Jista’ l-Ministru jgħid min huma s-sidien ta' parti mill-kumpless f’Raħal Ġdid li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li magħhom Transport Malta se jiffirmaw/iffirmaw il-kuntratt sabiex jinkrew xi sulari u jintużaw bħala uffiċini għal Transport Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sidien tal-kumpless imsemmi huma Paola Estates Ltd.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irtirati tags ta’ xufiera ta’ kull settur tat-trasport pubbliku fl-aħħar ħames snin minħabba li dawn ma baqgħux jissodisfaw il-kriterji mitluba mil-liġi? Jista’ jgħid jekk kienx hemm minnhom li reġgħu ngħataw lura it-tag? Jekk fl-affermattiv, fuq liema bażi ngħataw it-tag lura u min kien l-uffiċjal li f’kull każ iddeċieda li tingħata t-tag lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn informazzjoni miżmuma minn Transport Malta, f’dawn l-aħħar ħames snin kien hemm total ta’ 175 tag, li jinkludu dawk li ma ġewx imġedda u oħrajn li qatt ma nħarġu lil applikanti ġodda, minħabba li dawn jew ma baqgħux, jew li mill-bidu fl-applikazzjoni tagħhom ma kienux jissodisfaw il-kriterju ta’ reputazzjoni u kondotta tajba skont kif mitlub fir-Regolamenti dwar Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri jew ir-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur. Dawn it-tags huma ta’ xufiera li jaħdmu f’kull settur tat-trasport pubbliku.
Minn dan l-ammont kien hemm sitt xufiera li reġgħet ingħatatilhom lura t-tag minħabba li saru jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba. Hemm ukoll numru ta’ xufiera li għalkemm reġgħu saru eliġibbli biex tingħatalhom lura t-tag, dawn ma wrewx aktar interess li din tingħatalhom.
F’kull każ, it-tag tkun ġiet irtirata minn Transport Malta u/jew ingħatat lura lix-xufiera wara li dawn ikunu reġgħu saru jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ reputazzjoni u kondotta tajba.
Maritime Security Compliance Executives – nuqqas ta’ użu ta’ punch clock
Question
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 9013, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li żewġ Maritime Security Compliance Executives ma jagħmlux użu mill-punch clock? Jista’ jgħid dawn l-uffiċjali min huma u x’inhu x-xogħol li qed jagħmlu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati msemmija ma jagħmlux użu mill-punch clock minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, li tirrikjedi li dawn jaqdu dmirijiethom minn barra l-uffiċini tal-Awtorità fil-Marsa.
Ħal Qormi – Triq l-Imdina — għeluq ta’ karreġġjata
Question
Peress li kull deċiżjoni dwar l-immaniġġjar tat-traffiku f’Ħal Qormi li qed tittieħed mingħajr pjan serju qed taffettwa ħażin lil Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji esperti kollha li għandha l-Awtorità dwar it-Trasport u li għandu l-Gvern dwar id-deċiżjoni li ttieħdet li tingħalaq parti minn Triq l-Imdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa u li qed tirriżulta f’żieda fil-konġestjoni tat-traffiku fi Triq Manwel Dimech, b’mod partikolari, ħdejn il-Monument ta' Pinto (diġà b’konġestjoni minħabba l-karozzi tal-linja) bil-konsegwenza li qed jimblokka Ħal Qormi kollu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W228.
Peress li Ħal Qormi, bis-sistema tat-traffiku kif inhi llum, kull ma jmur qed isir passaġġ regolari għal numru dejjem akbar ta' karozzi u vetturi tqal li qed jaqsmu minn naħa għal oħra ta' Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jfassal pjan ħolistiku u studjat għall-immaniġjar tat-traffiku f’Ħal Qormi biex ma jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u l-kwalità ta' ħajja tar-residenti tiegħu tittiekel ftit ftit minħabba dħaħen, storbju u issues ta’ saħħa u sigurtà?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru W229.
