Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żejtun — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol hemm marbut mat-toroq hemm ippjanat li jsir fiż-Żejtun, f'Ħaż-Żabbar u f'Wied il-Għajn? Jista' jgħid fejn u meta hu maħsub li jsiru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem mall-Kunsilli Lokali biex jifformola kriterji li jiddefinixxu l-prijoritajiet nazzjonali ta' dan ix-xogħol, u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet li ser joħorġu minn dawn id-diskussjonijiet.

Wied il-Għajn — Triq il-Ħamrija/Triq il-Lampuka

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru Triq tal-Ħamrija u Triq il-Lampuka f'Wied il-Għajn minħabba l-istat li jinsabu fih?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Intepellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10884.

Ministeru għat-Trasport — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent għandu ngaġġat mal-Ministeru tiegħu u kemm jitħallsu dawn il-konsulenti individwalment?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m`hemm l-ebda Konsulent ingaġġat mal-Ministeru.

Vetturi — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin minn: (1) road contributions; (2) driving licences; (3) car licences; (4) regulations tax and VAT on registration; (5) customs duty and VAT on duty; u (6) duty on cars from non EU countries?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-figuri mitluba huma ppublikati fir-Rapport Finanzjarju li jinħareġ kull sena mit-Teżor.

VRT — Garaxxijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema operatur ta' garage ġie magħżul sabiex jagħmel il-VRT tests fuq vetturi tal-gvern u parastatali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma ġie magħżul ebda Operatur ta` garage biex jagħmel il-`Vehicle Roadworthiness Test` fuq vetturi tal-Gvern u parastatali. Dawn jistgħu jagħmlu dan it-test għand liema Operatur iridu huma, u dan billi t-tariffi stabiliti huma kollha l-istess, kif deher fl-avviż legali 126 ta` l-1998, maħruġ fit-8 ta` Mejju ta` l-istess sena.

Toroq — Barriers

Question

Peress li f'ċerti arterji tat-traffiku ftit li xejn hija l-prattika li jkun hemm barriers ma' l-arbli tad-dawl, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir studju sabiex ikun stabbilit jekk f'pajjiżna għandniex bżonn miżuri ta' din ix-xorta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li din il-problema qed tkun analizzata minn kumitat iffurmat bejn il-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tat-Toroq.

San Ġiljan — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 10328 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Ministru jara li jsiru d-double yellow line quddiem u ħdejn ir-residenzi privati kollha fi Triq il-Kbira, f'San Ġiljan, qrib is-City of London Bar peress li qed ikun hemm żewġ jew tliet ringieli ta' karozzi jgħalqu r-residenti priġunieri fi djarhom u allaħares ikollhom bżonn xi ambulanza għax ma jkunux jistgħu jipparkjaw hemm?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qiegħed jieħu passi biex is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant jiġi attwat.

Fgura — Triq L.Schickluna - Toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata kisja tarmac Triq L. Schickluna fil-Fgura? Jista' jara li din tingħata ftit prijorita' għax qed toħloq inkonvenjent kbir għar-residenti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex jifformola kriterji li jiddefinixxu l-prijoritajiet nazzjonali ta` dan ix-xogħol, u għalhekk ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant fil-parti tat-triq li għadha mhix asfaltata, isir skond il-prijoritajiet li ser joħorġu minn dawn id-diskusjonijiet.

Marsa — Fishermen Street

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar fuq mistoqsija parlamentari numru 1312 fejn kont tlabt spjegazzjoni dwar fiex wasal il-proġett ta' water culvert u asfalt ta' Fishermen Street, Marsa? Jista' jgħid x'sar mid-diskussjonijiet? Meta se jibda il-proġett? X'progress sar mil-aħħar mistoqsijiet parlamentari tiegħi numru 1312 u 3747

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-diskusjonijiet tkomplew u qed jiġu formolati l-istimi għal dan il-proġett.

Swieqi/Pembroke — Triq Sant Andrija

Question

Jista' l-Ministru jara l-possibilta' li ssir overhead crossing fi Triq St Andrija, fl-inħawi tal-Luxol Sports Facilities, bejn is-Swieqi u Pembroke peress li din hi triq perikoluża ħafna għal min irid jaqsam?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikkonsidra s-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant.

PTA — Rotta Nru. 671

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni biex ir-rotta tal-karozza tal-linja numru 671 issir aktar frekwenti peress li kif inhi fil-preżent qed toħloq inkonvenjent u tbatija żejda għar-residenti ta' Pembroke? Jaf il-Ministru li l-frekwenza ta' din ir-rotta għadha l-istess kif kienet għaxar snin ilu meta min dak iż-żmien 'il hawn ir-residenti f'Pembroke żdiedu bil-bosta u allura awtomatikament id-domanda għal użu ta' din ir-rotta żdied ukoll?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-frekwenza tar-rotta 671 tiżdied skond id-domanda għaliha. Fil-fatt, kemm filgħodu, mill-Belt, kif ukoll wara nofs in-nhar minn Pembroke, hemm vjaġġi żejda minħabba li tiżdied id-domanda. Għaxar snin ilu s-servizz kien jgħaddi mill-periferija, fuq in-naħa ta` barra ta` Pembroke. Madwar erba` snin ilu, is-servizz ġie estiż biex idur madwar Pembroke. Is-servizz issa qiegħed jingħata skond kif spjegat aktar `l fuq. Madanakollu, din ir-rotta hi waħda minn dawk li jista` jkollha tinbidel minħabba ż-żieda fl-attivita ta` l-inħawi.

