huwa numru konsiderevoli ta’ kilometri asfaltati meta paragunati mal-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista. L-spiża f’dawn l-aħħar tlett snin kienet ta’ kważi €9 miljuni. Mentri fl-aħħar ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista kienu intefqu biss madwar €7 miljuni.
Leg 12 PQ #26957 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – Elderly Home – andament tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar l-andament tax-xogħol fis-sit fejn qed tinbena l-Elderly Home f’Għajnsielem, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li wara li tlesta x-xogħol tat-twaqqiegħ u taħmil f’Dar San Ġużepp ingħata bidu għax-xogħol ta' bini fl-istess sit. Ix-xogħol f’dan is-sit miexi b’ritmu tajjeb ħafna u sa issa tlesta x-xogħol fuq il-parkeġġ taħt l-art, restaurant u faċilitajiet anċillari kif ukoll nbeda x-xogħol ta' bini fuq l-ewwel sular li jinkludi kmamar għar-residenti u reception area.
Leg 12 PQ #26958 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Għajnsielem – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali t’Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-pjazza prinċipali t’Għajnsielem kien jinkludi diversi xogħlijiet estensivi, fosthom it-tiswija ta’ ħsarat ikkawżati minn l-għeruq tas-siġar. Ingħata l-konkos fil-post u nbnew ħitan tal-ġebel bħala lqugħ għall-għeruq tal-Ficus Nitida. Tħawlu siġar ġodda fil-ġnien tal-parroċċa u ġew ukoll rilokati erba’ (4) siġriet, reġgħu ġew mibnija mill-ġdid il-pedamenti tal-pjazza biex jingħata l-konkos, u nbena ġibjun ta’ tletin (30) metru kubu biex jilqa’ l-ilma tax-xita mill-bejt tal-knisja parrokkjali. Inbnew ukoll rampi u turġien għal aktar aċċessibbiltà u ġie allokat spazju fejn jistgħu jieqfu l-vetturi ( lay-by ). Il-proġett ħaseb ukoll għal trinek għas-servizzi, bħal irrigazzjoni, dawl u tiżjin tal-festa.
Leg 12 PQ #26959 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xagħra – pjazza prinċipali — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed isir fil-pjazza prinċipali tax-Xagħra, ċjoè Misraħ il-Vittorja u 8th September Avenue?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sar xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq 8 ta' Settembru u tisbiħ estensiv ta' pjazza Vittorja. Dan ix-xogħol kien jinkludi bdil ta' mejns, xogħol gdid ta' pavimentar, tqegħid ta' porfido u asfalt kulur t-terrakotta. Ix-xogħol tlesta fl-intier tiegħu.
Leg 12 PQ #26960 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Pjazza San Franġisk — proġett

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett li qed jitwettaq minn dan il-Gvern fi Pjazza San Franġisk, Victoria, Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proġett tat-taraġ ta' pjazza San Franġisk tlestew il-piles u bħalissa l-proġett qiegħed fil-fażi ta’ kostruzzjoni tal-pjan terran liema livell ser jinkorpora Tourist information office, kif ukoll aċċess għal lift li ser jopera bejn Triq Salvatore Psaila u Pjazza San Franġisk.
Leg 12 PQ #26961 Sitting 437 2016-10-27 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Victoria – Toroq – xogħlijiet infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar ix-xogħol infrastrutturali li sar jew qiegħed isir f’diversi toroq tal-Belt Victoria, partikolarment fit-toroq Gedrin, Dawwara, Għajn Qatet, Vajringa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddej xogħol estensiv ta' asfaltar u bini mill-ġdid ta' toroq prinċipali ġewwa r-Rabat. Uħud minn dawn it-toroq huma Triq Vajrinġa, Triq Għajn Qatet, Triq Għedrin, Triq Sant Ursola u Triq it-Tomba. Dawn it-toroq kienu jinsabu fi stat ħażin ħafna.
Leg 12 PQ #28064 Sitting 433 2016-10-26 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Operations and Maintenance Expenses – Contractual Services – Vot numru 30

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li Vot 16 Recurrent – line item 30 Contractual Services taħt Operational and Maintenance Expenses għas-sena 2017 żdied b’aktar mid-doppju fuq is-sena kurrenti u ċjoè minn €230,000 għall-€550,000? Fiex hu proġettat li se jintefqu dawn il-flus? Fis-sena li qegħdin fiha, x' intefaq minn dan il-vot u lil min tħallsu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28064 se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #27920 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – bini ta’ yacht marina u cruise liner terminal — konsorzju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiġi magħżul il-konsorzju li se jibni l-Yacht Marina u l-Cruise Liner Terminal f’Għawdex? Meta hu mistenni li jibda dan ix-xogħol u meta hu mistenni li dan il-proġett jibda jilqa’ fih l-ewwel yacht u l-ewwel Cruise Liner? Jikkonferma li dan il-proċess għadu quddiem il-Privitisation Unit fejn kien f'Jannar li għadda meta huwa kien wieġeb il-mistoqsija parlamentari 22471?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 27715.
Leg 12 PQ #28043 Sitting 431 2016-10-25 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Cruiseliner terminal u yacht marina – diskors tal-Baġit