Peress li l-konġestjoni tat-traffiku issa qed toħnoq u tifga t-toroq ta' Ħal Qormi, prinċipali u m'humiex, bħal Triq l-Imdina , Triq il-Ħelsien, Triq il-Wied, Triq Valletta, Triq il-Vitorja, Triq San Dwardu, Triq il-Mitħna, Triq il-Kbira, Triq San Bastjan u Triq San Bartilmew, u peress li issa anke bl-aħħar tibdiliet fi Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi issa saret waħda isapportabbli minħabba li t-traffiku qed jeħel bosta drabi għal tul ta’ ħin f’numru ta’ postijiet b’konsegwenzi għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-lokal, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet se jwettaq biex speċjalment it-toroq interni ta’ Ħal Qormi ma jibqgħux passaġġ għal kull min irid jaqsam minn naħa għal oħra ta’ Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W230.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-ġiebja flimkien mal-kamra ta' ħdejha, li jinsabu fl-area li ser tintuża biex titwessa’ t-triq ħdejn Kennedy Grove, jiġu mħarsa, u jerġgħu jinbnew fil-viċinanzi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lil-Onor. Interpellant jikkjarifika rigward il-pożizzjoni tal-ġiebja u kamra li qed isiru referenza għalihom. Wara li tingħata iktar informazzjoni, Transport Malta tkun tista’ tinvestiga l-każ fid-dettal ħalli jiġi deċiż x’tip ta’ azzjoni tista’ tittieħed għall-ħarsien tagħhom, dejjem jekk din il-ġiebja u l-kamra eżistenti diġà għandhom il-permessi neċessarji.
Raħal Ġdid — Stage tal-karozzi tal-linja quddiem il-Knisja ta’ Kristu Re
Question
Jista’ l-Ministru jara li jerġa’ jsir l-istage tal-karozzi tal-linja quddiem il-Knisja ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid, peress li hemm numru ta’ ilmenti? Jista’ jgħid jekk hemmx xi żviluppi fuq dan il-każ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bus stop ta’ quddiem il-Knisja ta’ Kristu Re ġewwa Raħal Ġdid, illi jġib l-isem ta’ “Piazza”, kien ġie nstallat xi żmien ilu.
Infurmat ukoll illi Transport Malta sejra tkun qegħda tinvestiga l-possibilita’ illi jiġi installat bus shelter fuq l-istess bus stop.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10296, jista' l-Ministru jara li r-rotta X7 tibda tieqaf quddiem l-istage tal-għassa mhux biss ma ġenb l-iistage tal-għassa kif diġà qed isir?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotta X7 tieqaf kemm fuq il-bus stop illi hemm biswit l-għassa tal-pulizija ta’ Raħal Ġdid kif ukoll fuq il-bus stop li jinsab faċċata tal-istess għassa.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-widien li tnaddfu fix-xhur tas-sajf bi preparazzjoni għall-ilmijiet tax-xita fix-xitwa?
Response (MIZZI, JOE)
Is-Sezzjoni tal-Immaniġġjar tal-Widien twettaq diversi interventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ekoloġika, ħarsien tal-infrastrutura rurali fil-korsi tal-ilma, u kontroll ta’ speċi aljeni u invażivi. Matul is-sajf li għadda ġie imneħħi ammont kbir ta’ qasab minn ‘Wied Qannotta’, Burmarrad li kien qed joħnoq il-passaġġ kollu tal-ilma. Dan l-intervent se jgħin wkoll biex jiġi deċiż x’interventi ta’ restawr hemm bżonn f’dan il-wied kif ukoll sabiex tiġi mikxufa trejqa antika għall-bdiewa tal-lokal. Sar ukoll tħammil ta’ ħofra fiż-żona magħrufa bħala ‘Il-Wilġa tal-Ħemsija’ fil-limiti tal-Imdina biex jinġabar l-ilma li jgħaddi minn ‘Wied ta’ Ġnien Ħira’ u li jista’ jintuża mill-bdiewa tal-lokal. Fl-aħħar xhur, saru xogħlijiet f’widien li huma suxxettibli għal volumi mdaqqsa tal-ilma. Dawn jinkludu tneħħija ta’ qasab minn ‘Wied il-Kbir’, Ħal- Qormi u tindif minn skart goff li jista’ jostakola l-korsa tal-ilma f’’Wied iċ-Ċawsli’, Ħal-Qormi. Ġew ukoll implimentati xogħolijiet ta’ manutenzjoni ta’ siġar u arbuxelli mħawwla f’ ‘Wied il-Għasel’, Mosta u f’ ‘Wied Għajn Żejtuna', Mellieħa.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistqosija parlamentari 10625 fejn intqal li sat-13 ta’ Lulju l-ogħla temperatura misjuba fuq il-karozzi tal-linja mikrija mill-kumpanija tal-Gvern kienet ta’ 34.7 grad Celsius, jista’ l-Ministru jgħid x’sar minn dakinhar? Jista’ jgħid kemm reġgħu saru spezzjonijiet mit-13 ta’ Lulju sal-lum u x’kienu t-temperaturi misjuba f’kull spezzjoni li saret?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-kumpanija tat-trasport, ben konxja li fuq ammont zgħir ta’ karozzi tal-linja l-livell ta’ l-arja kundizzjonata ma kienx qed jilħaq il-livell rikjest, għamlet l-arranġamenti neċessarji ma’ min kriet il-karozzi tal-linja biex is-sistema tal-arja kundizzjonata tiġi mtejba. Dan sar billi żdiedet sistema ta’ arja ikkundizzjonata oħra mat-tnejn li diġa’ kien hemm fuq 23 karozza tal-linja, kif ukoll billi ġiet mtejba l-insulazzjoni fuq il-vetturi, bl-ispejjeż kollha jitħallsu mingħand min ġew mikrija il-karozzi. Barra minn hekk, il-kumpanija tat-trasport talbet forma ta’ kumpens mingħand min kriet il-karozzi tal-linja minħabba dan in-nuqqas.
