Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala persuni b'diżabilita' li: i) qed jaħdmu full-time; ii) qed jaħdmu part-time; u iii) qed jirreġistaw għax-xogħol bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-mistoqsija ser tiġi mwieġba aktar tard minħabba li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk il-persuni li ġew impjegati mill-ETC fix-xhur ta' Novembru, Diċembru 2000 u sal-lum Jannar 2001? Jista' jagħti n-numru ta' l-I.D. card ta' dawk li ġew impjegati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f'Novembru u Diċembru 2000 ma ġie mpjegat ħadd mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. F'Jannar 2001 ġew impjegati tmien persuni. Ma narax għaliex għandi nagħti n-numru tal-karta ta' l-identita' ta' dawn il-persuni.

Mistoqsijiet Parlamentari

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi nru. 21123 (Seduta 13/11/2000) u inwieġba f'Seduta Nru. 428 (17/11/2000), possibbli l-Viċi Prim Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid: 1) Sal-lum f'din il-leġislatura (16/1/2001) kemm saru mistoqsijiet parlamentari għal tweġiba orali? 2) Kemm minnhom saru minn Membri tal-Gvern? u 3) Kemm-il dokument tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'din il-leġislatura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din il-leġislatura, sas-16 ta' Jannar 2001 saru 22,813 mistoqsija parlamentari għal tweġibiet orali, li minnhom 2,903 saru minn Membri tan-naħa tal-Gvern. Sa l-istess data tpoġġew, 3,187 dokument fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li mhux ser jieħdu żieda li tħabbret fl-aħħar budget skond ir-riforma taċ-ċivil? Jista' u jgħid kemm hemm pensjonanti li mhux ser jieħdu żieda ta' l-għoli tal-ħajja mħabbra fl-aħħar budget? Jista' jgħid kemm ser jieħdu żieda ta' l-għoli tal-ħajja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jħallas 'l fuq minn 34,000 Pensjoni għal Min Jirtira, ftit sktar minn 13,000 Pensjoni għar-Romol u 'l fuq minn 6,255 Pensjoni għal Invalidita'. Skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) r-rati ta' dawn il-pensjonijiet u benefiċċji oħra iridu jiġu riveduti kull sena. Fil-każ tal-pensjonijiet kontributorji l-għan ta' din ir-reviżjoni hi li jiġi sostitwit id-Dħul Pensjonabbli li fuqu tkun inħadmet oriġinarjament il-pensjoni b'mod li dan id-Dħul jibda jinkludi xi żieda li tkun ingħatat b'riżultat ta' xi struttura ġdida fil-pagi. Barra minn hekk, il-Liġi tipprovdi wkoll li jingħata proporzjon taż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Huwa proprju fuq dawn iż-żewġ eżerċizzji li d-Dipartiment bħal daż-żmien ikun qiegħed jiffoka r-riżorsi umani kollha li għandu, nkluż xogħol bis-sahra. Napprezza jekk l-Onor. Membru flimkien ma' Membri oħra taż-żewġ naħat ta' din il-Kamra li kemm jista' jkun jevitaw hekk kmieni fl-ewwel xhur tas-sena domandi simili. Ir-raġuni għal dan hu li dawn it-tip ta' domandi jirrekjedu li minn naħa tad-Dipartiment effettivament ssir ir-reviżjoni li semmejt aktar qabel, sew fil-każ ta' statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant kif ukoll f'mistoqsijiet dwar xi każi ta' ndividwi partikolari. Anzi, fil-każ ta' l-aħħar, id-Dipartiment iħoss li jkun jonqos minn ċertu etika jekk b'riżultat ta' domanda parlamentari fuq xi ndividwu l-każ tal-pensjoni tiegħu jiġi rivedut ferm qabel minn dak ta' sieħbu.

Impjiegi — Żieda fil-pagi taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija hux ser jieħu żieda fir-riforma li saret fiċ-Ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru. 22849.

Pensjoni tar-Romol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, għall-pensjoni tar-romol tiġi proċessata peress li r-raġel tagħha miet fit-22 ta' Marzu, 2000 u hi għadha ma bbenefikatx mill-għajnuna msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li għaliha qiegħed nirreferi ġiet mitluba tavviċina lid-Dipartiment. Din il-persuna qiegħda tieħu benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.

