Kunsill Malti għall-Isport – impjegati li ssejħu fis-Segretarjat tal-Ministru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Kunsill Malti għall-Isport kienx hemm ħaddiema li ssejħu biex jaħdmu fis-Segretarjat tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari? X'kien il-grad u remunerazzjoni li dawn il-ħaddiema kienu jingħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport u x'qed jingħataw issa? Jista' jgħid ukoll meta dawn il-ħaddiema kienu ingaġġati mal-Kunsill Malti għall-Isport?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm każ ta' ħaddiema waħda li ġiet trasferita għal mas-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari. Mal-Kunsill Malti Għall-Isport din il-ħaddiema kellha remunerazzjoni ta' €17,088. Mas-segretarjat parlamentari tokkupa l-kariga ta' Uffiċjal fis-Secretariat Pool fi Skala 13. Kienet ġiet ingaġġata mal-Kunsill Malti Għall-Isport fl-10 ta' Diċembru 2012.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ittieħdu uffiċini ġodda fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera minn persuni li mhumiex impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport minn Marzu 2013 sal-lum, għal min kien allokat kull uffiċċju u kemm swiet l-għamara għal kull uffiċċju, inkluż dik għar-rilokazzjoni tal-uffiċċji tal-impjegati?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu li għadda fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ittieħdu 4 uffiċini għall-użu ta' persuni mhux impjegati tal-Kunsill Malti għall-Isport. Dawn huma:-
1. Uffiċċju għas-Segretarju Parlamentari
2. Uffiċċju għall-Kummissjoni għar-Riforma fl-Isport
3. Uffiċċju għaċ-Chairman tal-Kunsill Malti Għall-Isport
4. Uffiċċju għall-Assistent Personali taċ-Chairman
S'issa għadha ma nxtrat ebda għamara għal dawn l-uffiċini.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti, lokalità lokalità li qed jattendu xi kors fl-Università, għal kull waħda mil-lokalitjiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numri ta' studenti, lokalità lokalità, li qed jattendu xi kors fl-Università għal kull waħda mil-lokalitajiet tas-7 u t-12 il-distrett elettorali.
Peress li t-12-il distrett elettorali ma jinkludix il-lokalità tan-Naxxar kollu, wieħed irid jirrimarka li l-lista għall-istudenti minn dan id-distrett elettorali tinkludi studenti mil-lokalità tan-Naxxar kollu.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ studenti li jattendu korsijiet f’xi dixxiplina marbuta mat-turiżmu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS)? Liema korsijiet qed jattendu, u minn liema lokalitajiet ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat, il-Ministru għat-Turiżmu.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2025, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru ngħatax informazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar ir-riskji li tista’ tikkawża l-iSlapped Cheek Syndrome fosthom korrimenti ta’ tqala u kumplikazzjonijiet fil-qalb tat-tarbija? F’dan ir-rigward xi prekawzjonijiet ittieħdu biex jipproteġu għalliema li jistgħu kienu jew qegħdin f’riskju?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Ministeru fittex pariri mingħand il-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists u anke mill-Awtorita' tas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol dwar l-effett tas-Slapped Cheek Syndrome fuq nisa tqal. Inħarġet ċirkulari bil-prekawzjonijiet li jridu jittieħdu u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1864 u b’referenza għad-diskors tal-Prim Ministru rigward dan il-każ jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-13-il impjegat li daħlu jaħdmu jew ġew ittrasferiti għall-Kunsill Malti għall-Isport ma kenux diġà f’impjieg mal-Gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mit-13-il persuna imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1864, persuna waħda ma kienitx f'impjieg mal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar fil-kumpless sportiv f’Tal-Qroqq fl-aħħar snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-iSport jinvesti spiża rikorrenti ta’ madwar €1.7 miljun fis-sena għall-operat tal-Kumpless Sportiv tal-Qroqq, liema spiża tinkludi t-tisħin taż-żewġ pixxini matul l-istaġun tax-xitwa.