Infurmat ukoll li bejn it-13 ta’ Lulju u l-5 t’ Ottubru 2014 saru 152 kejl ta’ temperatura fuq il-karozzi tal-linja mikrija li jinkludu kemm spezzjonijiet ta’ rutina kif ukoll kejl ta’ temperatura rikjesti speċifikament mill-kumpanija tat-trasport. It-temperatura mkejla kienet tvarja bejn it-21.6 u t-36.3 grad celcius. It-temperaturi massimi mkejla kienu f’ċirkostanzi partikolari fejn jiżviluppaw xi ħsarat fis-sistema tal-arja kundizzjonata tal-vetturi.
Trasport pubbliku –spezzjonijiet minn Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw penali lill-kumpanija tal-Gvern fir-rigward ta’ spezzjonijiet li jsiru minn Transport Malta, kemm fuq il-karozzi tal-linja kif ukoll fuq rotot li ma sarux jew li ma żammewx il-ħinijiet tal-iskeda? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-penali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ penali maħruġa minn Transport Malta bejn l-1 ta’ Jannar u s-27 ta’ Lulju 2014 fir-rigward ta’ spezzjonijiet fuq karozzi tal-linja jammontaw għal €92,125.
Infurmat ukoll li Transport Malta, bħal ma’ kienet għamlet fil-passat, qiegħda tiffoka l-attenzjoni u r-riżorsi tagħha sabiex il-puntwalità u l-affidabbiltà jiġu mkejla b’mod regolari. L-informazzjoni miġbura tingħata lill-operatur sabiex ikun jista’ jieħu l-azzjonijiet neċessarji.
Kopji tal-penali li inħarġu lill-operatur jistgħu jiġu murija lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali.
Transport Malta – Sezzjoni tal-Infurzar — ċitazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Awwissu mis-sezzjoni tal-infurzar ta’ Transport Malta? Jista’ jipprovdi informazzjoni ta’ x’kienu ċ-ċitazzjonijiet li ngħataw?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ħarġet total ta’ 1,947 ċitazzjoni mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Awissu 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn iċ-ċitazzjonijiet hekk kif mitluba mill-istess Onor. Interpellant.
Transport Malta – pożizzjoni ta’ Public Transport Manager
Question
B’referenza għas-sejħa interna li ħarġet ġewwa Transport Malta għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-persuni li kienu jifformaw parti mill-interviewing board?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li kienu jiffurmaw parti mill-interviewing board għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager kienu dawn:
Senior Manager Transport Malta (HR)
Chief Officer Transport Malta (Land Transport)
Chairman Malta Public Transport Services Ltd
Transport Malta – pożizzjoni ta’ Public Transport Manager
Question
B’referenza għas-sejħa interna li ħarġet ġewwa Transport Malta għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li sottomettew applikazzjoni għal din il-pożizzjoni? Jista’ l-Ministru jgħid, kull persuna, xi kwalifiki għandha u jekk intagħżlet persuna għal din il-pożizzjoni, fuq liema kriterji intagħżlet u kenitx l-aktar waħda kkwalifikata fost l-applikanti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 4 persuni applikaw għal pożizzjoni ta’ Public Transport Manager ġewwa Transport Malta.
L-impjegati li applikaw kellhom dawn il-kwalifiki:
Applikant Nru 1:
- Livell t’edukazzjoni sekondarja
- Esperjenza fl-operat tat-trasport pubbliku u nfurzur
- Kors fuq GIS
Applikant Nru 2:
- Degree f’Logistics & Transport
- Esperjenza fuq transport pubbliku
Applikant Nru 3:
- Diploma f’Management
- International Diploma in Administration, Assistant & Secretarial Duties
- Esperjenza fuq trasport pubbliku
Applikant Nru 4:
- Masters of Arts in Music Theory
- Bachelor of Arts Music Studies
- Bachelor of Arts (International Relations & Arabic Language)
- Esperjenza fuq trasport pubbliku
Skont il-kriterji użati waqt l-interview, il-persuna magħżula kienet l-iktar wahda addattata għall-pożizzjoni.
