Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23872 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Imdina — Skavi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ittieħditx deċiżjoni (dwar l-iskavi reċenti fl-Imdina) jekk l-iskavi humiex ser jitgħattew b'mod trasparenti bħalma hu ħġieġ oħxon jew le?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskoperti arkeoloġiċi ġewwa l-Imdina saru waqt xogħlijiet ta' infrastruttura li qed isiru bħalissa mill-"Mdina Rehabilitation Committee". Ir-rwol tad-Dipartiment tal-Mużewijiet f'dan il-proġett jista' jinqasam fi tlett punti kif ġej: 1. Li jagħmel monitoring tat-tħaffir tat-trinek ġewwa t-toroq ta' l-Imdina, sabiex jassigura li ebda ħsara ma' ssir fuq sejbiet ta' importanza arkeoloġika - partikolarment f'każ li dawn is-sejbiet isiru b'mod aċċidentali. 2. Li jagħmel dokumentazzjoni xjentifika kompluta u dettaljata ta' dawn is-sejbiet arkeoloġiċi. 3. Li jassigura li ebda ħsara ma ssir waqt il-mili mill-ġdid tat-trinek - dan qed jiġi żgurat billi jintuża materjal addattat għall-mili tat-trinek (bħal ma huma folji tal-plastik u packing taż-żrar irqiq) sabiex ir-rovini arkeoloġiċi ma jintmissux minn materjali distruttivi (bħal ma hu l-konkos). Dan ix-xogħol għadu għaddej, pass pass max-xogħol infrastrutturali li qed isir mill-"Mdina Rehabilitation Committee". M'huwiex maħsub li t-tgħattiegħ b'mod trasparenti tal-wiċċ tat-triq hija prijorita` importanti f'dan il-waqt - partikolarment meta x-xogħol infrastrutturali ġewwa l-Imdina għadu mhux lest u għad tista' tinġabar informazzjoni ġdida fuq l-Arkeoloġija ta' din il-belt antika.
Leg 9 PQ #23874 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

School of Art

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex il-prassi li dawk l-istudenti tal-School of Art (f'Merchants Street, Valletta) li jattendu l-kors taċ-ċeramika filgħaxija jintalbu biex iħallsu dejjem għal materjal (tafal, kuluri eċċ) li jkollhom bżonn?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-istudenti li jattendu l-kors taċ-ċeramika fiċ-Ċentru ta' l-Arti u Disinn Emvin Cremona fi Triq Merkanti l-Belt, iħallsu għall-materjal li jużaw waqt il-lezzjonijiet. L-istudenti huma avżati b'dan il-ħlas f'paġna 24 tal-'prospectus' tal-korsijiet ta' filgħaxija organizzati mid-Dipartiment ta' l-Istudji Għola u Edukazzjoni għall-Adulti. Ta' min jinnota li l-ħlas għall-kors ta' sena fiċ-ċeramika, hu biss ta' Lm20.
Leg 9 PQ #23876 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jindika l-ammont ta' flus minfuq fuq manutenzjoni regolari fl-iskejjel tal-gvern, sena b'sena matul dawn l-aħħar sitt snin?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23640 Sitting 502 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — UE