Fl-aħħar 5 snin sar titjib ġenerali ieħor fil-kumpless bi spiża ta’ nofs miljun ewro. Fost oħrajn fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq inbidlu s-sand filters tal-pixxina, saru xogħlijiet strutturali ġenerali li jinkludu xogħlijiet fuq showers u changing rooms, titjib fl-isquash courts u żieda ta’ squash courts addizzjonali, estensjoni tal-fitness centre, refurbishment tar-reception area tal-kumpless kif ukoll inħoloq fitness centre għat-tfal.
Ma dawn hemm numru ta’ xogħlijiet oħra li saru bi sħab ma’ ghaqdiet sportivi fosthom mal-Aquatic Sports Association fejn sar immodernizzar ta’ numru ta’ kmamar li ngħataw bħala assistenza lill-għaqdiet sportivi, lanes ġodda fil-pixxina għat-taħriġ u kompetizzjonijiet fl-għawm, ingħata liquid membrane fuq l-istands u saret installazzjoni ta’ seats ġodda għall-pubbliku.
Mal-Malta Billiards and Snooker Association inħolqot akkademja tal-isnooker.
Wara li ftit tal-ġimgħat ilu tħabbar li beda x-xogħol fuq il-pixxina nazzjonali, jista’ l-Ministru jgħid liema huwa x-xogħol li qed isir bħalissa? X’se jkun qed isir aktar? X’inhi n-nefqa proġettata? Sa meta se jkun lest dan ix-xogħol?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport ikkummissjona rapport dwar l-istat eżistenti tal-pixxina nazzjonali. Dan ir-rapport li hu mistenni li jkun sottomess sal-aħħar ta' Ġunju 2013 għandu jidentifika dawk il-postijiet fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq li jinħteġilhom attenzjoni, jidentifika lista ta' xogħlijiet li għandhom isiru f'ordni ta' priorita' u wkoll jagħti stima finanzjarja tax-xogħol li ser ikun rakkomandat li jsir.
Jista’ l-Ministru jelenka liema programmi sportivi ngħataw mill-Kunsill Malti għall-Isport matul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar ħames snin ingħataw għaxar programmi sportivi differenti li huma:-
1. Skolasport
2. Summer on the Move
3. Sports Buzz
4. Sports Fun
5. Girls on the Move
6. Akkademji
7. Walking and Jogging Clubs
8. Senior Citizens on the Move
9. MUSEUMS
10. Arti Sport
Dawn minbarra l-programmi sportivi imtella' mill-iSport Promotion Unit qabel, waqt u wara l-ħinijiet tal-iskola u l-programmi sportivi taħt l-iskema tal-Kunsilli Lokali.
B'referenza għat-tweġiba tal mistoqsija parlamentari 1810 fejn fiha iddikjara li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ma jafx għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant, u peress li tali Konferenza Annwali tal-Edukazzjoni hi waħda mill-wegħdiet li tinsab fil-programm elettorali tal-Partit Laburista tal-aħħar elezzjoni, u peress li jidher li kemm il-Ministru kif ukoll id-dipartiment mhumiex konxji minn dan, jista’ l-Onor. Ministru jgħid hu kienx ġie kkonsultat qabel ma nkitbet din il-wegħda, jekk jaqbilx ma’ din il-wegħda u jekk għandux il-ħsieb li jwettaqha?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Jidher li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-proposta numru 44 li tikkonċerna Konferenza Nazzjonali għall-Għalliema. Din il-proposta se tiġi mwettqa fiż-żmien li ġej. Jiena diġà ltqajt ma' diversi oqsma ta' edukaturi bħal uffiċjali edukattivi, biex nikkonsultahom f'laqgħat li ma kienux isiru qabel.