Mtarfa — Sinjali tat-traffiku

Question

Peress li t-traffiku fl-Imtarfa kulma jmur qed jikber, jista' l-Ministru jikkonsidra li quddiem il-Main Gate ta' l-ex-sptar ta' l-Imtarfa ssir zebra crossing? Peress ukoll li din it-triq hija frekwentata ħafna mit-tfal li jattendu l-iskola u residenti ta' l-Imtarfa li jattendu l-Knisja ta' Sant'Oswald, jista' l-Ministru jara li t-talba tiegħi titwettaq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku qed jieħu l-passi neċessarji dwar din it-talba.

Karozzi — Towing

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar, 1999 kemm kien hemm towing ta' vetturi? Jista' jgħid kemm kien hemm dħul finanzjarju totali minn dan it-towing? Jista' jgħid kif tqassam id-dħul bejn gvern u kuntratturi? F'liema lokalitajiet sar it-towing u kemm-il vettura f'kull post ġiet ittowjata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Madliena — Triq il-Markiz J. Scicluna - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex Triq il-Markiz J. Scicluna (triq ġdida fil-Madliena) isirilha t-tarmac peress li din qatt ma ġiet asfaltata u konsegwenza ta' hekk tinsab fi stat ħażin ħafna b'inkonvenjent kontinwu għar-residenti kif ukoll għal dawk kollha li jużaw din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat ikun jista` jsir wara li l-programm ta` xogħol ikun miftiehem mall-Kunsill ikkonċernat bħala parti mill-programm totali tax-xogħol, u wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha jkunu fil-post.

Madliena — Triq il-Ward - Tarmak

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex triq ġdida fi Triq il-Ward, Madliena isirlha t-tarmak peress li din qatt ma ġiet asfaltata u konsegenza ta' hekk tinsab fi stat ħażin ħafna b'inkonvenjent kontinwu għar-residenti kif ukoll għal dawk kollha li jużaw din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat ikun jista` jsir wara li l-programm ta` xogħol ikun miftiehem mall-Kunsill ikkonċernat bħala parti mill-programm totali tax-xogħol, u wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha jkunu fil-post.

Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet importata fl-aħħar ħames snin biex topera bħala karozza tal-linja? X'inhi l-politika tal-gvern biex karozzi tal-linja antiki jitneħħew u oħrajn jidħlu flokhom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fil-perjodu msemmi kienu importati ħames karozzi tal-linja ġodda. Il-politika tal-Gvern preżenti għadha dik li karozzi tal-linja qodma jibdew jinbidlu m'oħrajn ġodda.

Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' karozzi tal-linja li qed joperaw fuq ir-rotot f'Malta bħalissa? Kemm qed joperaw f'Għawdex? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom ilhom joperaw għal: (a) aktar minn 25 sena; (b) aktar minn għaxar snin; (c) anqas minn ħames snin? Kemm-il vettura tneħħiet u/jew ġiet irtirata matul dawn l-aħħar ħames snin? Kull meta ssir spezzjoni fuq dawn il-vetturi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 6197 jien infurmat li ħamsa minn dawn il-karozzi għandhom anqas minn ħames snin waqt li l-kumplament għandhom 'l fuq minn għoxrin sena fil-każ ta' Malta. Fil-każ ta' Ghawdex, jien infurmat li fl-aħħar sentejn in-numru ta' 'coaches' żdied b'39 li lkoll għandhom anqas minn tnax-il sena. Dan kif stipulat fi ftehim li sar bejn il-Gvern preċedenti u l-'Gozo Bus Owners Association'. Dawn il-vetturi ssirilhom test darba fis-sena qabel tiġġedded il-liċenzja kif ukoll testijiet oħra meta tinħass il-ħtieġa.

Vetturi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi li bħalissa huma liċenzjati biex joperaw bħala coaches għat-turisti? X'inhu n-numru ta' vetturi reġistrati bħala mini-buses? Kull meta ssir spezzjoni, kemm fuq il-coaches kif ukoll fuq il-mini-buses, biex jiġi żgurat li huma fi stat tajjeb biex joperaw?

Response (GALEA, ĊENSU)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 7131, jien infurmat li hawn ukoll 394 vettura registrati bħala 'mini buses`. It-test fuq dawn it-tip ta' vetturi jrid isir kull sena qabel tiġġedded il-liċenzja kif ukoll testijiet oħra meta tinħass il-ħtieġa.

Vejikoli tal-gvern — Written off/scrapped off

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux tagħrif dwar vejikoli tal-gvern illi kellhom jiġu written off jew scrapped għaliex ma għaddewx mit-test tal-VRT jew inkella tant kellhom ħsara li ma kienx jaqbel li jirranġaw ruħhom? X'tip ta' vejikoli kienu u ta' liema dipartiment kienu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa issa ma kienx hemm vetturi tal-Gvern li ġew `written off` imħabba l-V.R.T.

Wied il-Għajn — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-lista tat-toroq li se jiġu rranġati f'Wied il-Għajn? Meta hu maħsub li jibda x-xogħol u meta hu maħsub li jintemm? Kemm hi prevista l-ispiża totali biex jiġu rranġati dawn it-toroq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol li qed isir bħalissa f`Wied il-Għajn hu konness ma` l-`embellishment projects` li qed iwettaq il-Ministeru għall-Ambjent, u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.