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika f'liema skejjel ta' Malta u Għawdex saru laqgħat għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea? Min indirizza lit-tfal f'dawn il-laqgħat? X'materjal ingħatalhom? X'attivitajiet oħra dwar l-Unjoni Ewropea ġew organizzati fl-iskejjel matul is-sena skolastika s'issa?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika preżenti saru laqgħat dwar l-Unjoni Ewropea f'dawn l-iskejjel: St Theresa Junior Lyceum (Mrieħel) Lily of the Valley Girls Secondary School (Mosta) Vincenzo Bugeja Boys Secondary School (B'Kara) Sir Michael Refalo Post Secondary School (Victoria - Gozo) Gan Frangisk Agius De Soldanis Girls Junior Lyceum (Victoria - Gozo) Ninu Cremona Boys Secondary School (Victoria - Gozo) Convent of the Sacred Heart (St Julians) Guze Galea Boys Secondary School (Qormi) St Martin's College (Swatar) De La Salle College And Sixth Form (Cospicua) St Aloysius Sixth Form (B'Kara) Carlo Diacono Girls Junior Lyceum (Zejtun) Maria Regina Girls Junior Lyceum (B'Bajda) Sir Adrian Dingli Girls Junior Lyceum (St Patricks) Paolino Vassallo Upper Lyceum (Paola) Sant Klara Primary School (Zabbar) Tumas Dingli Primary School (Attard) San Anton School (Żebbiegħ) Stella Maris School (Balzan) St Michael's School (San Ġwann) Spiżjar Ġużeppi Agius Primary School (Paola) Anthony Valletta Primary School (B'Kara) San Andrea School (Żebbiegħ) Dawn il-laqgħat saru f'dawn l-iskejjel wara li l-Malta-EU Information Centre offra lill-iskejjel kollha (a) li jieħdu roving exhibition u (b) jsiru laqgħat speċifiċi jakkumpanjaw ir-roving exhibition. Il-laqgħat kollha ġew indirizzati minn uffiċjali tal-Malta-EU Information Centre. Waqt dawn il-laqgħat tqassmu pubblikazzjonijiet tal-Kummisssjoni Ewropea skond is-suġġett: ambjent u edukazzjoni u materjal ġenerali dwar l-UE, kif ukoll il-publikazzjonijiet taċ-Ċentru dwar il-programmi ta' Socrates u Leonardo. (Ingħata wkoll is-Small Business Charter fil-każ ta' studenti tal-Business Studies f'Paolino Vassallo). Barra dawn il-laqgħat, numru sostanzjali ta' skejjel Maltin qed jieħdu sehem fil-programm Comenius. Nieħu pjaċir ninnota li r-rispons ta' l-iskejjel għal dan il-programm kien tajjeb. L-iskejjel Maltin qed jieħdu sehem fi proġetti li jkunu mistednin fihom minn skejjel Ewropej.
Leg 9 PQ #23643 Sitting 502 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Primarja Tas-Sliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li ma jkomplix ix-xogħol li hemm bżonn fuq ir-rijabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' Tas-Sliema? Hemm xi ħsieb li l-Gvern se jibni skola ġdida f'Pembroke, li barra li sservi għat-tfal tal-post isservi għat-tfal Slimiżi? Sakemm tinbena din l-iskola l-ġdida, x'se jsir mill-iskola primarja ta' Tas-Sliema biex tkun bini diċenti għal min imur fiha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qatt ma kellha l-ħsieb li ma jkomplix ix-xogħol li hemm bżonn fuq ir-riabilitazzjoni tal-bini ta' l-iskola primarja ta' tas-Sliema. Tant li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għadha kif ippubblikat sejħa għall-offerti biex jinħatt u jinbena mill-ġdid it-taraġ ta' ġewwa ta' l-iskola, liema offerta għalqet il-Ġimgħa 16 ta' Frar 2001. Sadanittant qiegħda titħejja offerta għar-restawr tal-faċċata, liema offerta mistennija tiġi ppublikata aktar tard din is-sena sabiex jingħata bidu għax-xogħolijiet tagħha la darba t-tfal mill-iskola primarja jkunu tasferiti fl-iskola sekondarja li fuqha wkoll għaddejjin xogħolijiet fuq il-faċċata. Offerti oħra għal xogħolijiet f'din l-iskola li qegħdin jitħejjew huma għal xogħolijiet ta' servizzi u ta' finitura, liema offerti sejrin jiġu ppublikati aktar tard din is-sena u x-xogħolijiet tagħhom jingħataw bidu fiż-żmien meta l-iskola tkun battala. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni nhar is-27 ta' Ġunju 2000 issottomettiet applikazzjoni għat-tkabbir u modifikazzjonijiet ta' l-iskola primarja ta' Pembroke liema applikazzjoni ġġib in-numru ta' PA 3453/00. L-Awtorita' ta' l-Ippjanar bagħtet diversi osservazzjonijiet lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'rapport partikulari biex tissottolineja rimarki dwar l-iżvilupp propost li jsir. Dawn ir-rimarki qed jiġu konsidrati mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-konsulenti tagħha sabiex ikunu jistgħu jingħataw ir-reazzjonijiet meħtieġa. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħejjiet ukoll offerta għal xogħolijiet ta' ġebel u konkos f'din l-iskola f'konformita' ma' l-applikazzjoni sottomessa, iżda din l-oferta ma tistax titmexxa għall-pubblikazzjoni qabel ma jkunu riżolti d-diffikultajiet imqajjma mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Qatt ma kien il-ħsieb tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li tuża l-iskola primarja f'Pembroke għat tfal ta' tas-Sliema.
Leg 9 PQ #23644 Sitting 502 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja — Majjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilita' hemm bżonn biex il-kulleġġ tal-biedja jista' jkun f'pożizzjoni biex jilqa' l-offerta li saritlu ta' ħames majjali biex l-istudenti jkollhom esperjenza hands on fit-trobbija tal-majjali? Xi sforzi saru biex tinkiseb din il-faċilita'? Xi sforzi saru biex ikun hemm bniedem li jista' jieħu ħsieb dawn il-majjali?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'dan l-istadju ta' tibdil mistenni f'dan il-qasam l-ispiża biex jinbena post biex jitrabbew il-majjali u biex jiġi mpjegat bniedem li jieħu ħsiebhom, hi kbira wisq jekk tikkunsidra l-għadd ta' studenti li hemm fl-iskola. Minbarra dan, l-istudenti fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura jiffurmaw parti mill-iskema ta' l-Apprendistat Tekniku. Skond din l-iskema, l-istudenti jitħarrġu fl-intrapriża li tkun laqgħathom bħala apprendisti.
Leg 9 PQ #23645 Sitting 502 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet jeżistu fil-Kulleġġ tal-Biedja fid-diversi oqsma ta' studju u taħriġ li joffri biex ikun f'pożizzjoni jħejji l-istudenti għall-biedja f'pajjiżna fis-seklu 21?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-Kulleġġ qiegħed fl-Għammieri, għaldaqstant għandu l-faċilita' li jagħmel użu mill-farm sperimentali tal-Gvern. Id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura għandu faċilitajiet moderni f'ħafna oqsma (għall-baqar, mogħoz, nagħaġ, fniek, tjur, serer, raba, ġonna tal-frott, unit tal-micropropagation, mixtla u ġonna oħra eċċ,) li kollha huma miftuħa għall-istudenti biex jitħarrġu. Barra l-Gvern, ħafna intrapriżi privati joffru l-post tagħhom għall-istudenti tal-Kulleġġ biex jistħarrġu. Sadanittant qed nieħdu ħsieb biex dan it-tagħlim u taħriġ jitjieb bit-twaqqif ta' l-Istitut ta' l-Agri Kummerċ fi ħdan il-K.M.A.X.T.
Leg 9 PQ #23633 Sitting 501 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Marittima — Eżamijiet