Żjara mill-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza
Question
B’referenza għaż-żjara ta’ korteżija li għamlet f’pajjiżna l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u Xjenza, Maire Geoghgan-Quinn, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-iżviluppi li qed isiru f’pajjiżna f’dan il-qasam b’rabta mal-istqarrija 1124 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-innovazzjoni, u Xjenza ma żaritx Malta iżda kien hemm laqgħa Brussel li saret bejn l-Onorevoli Dr Stefan Buontempo u l-Kummissarju waqt il-Kunsill Ministerjali tal-Kompettivita’ (Riċerka).
Fis-snin li għaddew Malta għamlet passi kbar il-quddiem fil-qasam tar-riċerka u l-i¿vilupp bit-tmexxija tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST. Proġett ewlieni huwa dak taċ-Ċentru Nazzjonali għax-xjenza interattiva (
National Interactive Science Centre
) li qed jinbena fil-Kumpless ta’ Bighi fil-Kalkara. Dan iċ-ċentru juri l-prijorità li l-gvern qed jagħti għall-edukazzjoni tax-xjenza. L-għan taċ-Ċentru huwa li jkun struttura permanenti fejn l-istudenti u l-pubbliku jistgħu jinvolvu ruħhom f’esperjenza unika ta’ xjenza interattiva u li jippromwovi l-adozzjoni ta' karrieri relatati max-xjenza waqt li jħeġġeġ l-ispirtu intraprenditorjali taż-żgħażagħ tagħna. Iċ-Ċentru, li se jiġi żviluppat bi spiża totali ta' €25 miljun, ser jinkludi galleriji interattivi, sala kbira, ‘Planetarium’, laboratorji, spazji għal
workshops,
cafeteria kif ukoll ġonna sbieħ. Il-kontenut se jkun jaqbel mal-oqsma distinti ta' l-kurrikulu nazzjonali tax- xjenza, iżda huwa wkoll immirat lejn il-pubbliku ġenerali.
Kull sena l-Gvern jiffinanzja għadd ta' proġetti b'appoġġ tal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Wieħed mill-istrumenti ewlenin ta’ finanzjament huwa l- Programm Nazzjonali għal Riċerka u Innovazzjoni li żdied kwazi erba` darbiet u nofs matul l-aħħar snin. Fil-fatt, il-finanzjament għal dan il-Programm żdied minn € 400,000 fl-2004 sa € 1.6 miljun fl-2012. L-MCST irċeviet total ta' 46 proposta, b’talba għal € 8.3miljun – żieda fid-domanda sostanzjali meta mqabbla mal-€ 5.8 miljun fl-2011. Barra minn hekk, is-sena l-oħra beda wkoll programm għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ ideat li għandhom potenzjal qawwi fis-swieq lokali u barranin.
Bħala Kuntatt nazzjonali (NCP), il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija tgħin lir-riċerkaturi Maltin jaċċessaw fondi tal- Unjoni Ewropea mis-Seba' Programm Qafas, l- FP7.
Dan wassal biex, sal-bidu tal-2013, il-Maltin gawdew minn kwazi 14-il miljun ewro f'fondi Ewropej biex ikunu jistgħu jaħdmu fuq proġetti importanti ta' riċerka.
Il-programm COST (il-Kooperazzjoni Ewropea fix-Xjenza u t-Teknoloġija), immexxi mill-Kunsill, jġib flimkien riċerkaturi minn pajjiżi differenti biex jippromwovu l-koordinazzjoni transnazzjonali ta’ riċerka. Minn sitt azzjonijiet tal-COST (
cost actions
) fl-2009, il-parteċipazzjoni telgħet għal aktar minn 100 azzjoni sal-bidu tal-2013, b’parteċipazzjoni ta’ iktar minn 150 riċerkatur. Fis-sena 2012 biss, Malta bdiet tieħu sehem fi 38 Azzjonijiet ġodda bl-involviment ġdid ta' 56 riċerkatur.
