Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani biex Triq l-Arkata Normanna, f'Ħal Tarxien tiġi asfaltata?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi t-triq imsemmija ġiet inkluża fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li se jsiru mid-direttorat, u x-xogħol isir aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.
Jista' il-Ministru jgħid jekk issa li Malta saret membru ta' l-Unjoni Ewropea, hemmx il-ħsieb li jiġi liberalizzat is-settur tat-trasport pubbliku b'mod partikolari n-numru ta' karozzi tal-linja, minibuses u taxis?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġibna tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwessa' Triq in-Nissieġ, Żabbar (fil-parti d-dejqa li tagħti għal Triq San Ġużepp, Żabbar) għaliex fi Triq in-Nissieġ, hemm sidien tal-karozzi tal-linja ġodda li għandhom il-garages tagħhom f'din it-triq u qed isibu problema biex jidħlu għall-garages tagħhom minħabba l-parti dejqa tat-triq?
Saret talba mill-kunsill lokali ta' Ħaż Żabbar biex din il-parti tat-triq titwessa'?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi t-triq imsemmija ġiet spezzjonata minn perit ta' l-awtorita' dwar it-trasport u nstab illi biex din tkun tista' titwessa' trid tittieħed parti minn għalqa li tinsab faċċata ta' l-imsemmija garages.
L-awtorita' mistennija tibda t-taħditiet ma' l-awtorita' għall-ambjent u l-ippjanar sabiex jiġi stabbilit x'l-aħjar li jsir biex ikun jista' jitneħħa l-inkonvenjent għar-residenti.
Jista' il-Ministru jgħid jekk sprall li jgħaddi minn taħt il-bankina ta'quddiem residenza 37, Triq Santa Katerina Qormi huwiex jitnaddaf b'mod regolari peress li r-residenti qed jilmentaw li qed ikun maħmuġ spiss, b'mod partikolari meta tagħmel ix-xita fejn qed jidher li qed jinstad u jħalli rwejjaħ insapportabbli? Jista' il-Ministru jgħid min bena dan l-isprall u għal-liema skop inbena? Għal fejn twassal il-bokka ta' dan l-isprall? It-tindif u l-manutenzjoni ta' dan l-isprall taħt ir-responsabbilita' ta' min taqa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Informat li uffiċjali ta' l-awtorita' dwar it-trasport għamlu spezzjoni quddiem ir-residenza msemmija. Irriżulta li dan l-isprall iservi biex jinġabar l-ilma tax-xita għall-bir fl-istess residenza.
Peress illi l-issues imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Health Inspector tal-lokal, l-Onor. Interpellant hu mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsijiet oħra preċedenti tiegħi dwar Triq it-Tiben, f'Wied il-Għajn, jista' il-Ministru ġentilment jagħtini indikazzjoni meta hu maħsub li ssir din it-triq għax minkejja li hemm diversi residenti għadha qatt ma saret? Din it-triq qiegħda fil-lista ta' toroq ta' priorita' li jridu jsiru f'Wied il-Għajn?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha u Triq it-Tiben mistennija tiġi nkluża f'dan il-programm sabiex ix-xogħol meħtie/ ikun jista' jsir aktar 'il quddiem.
Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra informazzjoni bil-persentaġġ ta' toroq ġodda ta' kull lokalita' f'Malta u Għawdex li għad iridu jsiru?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha.
Jista' il-Ministru jispjega x'inhu r-rwol tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fl-awtorita' dwar it-trasport pubbliku? Kif ġie ngaġġat dan il-persuna?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-persuna msemmija ġiet impjegata ma' l-awtorita' dwar it-trasport wara li ħarġet sejħa għall-Assistant Manager. Ir-rwol ta' din il-persuna huwa li jassisti liċ-CEO.
Jista' il-Ministru jieħu in konsiderazzjoni l-istat diżastruż li tinsab fih Triq il-Qratas, fis-Swieqi? Jistgħu jsiru xi xogħlijiet f'din it-triq urġentement?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi fil-preżent l-awtorita' dwar it-trasport qegħda taġġorna l-informazzjoni tagħha dwar toroq li għad iridu jsiru madwar Malta kollha u Triq il-Qratas hija waħda mit-toroq li għandha tiġi nkluża f'dan il-programm sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir aktar 'il quddiem.
Ministeru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq — Ħaddiema
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impjegati li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu li tressqu quddiem bord dixxiplinari din is-sena, għaliex u ma liema dipartiment jaħdmu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat li n-numru ta' impjegati li tressqu quddiem il-bord ta' dixxiplina din is-sena huwa sitta.
Erbgħa impjegati li jaħdmu mad-direttorat tat-trasport pubbliku.
Tnejn jaħdmu mad-direttorat tal-liċenzji u ttestjar.
L-offiżi kienu:-
Ma nstabux fuq il-post tax-xogħol tagħhom;
insubordinazzjoni;
abbuż ta' sick leave.
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-istudji li qed tagħmel il-Marine Section tad-diviżjoni tax-xogħlijiet dwar x'qed jikkaġuna l-ħsarat tal-moll fix-Xatt ta' l-Isla? Meta se jsiru t-tiswijiet fil-baħar mill-Malta Maritime Authority?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li Sqaq l-Għargħar ġewwa Ħaż-Żabbar jiġi rranġat ħalli ma jibqax daqshekk ta’ inkonvenjent u periklu għar-residenti li jgħixu fih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-manutenzjoni u r-resurfacing tat-triq imsemmija taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żabbar u għaldaqstant l-awtorita' tat-trasport informat lill-kunsill lokali konċernat bis-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu maħsub li Triq Konti R. Barbaro, f'Ħ'Attard tingħata t-tarmac? Jista' jgħid kemm hu ppjanat li tiġi l-ispiża?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab informat illi Triq Konti R. Barbaro qegħda nkluża mal-lista ta' toroq li jridu jiġu asfaltati u x-xogħlijiet isiru aktar 'il quddiem skond il-prioritajiet tax-xogħol li għandha quddiemha l-awtorita' dwar it-trasport.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5893, jista' il-Ministru jagħti l-parir biex tingħata priorita' li ssir it-tkomplija tal-bankina bejn il-gate ta' Wands u l-gate ta' Posta Ltd. f'Ħal Qormi minflok ikun hemm street parking minħabba l-fatt ukoll li 50 metru 'l isfel hemm car park kbir (ħdejn il-korsa taż-żwiemel u quddiem il-fabbrika tal-birra) li jesa' ħafna karozzi u għaldaqstant il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw fih?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5893.
Jista' il-Ministru jinvestiga d-diversi ilmenti li qed jasluli li minħabba li l-karozzi tal-linja qed jaslu l-Gżira mimlija, residenti ta' dan il-lokal qed isibu diffikulta' kbira biex jirkbu l-karozzi meta jkunu fuq l-istage ix-Xatt tal-Gżira?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Infurmat li l-biċċa l-kbira ta' l-ilmenti mir-residenti tal-Gżira isiru minħabba li ħafna drabi jkollhom jirkbu bil wieqfa peress li sakemm il-karozzi tal-linja jaslu l-Gżira jkunu kważi mimlija. Jidher li dan l-inkonvenjent japplika l-aktar għall-waqt il-peak hour. L-awtorita' minn naħa tagħha ser tipproċedi u tagħmel surveys biex tagħraf eżatt is-sitwazzjoni tar-residenti tal-Gżira.