Jista' l-Ministru jiżgura li l-kċina ta' l-Isptar Monte Carmeli tinżamm nadifa peress li qed jasluli rapporti li qed ikun hemm il-ħmieġ anke fil-hot trolleys? Huwa sodisfatt bil-livell ta' l-indafa ma' l-isptar kollu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fuq l-inkarigu li ngħata lill-FMS, biex tissorvelja l-kwalita' tax-xogħol fil-kċina, isiru rapporti regolari dwar l-istat tal-kċina tal-Isptar Monte Carmeli. L-aħħar rapport jindika għal darb'oħra titjib sostanzjali fl-indafa. Ser ikompli jingħata taħriġ lill-istaff tal-kċina f'forma ta' korsijiet qosra. Rigward it-'trolleys' ninsab infurmat li ser jinbeda programm ta' manutenzjoni fuqhom. Bħala parti mir-ristrutturar tal-ħaddiema fl-Isptar Monte Carmeli qed jiġu ndividwati metodi mekkaniċi li permezz tagħhom tkompli titjieb l-indafa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' operazzjonijiet li saru fl-Isptar San Luqa matul ix-xahar ta' Jannar u x'kienu l-każijiet? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' pazjenti li qed jistennew għall-operazzjoni kas b'kas? Kemm huwa mistenni li jsiru operazzjonijiet minn fuq il-waiting list?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata risposta f'xi seduta oħra.
Saħħa — Spezzjonijiet fuq stabbilimenti ta' l-ikel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' spezzjonijet li saru mid-Dipartiment tas-Saħħa fuq stabbilimenti ta' l-ikel mill-5 ta' Settembru 'il hawn, xahar b'xahar? F'liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex saru dawn l-ispezzjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn, id-Dipartiment tas-Saħħa għamel 10,679 spezzjoni fi stabbilimenti ta' l-ikel f'Malta u Għawdex imqassmin skond l-informazzjoni li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li l-Onor. Interpellant ma speċifikax it-tip ta' stabbiliment ta' l-ikel, l-informazzjoni li qed tingħata tirrigwarda spezzjonijiet f'dawn il-kategoriji ta' stabbilimenti li jipprovdu l-ikel. Dawn huma:-
fran mtieħen tad-dqiq
fabbriki ta' l-għaġin fabbriki tad-tadam
ħwienet li jaħdmu u/jew ibiegħu l-ħelu fabbriki tal-laħam
fabbriki tal-minerali restaurants u snack bars
ħwienet tal-kafe ħwienet tal-laħam
fabbrika tal-prodotti tal-ħalib ħwienet tax-xorb
irziezet tal-baqar u mogħoż ħwienet tal-merċa
cold stores kjoskijiet
irziezet għat-trobbija tat-tiġieġ fabbriki tal-inbid
biċċeriji tat-tiġieġ bejjiegħa bl-ingrossa
vetturi li jġorru l-ħalib vetturi li jġorru l-laħam
vetturi li minnhom jinbiegħ il-ħobż bejjiegħa tal-ħaxix
ħwienet fejn jinbiegħ tiġieġ u bajd ħwienet tal-ħut
Jista' l-Ministru jgħid xi jrid ikun id-dħul sabiex persuna tkun tista' tikkwalifika għall-benefiċċju tal-mediċini b'xejn? Liema huma l-iskedi li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa għall-mediċini b'xejn? U liema mediċiuna tingħata taħt kull skeda?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel żewg domandi ta' din il-mistoqsija jikkonċernaw il-Ministeru tal-Politika Soċjali u għalhekk il-mistoqsija għandha ssir lill-Onor. Ministru kkonċernat.
Dwar it-tielet domanda ninforma l-Onor. Interpellant li kull pazjent jingħata mediċini addatati skond il-bżonnijiet partikulari tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li jirregolaw lill-Għawdxin li jaħdmu fid-Dipartiment tas-Saħħa, li m'humiex mediċi jew paramediċi, rigward ħinijiet ta' tluq lura lejn id-dar tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Billi l-kundizzjonijiet li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant huma applikabbli għall-ħaddiema kollha fis-Servizz Pubbliku, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li nhar it-Tnejn, 22 ta' Frar, 1999 fil-għodu, persuna qrib id-90 sena li għandha marda serja tħalliet għal aktar minn tliet sigħat tistenna fil-waiting room tad-Dipartiment ta' l-Emerġenza fl-Isptar San Luqa minkejja li kienet muġugħa u b'nefħa f'saqajha u f'wiċċha u minkejja li ma kienx jidher li hemm emerġenzi qed jiġu ttrattati f'dak il-mument? Għandi informazzjoni li din il-persuna kellha tittieħed f'post ieħor għax ma setgħetx tissaporti iżjed.