Minbarra l-FP7 u l-COST, il-Kunsill qed ikompli jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni barra minn Malta. Fl-aħħar sena, baġit ta' €150,000 ġie allokat għall- attivitajiet li jippermettu lir-riċerkaturi Maltin u membri mill-industrija jieħdu sehem f’attivitajiet internazzjonali f ‘ dal-qasam. Bini ta’ netwerks internazzjonali ma' riċerkaturi ewlenin mhux biss jiżguraw li Malta tkompli tikber u tissaħħaħ f'oqsma ta’ importanza nazzjonali, iżda wkoll li joħolqu opportunita` għal aktar impjiegi f'dan il-qasam.
Fil-fatt, wieħed mis-suċċessi kbar ta’ din l-inizzjattiva huwa l-proġett imsejjaħ Lab4MEMS li ġie approvat mill-ENIAC, raggruppament Ewropew tal-industrija u l-akkademja fis-settur tal-mikroelettronika, b’investiment għal Malta ta' € 4.6 miljun. Il-proġett Lab4MEMS huwa kkoordinat mill-STMicroelectronics fl-Italja, bil-parteċipazzjoni ta 'STMicroelectronics ta’ Malta u d-Dipartiment ta' Mikro u Nanoelettronika fl-Università ta' Malta. L-iskop ta' Lab4MEMS huwa li jistabbilixxi netwerk għal riċerka u żvilupp ta' teknoloġiji avvanzati użati fit-teknoloġiji magħrufa bħala MEMS.
Dawn l-inizzjattivi huma kollha mfassla fuq strateġiji nazzjonali għar-riċerka. Din is-sena tniedu ¿ewġ strateġiji ta' riċerka, waħda dwar is-saħħa u oħra dwar il-manifattura li tfasslu wara konsultazzjoni wiesgħa. L-istrateġija fil-qasam tas-saħħa għandha l-għan li tixpruna riċerka għal modi ġodda kif intejbu l-qasam tas-saħħa f'pajjiżna. Sforzi f’dal-qasam diġa bdew jagħtu l-frott. Malta qed tissieħeb ma' konsorzju internazzjonali immexxi mill-Universita ta’ Leuphana fil-Germanja u ma l- ICHOM, Sclavo Vaccines tal-Italja u Novartis, flimkien ma universitajiet u industriji oħra prestiġġjużi sabiex ifasslu proġett għal-fondi mill-Istitut Ewropew ghall-Innovazzjoni u Teknologija (EIT). Dan il-progett fuq
Active and Healthy Ageing
se jiffoka fuq il-potenzjal li r-riċerka tista toffri liċ-ċittadini biex jgħixu ħajja attiva u indipendenti anke meta jixjieħu.
Dawn huma ftit mill-inizzjattivi nazzjonali li qed iseħħu f’pajjizna. Ma rridux ninsew ukoll l-investiment qawwi li qed isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) fl-infrastruttura għar-riċerka tal-Universita ta’ Malta, kif ukoll fi proġetti kbar bħal BioMalta Life Sciences Centre – proġett ta’ 38 miljun li jibni fuq is-suċċess ta' setturi bħall-manifattura, tal-farmaċewtika u tat-tagħmir mediku.
Dawn ir-riżultati kollha jixhdu l-potenzjal tal-Maltin fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni, qasam li għandu l-potenzjal li joħloq aktar impjiegi u li jwassal għal tkabbir ekonomiku u kwalita' ta' ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miri tal-Gvern għan-nefqa nazzjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u jekk hux se jkun hemm tnaqqis fuq il-vot mis-sena preċedenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mira tal-gvern preċedenti għar-riċerka u l-iżvilupp kienet ta' 0.67% GDP sas-sena 2020 bħala parti mill-istrategija Ewropa 2020. Dan il-gvern jaħseb li din il-mira ma tirrifflettix il-kapaċita ta’ Malta fil-qasam tar-riċerka. Il- Kummissjoni Ewropea stess kienet ikkritikat lil Malta għan-nuqqas ta’ambizzjoni fil-mira tagħha. Fil-fatt in-nefqa ta’ 0.67% diġa intlaħqet fis-sena 2010 u kompliet tiżdied fis-snin 2011 u 2012. Il-gvern huwa impenjat li jinvesti bis-sod f’dan il-qasam u allura se jżid il-mira għar-riċerka u l-iżvilupp biex tkun mira ambizzjuża li tipparaguna sew mal- istati membri l-oħra tal-UE f’qasam daqshekk importanti għax-xoghol u t-tkabbir ekonomiku.