Djar — Għajn Qajjied

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-Dipartiment tal-Housing jirranġa l-madum perikoluż li hemm mad-dawra tal-Blokki tal-Flats ta' qasam tad-djar ta' Għajn Qajjied ir-Rabat, Malta partikolarment fil-parti ta' Block D fejn kellhom inċidenti anzjani, persuni b'diżabilita' u tfal li waqgħu kawża tal-istat ħażin ta' dan il-madum? Billi residenti ilhom is-snin jilmentaw dwar din il-problema, jista' jara li d-Dipartiment tal-Housing jirrimedja għal dan il-bżonn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk dan il-madum jinsab barra blokk, ir-responsabbilita' tat-tiswijiet tiegħu hija tal-Kunsill Lokali. Sadanittant ser ngħaddi il-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jinvestiga.

Housing — Ġnien

Question

Peress li d-dipartiment tal-housing responsabbli mill-ġonna tal-housing estates, flimkien mad-dipartiment tal-agrikoltura u l-kunsill lokali tar-Rabat kienu ħejjew pjan sabiex jiġi żviluppat ġnien fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjied, u l-fatt li matul 1999 u 2000 dan l-iżvilupp baqa' ma sarx, jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga x'kienu r-raġunijiet li ġara hekk u possibbilment jintervjeni sabiex ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett jsiru matul is-sena d-dieħla 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba dwar l-istess suġġett li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20221 f'Seduta 409.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament spiċċat b'pensjoni żgħira ta' Lm74 kull erba' ġimgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tirċievi.

Djar — Units ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu t-total ta' units ġodda, djar u appartamenti, li tqassmu mill-gvern lill-inkwilini Maltin u Għawdxin mill-bidu ta' l-1971 sat-tmiem tal-2000? Jista' jgħid ukoll kemm mill-inkwilini oriġinali għadhom jokkupaw l-istess fond li ngħatalhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni dwar din il-Mistoqsija qiegħda tinġabar u tingħata risposta aktar tard.

Żgħażagħ Illiterati — Programmi ta' l-EU

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk żgħażagħ li huma illiterati u bla snajja', jew inkella semi-skilled jew li għandhom livell ta' edukazzjoni medju, hux qed jew hux ser ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tmexxija f'Malta tal-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropea ma' jaqgħux taħt ir-responsabbilita' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Anzjani — Dar fil-Gżira

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux se tinfetaħ home oħra għal anzjani ġol-Gżira, u jekk iva, fejn u meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern flimkien mad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani għadu qiegħed jagħmel l-istudju tiegħu fuq id-dar ta' l-Anzjani tal-Gżira. Dan qiegħed isir b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tax-Xogħol u Kostruzzjoni.

Ħaddiema tal-Gvern — Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 22346 fir-rigward tal-pensjonanti ta' qabel l-1996, dwar jekk huwiex se jibqa' jsir bħal qabel li jieħdu 2/3 aġġornati mas-salarju kurrenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mistoqsija Numru 22346 kienet tirreferi għall-pensjonanti tat-Teżor. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Djar — Imtarfa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi biex saru d-diversi proġetti ta' l-Awtorita' tad-Djar fl-Imtarfa? Kemm kienet in-nefqa attwali s'issa fuq kull fażi tal-proġett? X'baqa' jsir f'kull fażi tal-proġett u x'inhi stmata li tkun in-nefqa biex il-proġett jitlesta skond il-pjanti oriġinali? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur tħallasx tax-xogħol kollu, jiġifieri ta' l-embellishment li s'issa għadu ma sarx? Min kienu l-kuntratturi f'kull każ, u jistax jikkonferma li osservaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom fiż-żmien stipulat? Meta se jitlestew l-arbli u d-dawl ta' dħul mill-foot paths bejn id-djar u mgħoddijiet f'uħud mill-proġetti tad-djar li ppjanat l-istess Awtorita' tad-Djar fl-Imtarfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni dwar din il-Mistoqsija qiegħda tinġabar u tingħata risposta aktar tard.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Karti bla watermark

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fid-dekasteru tiegħu, cost centre b' cost centre, kemm kienet in-nefqa għax-xiri ta' karti bla watermark fis-sena 2000? Kemm inxtraw riżmi ta' karti bla watermark għal kull cost centre? Minn fejn inxtraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Benefiċċji tat-Tfal

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' talbiet għall-benefiċċji tat-tfal li ntalbu mill-ommijiet xebbiet matul is-sena 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22295 fejn in-numru ta' ommijiet xebbiet li jirċievu l-Allowance tat-Tfal kien ta' 1357. Dan in-numru jinkludi 296 li applikaw matul is-sena 2000.