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor interpellant jgħaddili b'mod kunfidenzjali aktar dettalji dwar il-każ imsemmi ħalli nkun nista' ninvestiga bid-dettal. Fil-jum imsemmi marru fid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar San Luqa 'l fuq minn 359 persuna.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba x-xogħol in konnessjoni mal-poliklinika ta' Bormla, proġett ieħor ta' Gvern Nazzjonalista, huwiex sejjer kif mistenni jew inqalgħux xi ntoppi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ix-xogħol fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Bormla wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu. Għadu ppjanat li l-klinika tkun lesta biex terġa' tinfetah għall-ħabta ta' April 1999.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar kemm flus intnefqu mid-Dipartiment tas-Saħħa in konnessjoni ma' mard tal-pulmumn, b'dettall u attenzjoni speċjali fuq l-attakki ta' l-ażma għas-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u l-entitajiet l-oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Bordijiet u l-Kumitati li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi li kienu appuntati biex iservu fl-1998, baqgħu jiffunzjonaw sat-terminu tal-ħatra tagħhom, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 1998, mingħajr ma kien hemm tibdil fil-Membri.
Fl-1 ta' Jannar 1999, il-Bordijiet u l-Kumitati kollha ġew rikostitwiti b'xi tibdil fil-Membri. Dan l-aħħar ġiet rikostitwita wkoll il-Kummissjoni Nazzjonali Għar-Riforma tas-Saħħa Mentali wara xi dewmien, minħabba l-fatt li l-Oppożizzjoni m'aċċettatx l-invit tal-Gvern biex tinnomina membru minn naħa tagħha fuq il-Kummissjoni.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kompożizzjoni tal-Bordijiet kif gew appuntati fl-1998 u 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kif is-Silosheath li kienu jingħataw mill-OPU fl-isptar issa qed jingħataw tal-cotton minflok kif kienu qabel tal-plastic?
Jaf il-Ministru li dan il-materjal tal-cotton mhux addattat għal problema partikolari u qed toħloq dmijja fil-ferita'?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jerġa' jkun hawn silosheath tal-plastic?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-'Silo Sheaths' huma differenti minn 'stump socks' tal-'cotton'. Is-'Silo sheaths' huma magħmulin mis-silikon u mhux mill-plastik.
Is-'silo sheaths' għadhom jingħataw b'xejn minn dan id-dipartiment(OPU). Il-pazjent irid jirritorna is-'silo sheath' il-qadime u jingħata waħda ġdida. Ir-raġuni hi li s-'silo sheaths' huma għaljin ħafna u ma jgħoddux għal kulħadd.
Jekk il-pazjent għandu ferita miftuħa, m'għandux jilbes 'silo sheath'. Il-pazjent għandu jfittex għajnuna medika qabel ma jkompli jilbes is-sieq artifiċjali, iktar u iktar qabel ma jilbes is-'silo sheath'.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Filudrocortisone, pilloli li jeħduhom nies b'Addisons Disease mhux qed jingħataw biżżejjed imma jingħataw ftit mill-ispiżerija tal-gvern? Jaf il-Ministru li dawn il-morda lanqas qed jieħdu nofs id-doża? Jista' l-Ministru jgħid għalfejn dan in-nuqqas, u meta se jerġa' jkun hemm abbundanza tal-mediċini?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fis-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ma kienx hemm problemi ta' nuqqas tal-pilloli Fludrocortisone, la fl-Istores u l-anqas fl-Ispiżeriji tal-Gvern.
Jekk l-Onor. Interpellant għandha xi każ partikulari, nitlobha ttini d-dettalji ħalli nkun nista' ninvestiga.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm jintużaw sodod b'kollox fl-isptar San Luqa u Karen Grech? Jista' jgħid ukoll x'inhi l-ispiża tal-laundry service fiż-żewġ sptarijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li kien hawn fl-Isptar San Luqa fit-23 ta' Frar kien ta' 837.