Riċerka u l-Innovazzjoni – negozjati dwar il-pakkett Orizzont 2020
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati fuq il-pakkett leġiżlattiv Orizzont 2020 li huwa l-programm qafas tal-Unjoni Ewropea fuq il-qasam tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-perijodu bejn l-2014 – 2020?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Mindu l-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020 ġie ppubblikat f’Novembru 2011, sar progress sinifikanti fin-negozjati, partikolarment fuq il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Programm Qafas Orizzont 2020 u l-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni fil-Programm Qafas Orizzont 2020.
Fl-2012 il-Kunsill tal-Ministri laħaq numru ta’ Approċċi Ġenerali Parzjali fuq il-Pakkett Leġiżlattiv Orizzont 2020 waqt li l-Parlament Ewropew, minn naħa tiegħu, adotta numru ta’ Rapporti dwar l-istess fajls. Fuq il-bażi ta’ dawn, il-Kunsill, irrappreżentat fl-ewwel nofs tal-2013 mill-Presidenza Irlandiża, u l-Parlament Ewropew, nedew sensiela ta’ trilogi informali u laqgħat tekniċi. Sal-lum saru seba’ laqgħat trilogi informali (31 ta’ Jannar 2013, 5 ta’ Marzu 2013, 26 ta’ Marzu 2013, 9 ta’ April 2013, 16 ta’ April 2013, 7 ta’ Mejju u 27 ta’ Mejju).
Għalkemm ġie rreġistrat progress sinifikanti ħafna, waqt it-trilogu tas-16 ta’ April 2013, ġie nnutat li n-negozjati kienu waslu f’qagħda kritika minħabba numru ta’ kwistjonijiet kritiċi li l- Kunsill u l-Parlament Ewropew ma setgħux jaqblu fuqhom. Il-Presidenza enfasizzat il-kwistjonijiet li ġejjin bħala l-fatturi prinċipali li qed jimpedixxu milli jintlaħaq qbil;
1. Kwistjonijiet relatati mal-arkitettura tal-Programm Qafas Orizzont 2020;
2. Objettivi ġodda, linji ta’ attività u linji ta’ subattività; u
3. Simplifikazzjoni u effettività.
Il-Presidenza temmen li ma jistax jintlaħaq qbil qabel ma dawn il-kwistjonijiet jiġu ndirizzati. Minħabba il-ħtieġa urġenti li jintlaħaq ftehim ma’ l-ewwel qari il-Kunsill, kif ukoll il-Parlament Ewropew ser ikollhom jagħmlu konċessjonijiet sinifikanti. Waqt il-Kunsill tal-Kompetittivita’ (Riċerka u Spazju) li sar fl-aħħar ta’ Mejju 2013, il-Ministri esprimew l-impenn tagħhom sabiex jintlaħaq ftehim dwar il-Pakkett Legiżlattiv tal- Orizzont 2020 qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li jmiss li ser issir fl-aħħar ta’ Ġunju 2013.
F’dan ir-rigward, il-Presidenza pproduċiet test ta’ kompromess fuq il-bażi ta' liem COREPER I tat-12 ta’ Ġunju 2013, taha mandat biex tidħol f’negozjati mal-Parlament Ewropew waqt it-tmien trilogu li qed isir illum 17 ta’ Ġunju 2013. Il-Presidenza qed tittama li jintlaħaq ftehim finali mal-Parlament Ewropew waqt din il-laqgħa.