Question

Jistgħu l-eżamijiet fil-metrology maths u physics fl-iskola marittima jsiru fi Frar għax jekk se jsiru f'Marzu/April se jintlaqtu ħażin l-istudenti, jikkaġunalhom tbatija u ttellifhom anki fil-karrieri tagħhom? X'qed iżomm lill-iskola biex tagħmel l-eżamijiet fi Frar?

Response (GALEA, LOUIS)

S' issa lhaqt gejt informat li l-ezamijiet fil-Metrology, Maths u Physics isiru mill-Awtorita Marittima u li l- awtorita ser taghmel mill-ahjar sabiex taghmel l-ezamijiet fl-iqsar zmien possibbli.
Leg 9 PQ #23638 Sitting 501 2001-02-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Skola De Soldanis - Rabat - Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid instabx min jgħallem il-matematika lill-klassijiet fl-iskola Aguis de Soldanis ta' Għawdex li sfaw bla għalliema għax ħarġet bil-maternity leave kif intqal fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 23281?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-vakanza ta' għalliema tal-Matematika fil-klassijiet ta' l-iskola Agius De Soldanis, ta' Victoria Għawdex, imtliet minn għalliema oħra minn nhar it-Tnejn 5 ta' Frar 2001.
Leg 9 PQ #23596 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Guidance / PSS

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 22921, jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti li attendew il-laqgħat dwar il-guidance / PSS teachers ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti li attendew għal laqgħa dwar is-sena Ewropea tal-Lingwi kienu dawn: Skejjel tal-Knisja De La Salle College Cottonera. St. Joseph School Blata l-Bajda Immaculate Conception Sch. 51, Tarxien Rd, Tarxien. St. Albert the Great College, Old Bakery Str, Valletta. St. Paul's Missionary, St. Agatha Hse. Bajada Str, Rabat. St. Dorothy's School, Żebbuġ Rd, Żebbu;ġ. St. Elia's College, St. Venera Sqr, Sta. Venera. St. Michael School, Cannon Rd, Qormi. Stella Maris College, Gżira. St. Joseph School, Sliema. Our Lady Immaculate School, Ħamrun. Sacred Heart, Convent School, St. Julians. St. Elizabeth (St. Francis) Sliema. St. Augustine College, Pieta'. Skola Indipendenti St. Michael Foundation, Alamein Rd. Pembroke. Ingibditli l-attenzjoni illi f'risposta parlamentari numru 22921, bi żvista in-numru ta' skejjel tal-Knisja kien ġie ittajpjat bħala 16 minflok 14 kif fil-fatt jidher mill-lista. Seduta Numru 500 20.02.2001
Leg 9 PQ #23598 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliema — Żieda fil-Pagi