Iċ-ċifra dovuta għas-servizz tal-Laundry għall-Isptarijiet San Luqa u Karen Grech hija ta' Lm397,438. Din iċ-ċifra tinkorpora fiha l-ispejjeż kollha involuti fil-ħasil tal-Laundry inkluż l-elettriku, salarji ta' l-impjegati, detergenti eċċ.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-award speċjali li ngħatat il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, mill-WHO waqt il-konferenza tal-WHO (Europe) f'Settembru, 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant ingħatat 'Award' speċjali mid-Direttur Reġjonali, Dr. Jo E. Asvall bħala rikonoxximent għat-28 sena ta' servizz dedikat li huwa ta lil WHO bħala parti mid-delegazzjonijiet ta' Malta u tar-Renju Unit.
Jista' l-Ministru jgħid min ħallas għall-passaġġ ta' l-ajru tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, bejn l-Ingilterra u Malta u lura biex seta' jakkumpanja lid-delegazzjoni ministerjali li attendiet għall-konferenza tal-WHO (Europe) f'Settembru 1998?
Jekk kien il-Gvern Malti, taħt liema vot sar il-ħlas?
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' mediċini/farmaċewtiċi li kienu out of stock u li huma out of stock bħalissa, li huma pprovduti mis-servizzi farmaċewtiċi governattivi? Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa hemm "serevent" inhaler ma' dawn? X'inhi r-raġuni għal dan in-nuqqas u kemm ilha out of stock kull mediċinali rispettiva?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-mediċini li kienu 'out of stock' fil-25 ta' Frar 1999 fl-ispiżeriji tal-Gvern kienu:
1. mediċini li ġew ikkunsidrati mid-Drug and Therapeutics Committee(DTC) biex jinqatgħu mill-Formularju imma li jridu jinżammu għal każijiet partikulari u li issa qed jerġgħu jinxtraw:
Stilboestrol 1mg tablets
Nitrofurantoin syrup
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandhom problema biex jixtruhom:
MEDICINA DATA MINN META
WAQA'
OUT OF STOCK
------------------------------------------------- Gluten free flavoured biscuits 16-02-1999
Hyoscine butylbromide tablets 12-02-1999
Prothionamide tablets 01-01-1999
Methylergometrine 01-08-1998
Gluten free bread 24-01-1999
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji tal-Gvern.
White soft paraffin
Methylsalicylic acid ointment
Ephedrine 1% nasal drops
Isopropyl alcohol 70% - batch product recall
Fil-każ ta' 'Serevent Inhaler', stocks ta' din il-mediċina huma available fis-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern.
Fid-dawl tar-rapport dwar Malta mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern iridx ibiddel il-mod kif joħorġu permessi għal spiżeriji ġodda? Kif iridu jsiru il-permessi aktar 'il quddiem billi sal-lum l-ispiżeriji jgawdu minn ċertu protezzjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fit- 2 ta' Settembru 1998, il-Ministeru tas-Saħħa ħatar Kumitat magħmul minn rappresentanti tad-Dipartiment, tal-Kamra tal-Ispiżjara u l-GRTU biex flimkien joħorġu proposti dwar liċenzjar ta' spiżeriji u kif tista' titħaddem sistema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek.
Il-Kumitat ippreżenta rapport f'Diċembru 1999, li għadu qed jiġi diskuss.
Għalhekk għadu kmieni biex ngħid kif ser ikun il-mod li bih ser joħorġu jew kif iridu jsiru l-permessi tal-Ispiżeriji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment, b'dipartiment?
Jista'l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid il-validita' ta' dan it-tip ta' mistoqsija. Japprezza li tinvolvi xogħol estensiv u ħin twil, lid-Dipartiment jista' juża b'mod ferm aħjar.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ingħataw permessi għar-reklami għall-mediċinali fil-mezzi tax-xandir jew fil-gazzetti lokali mid-Dipartiment tas-Saħħa tul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998 u sa Jannar 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' permessi għar-riklami għall-mediċinali fil-mezzi tax-xandir jew fil-gazzetti lokali mid-Dipartiment tas-Saħħa huwa kif gej:
SENA PERMESSI
-------------------------------------
1994 9
1995 13
1996 20
1997 24
1998 33
Jannar 1999 4
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li tul Jannar 1999 kienu qed iqassmu l-mediċina mill-klinika tal-gvern fin-Naxxar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna responsabbli għat-tqassim tal-mediċini fil-klinika tal-Gvern fin-Naxxar matul ix-xahar ta' Jannar 1999 kienet l-istess persuna ħlief għal ġurnata waħda, id-19 ta' Jannar 1999.