Malta hija favur li jintlaħaq ftehim fuq il-Pakkett Legiżlattiv Orizzont 2020 mal-ewwel qari u għalhekk qed tadotta approċċ flessibbli u qed turi appoġġ lejn id-deċiżjonijiet tal-Presidenza.
Kunsill Malti għall-Isport – membri tal-bord tad-diretturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bord tad-diretturi fuq il-Kunsill Malti għall-Isport, x`inhu rwol ta’ kull membru u x’inhu l-ħlas li qed jirċievi kull membru fuq dan il-bord?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) għandhiex xi linji gwida jew kodiċi li ma jħallux lill-entitajiet pubbliċi jemendaw il-kwalifiki u l-esperjenza mitluba f’sejħiet għall-applikazzjonijiet mingħajr ma tinġieb minn qabel approvazzjoni ġdida mill-PAHRO għal dawn l-emendi? Jekk iva x’inhuma dawn il-linji gwida jew kodiċi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ timxi fuq linja gwida ċara - jiġifieri li entita' pubblika trid tuża dawk il-kwalifiki u/jew esperjenza li jkunu approvati mill-PAHRO fis-sejħiet għall-applikazzjonijiet li tagħmel. Kull entita' pubblika taf li jekk ser tagħmel tibdiliet fil-kwalifiki u/jew esperjenza għal xi vakanza partikolari wara li hija tkun ġabet l-approvazzjoni tal-PAHRO, allura jekk ser tibdel il-kwalifiki u/jew l-esperjenza approvati, l-entita' trid terġa' titlob lill-PAHRO biex japprovalha l-kriterji kif mibdula.
ETC – Sejħiet għall-applikazzjonijiet – kwalifiki u esperjenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’każ ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet li l-kwalifiki u l-esperjenza fl-istess sejħa jkunu emendati mingħajr ma qabel tinġieb approvazzjoni ġdida mill-PAHRO għal dawn l-emendi, impjieg li jkun ibbażat fuq dik is-sejħa jiġix dikjarat mill-Korporazzjoni għall-Impjieg u t-Taħriġ (ETC) bħala wieħed irregolari?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li f'każ fejn il-kwalifiki u/jew l-esperjenza meħtieġa mill-applikanti għal xi vakanza partikolari jkunu emendati mingħajr ma qabel tinġieb approvazzjoni ġdida mill-PAHRO, impjieg li jkun ibbażat fuq kriterji mhux approvati mill-PAHRO jiġi ddikjarat mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) bħala wieħed irregolari u l-engagement form tal-persuna magħżula ma tkunx aċċettata.
F'dawn il-każijiet, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tibgħat ittra uffiċjali lill-entita' konċernata biex tinfurmaha dwar dan.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm studenti li qed jattendu għall-kors ta’ Diploma in the Laws of Procedure u f’liema stadju wasal dan il-kors?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' studenti li qed jattendu għall-kors ta' Diploma in the Laws of Procedure huwa ta' 46. Dawn l-istudenti kollha qegħdin isegwu it-tieni u l-aħħar sena tal-kors tagħhom.
Stipendju għal Żgħażagħ li jmorru jaħdmu barra minn Malta
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-miżura li kienet tħabbret fil-Baġit mill-Gvern preċedenti fejn kellu jibda jingħata stipendju għal dawk iż-żgħażagħ sa 25 sena (jew fi żmien tliet snin minn meta jiggradwaw minn edukazzjoni terzjarja) li jmorru jaħdmu barra mill-pajjiż sa massimu ta’ sena b’mod volontarju, bdietx titħaddem? Kif jista' wieħed japplika? Kemm kienu dawk li applikaw s’issa u kemm tħallsu stipendji taħt din l-iskema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se ssir sejħa pubblika biex dawk interessati japplikaw biex igawdu minn din il-miżura.