Question

Matul is-sena skolastika s'issa, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' flus li l-Gvern għadda lill-knisja għall-iskejjel tagħha? Kemm se timporta lill-gvern iż-żieda fil-pagi ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-knisja matul din is-sena finanzjarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li matul is-sena skolastika s'issa, l-ammont ta' flus li l-Gvern għadda lill-Knisja għall-iskejjel tagħha jammonta għal Lm6,360,000. Matul din is-sena finanzjarja, iż-żieda fil-pagi ta' l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja se timporta lill-Gvern bejn wieħed u ieħor l-ammont ta' Lm1,108,212.
Leg 9 PQ #23651 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti tal-kulleġġ tal-biedja li matul l-1999 u 2000 tħarġu fuq programmi ta' żvilupp sostenibli rurali? Min kien responsabbli minn dan il-programm mill-kulleġġ? X'kien jinvolvi dan il-program bħala tagħlim rigward l-iżviluppi rurali fil-gżejjer tagħna?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ghadu qed jingabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #23652 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien n-numru ta' studenti li jattendu l-kulleġġ tal-biedja li tħarrġu fuq sistemi ta' żvilupp sostenibbli li jħallu anqas impatt fuq l-ekoloġija, l-geoloġija u l-hydrology meta applikati fis-settur tal-biedja? Fuq liema sistemi tħarġu? Min kien responsabbli minn dan it-tgħalim ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ghadu qed jingabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra
Leg 9 PQ #23723 Sitting 500 2001-02-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' impjegati totali li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għax-xahar ta' Settembru mill-1995 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #23590 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma is-suġġetti ġodda li skond il-Kurrikulu Nazzjonali jridu jidħlu bħala suġġetti obligatorji u/jew optional fis-sena skolastika 2001/2? X'taħriġ qed jingħata lill-għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Ninsab informat li fis-sena 2001/2002 mhux se jidħlu suġġetti ġodda għajr Physical Education u Computer Studies, bħala Optional Subjects, fl-iskejjel ta' l-istat. Se jkompli t-taħriġ ta' g[alliema f'suġġetti varji u jibdew korsijiet ġodda għall-għalliema, partikolarment fit-Teknoloġija u fl-ICT. Sadanittant qed jittieħdu deċiżjonijiet dwar twaqqif ta' struttura konnessi mat-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali li 'l quddiem jistgħu jinfluwenzaw kwestjoni bħal dik imqanqla mill-Onor. Membru.
Leg 9 PQ #23591 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kurrikulu — Suġġetti Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'diskussjonijiet qed isiru ma' l-awtoritajiet ta' l-iskejjel tal-knisja dwar suġġetti ġodda li jridu jidħlu fil-kurrikulu fis-sena skolastika li jmiss?

Response (GALEA, LOUIS)

L-istrutturi li ser jieħdu ħsieb implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali jipprovdi għal konsultazzjoni fil-faċijiet kollha mas-setturi kollha ta' l-edukazzjoni, nklużi l-iskejjel tal-Knisja.
Leg 9 PQ #23594 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Guidance / PSS

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm għalliema gradwati tal-guidance/PSS fl-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti? F'liema skejjel?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23595 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari nru. 23276, tista' tgħidli kemm hemm ħsieb li jinżammu mal-Malta University Sports Complex Ltd. mill-impjegati li bħalissa huma mal-pixxina nazzjonali?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' weġibt fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23276, il-ħsieb hu li l-Malta University Sports Complex Ltd tassimila kemm jista' jkun mill-ħaddiema li bħalissa huma impjegati mal-Pixxina Nazzjonali. Fil-preżent mhux possibli li jingħata numru eżatt għaliex għadhom għaddejjin it-taħditiet.
Leg 9 PQ #23647 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja li tħarrġu fuq l-analiżi tal-ħamrija u ta' livelli ta' l-ilma matul l-1999 u s-sena 2000? Min ikkordina t-taħriġ tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #23648 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Interim From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kulleġġ tal-Biedja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja li tħarġu fuq il-produzjoni agrikola organika matul 1999 u 2000? Fuq liema varjetajiet tħarġu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.