Peress li kull deċiżjoni fl-immaniġġjar tat-traffiku li qed tittieħed mingħajr pjan serju qed taffettwa ħażin lil Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji esperti kollha li għandha l-Awtorità dwar it-Trasport u li għandu l-Gvern dwar id-deċiżjoni li ttieħdet li tingħalaq parti minn Triq l-Mdina (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) għal min irid imur lejn il-Marsa u li qed jirriżulta li aktar kompliet tiżdied il-konġestjoni fi Triq Manwel Dimech, b’mod partikolari, ħdejn il-Monument ta' Pinto (diġà b’konġestjoni minħabba l-karozzi tal-linja) li b' konsegwenza qed jimblokka Ħal Qormi kollu?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 10545, nixtieq inserraħlu moħħu li kull deċiżjoni li tittieħed, tiġi deċiża minn nies serji u professjonali fuq xogħolhom.
Peress li Ħal Qormi, bis-sistema tat-traffiku kif inhi llum, qiegħed kull ma jmur isir passaġġ regolari għal numru dejjem akbar ta' karozzi u vetturi tqal li qed jaqsmu minn naħa għall-oħra ta' Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jfassal pjan ħolistiku u studjat għall-immaniġġjar tat-traffiku f’Ħal Qormi biex ma’ jħallix lil Ħal Qormi jitkisser u li l-kwalità ta' ħajja tar-residenti tiegħu tittiekel ftit ftit minħabba dħaħen, storbju u issues ta’ saħħa u sigurtà?
Response (MIZZI, JOE)
Niskanta kif l-Onor. Interpellant ma ndunax li din is-sitwazzjoni ilha għal diversi snin, sa minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Taħt din l-amministrazzjoni, jien ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport bdiet taħdem fuq diversi pjanijiet u proġetti ħolistiċi, għal Malta kollha li tinkludi lil Ħal- Qormi, li jindirizzaw il-problema tal-emmissjonijiet, ħsejjes u saħħa u sigurtà li huma kif ġej:
· Tniedet in-
National Road Safety Strategy
u
National Road
Safety Council
li se jibda jopera fil-ġimgħat li ġejjin
· Qed titħejja n-
National Transport Plan
· Qed titħejja n-
National Intelligent Transport Plan
· Qed jiġi mplimentat il-proġett tal-MODUS li huwa bbażat fuq
Intelligent Traffic Management Systems
· Ġew implimetati
bus lanes
ġodda u se jibda x-xogħol fuq
bus
lanes
oħra ġodda fil-jiem li ġejjin
· Ġiet riveduti r-Riforma tat-Trasport Pubbliku, liema riforma kienet oriġinarjament imnedija f’Lulju tas-sena 2011. Din ġiet riveduta minħabba li din kienet falliet u hija l-kaġun ta’ ħafna mill-problemi li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant.
Peress li l-konġestjoni tat-traffiku issa qed joħnoq u jifga t-toroq ta' Ħal Qormi, prinċipali u mhumiex, bħal Triq l-Imdina, Triq il-Ħelsien, Triq il-Wied, Triq Valletta, Triq il-Vitorja, Triq San Dwardu, Triq il-Mitħna, Triq il-Kbira, Triq San Bastjan u Triq San Bartilmew, u peress li issa anke bl-aħħar tibdiliet fi Triq l-Mdina u Triq Manwel Dimech (ħdejn il-Qormi Sports & Fitness Park) is-sitwazzjoni tat-traffiku f’Ħal Qormi issa saret waħda insopportabbli minħabba li t-traffiku qed jeħel bosta drabi għal tul ta’ ħin f’numru ta’ postijiet b’konsegwenzi għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti tal-lokal, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet se jwettaq biex speċjalment it-toroq interni ta’ Ħal-Qormi ma’ jibqgħux passaġġ għal kull min irid jaqsam minn naħa għall-oħra ta’ Malta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ma rċeviet l-ebda talba rigward problemi tat-traffiku fit-toroq residenzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jibni toroq ġodda f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Ħal-Qormi, Transport Malta tibni it-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilta` tagħha, cioe` dawk li qed isiru l-ewwel darba, filwaqt li tagħmel manutenzjoni tat-toroq arterjali u distributorji eżistenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb jew hux jistudja serjament xi pjan biex jibni triq li tiddevja t-traffiku li ġej minn naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbug lil hinn mit-toroq taċ-ċentru u nħawi residenzjali ta’ Ħal Qormi, billi jibagħtu direttament għall-bypass?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffiku li jkun ġej mir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ sejjer lejn Ħal-Qormi jgħaddi minn triq arterjali u ċioe` minn Mdina Road.