Question

B'referenza għad-diskors tal-Baġit għas-sena 2017, u billi fid-diskors tal-Bagit tas-sena 2016 kien intqal li għaddejjin negozjati mal-konsorzju li ssottometta l-proposti tiegħu dwar il-bini ta' cruiseliner terminal u yacht marina f'Għawdex, u peress li fid-diskors tal-baġit għas-sena d-dieħla ma kien hemm l-ebda referenza għal dawn iż-żewġ proġetti, jista' jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li dawn il-proġetti jitwettqu?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari 27715
Leg 12 PQ #27858 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel u Terminal taċ-Ċirkewwa – Automated External Defibrillator

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq it-tliet vapuri tal-Gozo Channel u fit-Terminal taċ-Ċirkewwa u dak tal-Imġarr hemmx Automated External Defibrillator? Jekk iva, f'kull każ f’liema data twaħħlu? Issir manutenzjoni regolari fuq dawn l-AED's? Hemm ħaddiema tal-Gozo Channel li huma mħarrġa biex jużawhom? Jekk iva kemm hemm u huwa żgurat li jkun hemm dejjem ħaddiem imħarreġ kif jużahom fuq kull vapur f'kull shift kif ukoll fit-terminals?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Channel tikkonferma li t-tlett vapuri kif ukoll iż-żewġ terminals li t’opera huma attrezzati b’ automated external defibrillators (AEDs). Dawn ġew installati fis-sajf tal-2012 u ssir manutenzjoni regolari mid-distributur lokali. Saru korsijiet apposta lil diversi impjegati, kemm fl-użu tal-AEDs kif ukoll f’RESUS u l-kumpanija se tkompli tħarreġ aktar ħaddiema fl-użu tal-AEDs. Bħala numru ta’ ħaddiema mħarġa biex jużaw l-AEDs, attwalment il-kumpanija għandha 18-il ħaddiem u dawn ikopru x-xiftijiet kemm fuq il-vapuri kif ukoll l-art. Barra min hekk l-AEDs huma nstallati f’postijiet pubbliċi biex ikunu aċċessibbli għal kulħadd f’każijiet t’emerġenza.
Leg 12 PQ #27862 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – oġġetti tal-arti mixtrija mill-Vot 5824

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'oġġetti tal-arti nxtraw matul is-sena 2016 mill-vot numru 5824 taħt il-vot tal-Ministeru għal Għawdex? Jista' jagħti deskrizzjoni ta' kull biċċa arti li nxtrat, kemm swiet u min hu l-artist? Jista' jgħid fejn qed jinżammu dawn il-biċċiet tal-arti li nxtraw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #27863 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Back office taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema back office taċ-Ċivil ġdid inġab f'Għawdex matul is-sena 2016? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa per konsegwenza ta' dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nġab grupp ta’ ħaddiema tad-dwana. Dawn ġew stazzjonati fl-uffiċji taż-Żewwieqa. Qegħdin ukoll nahdmu biex nallokaw spazju biex inkunu nistgħu ntellgħu aktar Pulizija lejn Għawdex.
Leg 12 PQ #27918 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21836 u jagħti lista ta’ kull direct order, kienet ta’ liema valur kienet, li ta kull dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, matul is-sena 2015? Jista’ jgħid f’kull każ x’inxtara jew x’servizz ingħata, kif ukoll il-valur u min ġie mħallas?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #27919 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – persuni li għandhom priority pass u free travel pass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li għandhom priority pass u/jew free travel pass biex jitilgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid x’inhu l-kriterju li jintuża mill-kumpanija biex tagħti dan il-priority pass u/jew free travel pass lil dawn il-persuni? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn il-kriterji fuq il-Mejda tal-Kamra? Id-deċiżjoni jekk jinħarġux dawn il-passes jew le, min jeħodha l-Ministru għal Għawdex jew il-Bord tal-Gozo Channel?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 22095.
Leg 12 PQ #28037 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Airstrip Feasibility Study – Vote 17 – Recurrent line item 5777

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji tas-sena 2016 speċifikament għall-Vote 17 Recurrent line item 5777 - Gozo Airstrip Feasibility Study, fejn hemm indikat li fl-2015 kienu ġew approvati €100,000 u fl-2016 kienu vvutati €35,000, jista' l-Ministru jgħid min għamel dawn l-istudji? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lil Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru W504.
Leg 12 PQ #28038 Sitting 430 2016-10-24 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Funding of non-Government Organisations – Vote 17 – Recurrent line item 5274

Question

B'referenza għall-Estimi Finanzjarji tas-sena 2016, eżattament Vote 17 Recurrent - line item 5274 - Funding of non-Government Organisations, fejn kienu ġew ivvutati €90,000, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dan l-ammont ġew allokati sa meta tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija? Jista' jgħid: a) liema kienu l-NGO's li bbenifikaw minn din l-iskema; u b) kemm kien l-ammont allokat lil kull NGO?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li għada qiegħda tiġi mfassla struttura adekwata li tagħmel ġustizzja mal NGOs kollha u dwar il modus operandi b’dan il-vot din is-sena. Għas sena 2016, il-fondi kollha ta’ dan il-vot ġew allokati għall-Fondazzjoni Kenn u Tama’ li topera Dar Emmaus li qed tagħmel xogħol imprezzabli ma’ nies vulnerabbli fis-soċjeta’ Maltija.