Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – allokazzjoni mgħoddija mill-Gvern preċedenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-allokazzjoni mgħoddija mill-Gvern preċedenti sabiex il-kunsilli lokali jkunu responsabbli tal-ħlas ta’ rimi ta’ skart (tipping fees), kenitx biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż? X’sar sabiex din il-problema tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-allokazzjoni li tingħata lill-Kunsilli Lokali minħabba il-ħlas ta’ ‘tipping fees’ m’hijiex biżżejjed minħabba li l-ammont ta’ skart li jidħol fil-landfills ġeneralment dejjem ikun aktar minn dak stmat li għandu effettivament jidħol. Il-Gvern preċedenti ġab lill-Kunsilli Lokali għarkopptejhom wara li ma tahomx biżżejjed fondi fl-allokazzjoni tagħhom sabiex ikopru dawn l-ispejjeż. Dan kien isarraf f’xenarju li jew dawn il-fees ma jitħallsux, jew inkella jinħarġu minn ġewwa mill-fondi tal-kunsilli. Sal-aħħar sena tal-Gvern tal-Partit Nazzjonalista inħolqot sitwazzjoni fejn inħoloq dejn lejn il-Wasteserv li minħabba f’hekk, dan il-Gvern kellu jagħmel tajjeb għalih. Għaldaqstant, il-Ministeru tal-Finanzi qed jalloka ammonti oħra (apparti dawk tal-allokazzjoni) biex jintużaw ukoll għal dan il-għan. S’issa il-Ministeru tal-Finanzi alloka dawn l-ammonti lid-Dipartment għall-Gvern Lokali li minn naħa tiegħu għaddihom direttament għand il-Wasteserv. Fl-2013 ġew allokati €1.2 miljun, fl-2014 ġew allokati €1.1 miljun u fl-2015 ġew allokati €1.3 miljun.

Kunsilli Lokali – flus mhux mgħoddija lill-WasteServ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi Kunsilli Lokali li ma għaddewx il-flus lill-WasteServ? Jista’ jgħid kif qed ikunu rkuprati dawn il-flus?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed nassumi illi l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-ħlas ta’ ‘tipping fees’ u li għalihom kull Kunsill Lokali jingħata parti mill-allokazzjoni finanzjarja. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi l-ammonti pendenti li kellu kull Kunsill Lokali fil-25 ta’ Settembru 2015 u din kif mibgħuta mill-kumpanija Wasteserv. Meta jiġi innotat illi Kunsill Lokali qed jaqa’ lura f’dawn it-tip ta’ pagamenti, id-Dipartment għall-Gvern Lokali inaqqas parti mill-allokazzjoni finanzjarja ta’ dak il-Kunsill u jgħaddiha direttament lil Wasteserv biex tagħmel tajjeb għal dan in-nuqqas.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 17751, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija dwar il-konsulenti li nħatru fil-perjodu li rreferejt għalih fil-mistoqsija oriġinali sal-lum u jelenka f’liema entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu qegħdin dawn il-konsulenti? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?

Response (BONNICI, OWEN)

M’għandi xejn xi nżid mar-risposta li tgħajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 17751.

San Ġwann – Chiswick House School – gwardjani lokali fil-ħin tal-ftuħ tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jintbagħtu gwardjani lokali fil-ħruġ u d-dħul tat-tfal ħdejn Chiswick House School fi Triq Antonio Schembri, il-Kappara, San Ġwann?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li min-naħa tiegħu kienu talab gwardjani għall-immaniġġjar tat-traffiku lir-Reġjun Ċentru, u dan ix-xahar anke saret talba lill-LESA għal dan. Apparti minn hekk kienet saret laqgħa wkoll mar-rappreżentanti tal-LESA fl-20 ta’ Awwissu 2015 b’antiċipazzjoni għat-tibdil fis-sistema u anke reġa’ ntalab follow up meeting dwar dan. Kienet saret ukoll laqgħa mal-AC tad-Distrett rigward din il-problema. Infurmat ukoll mil-LESA li f’dan ix-xahar kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija kellha bosta skejjel, kemm statali kif ukoll oħrajn indipendenti fosthom l-iskola Chiswick fil-Kappara, li ngħataw servizz ta’ gwardjan lokali sabiex jimmonitorja s-sitwazzjoni tat-traffiku kif ukoll jassisti fejn ikun hemm bżonn. Dan is-servizz, minkejja li l-operatur irid jitħallas skont ir-rati tat-tender eżistenti, jingħata bla ħlas. S’issa, għad li dan is-servizz ma jingħatax bir-regolarita’ li jiena nixtieq, nista’ ngħid li qed naraw titjib konsiderevoli fuq is-sitwazzjoni preċedenti l-ħolqien tal-LESA.

Kumitat Vot 16 — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-aħħar li ltaqa’ l-Kumitat VOT 16? Jista’ jippubblika l-aħħar minuti tal-laqgħa ta’ dan il-Kumitat? Min huma l-membri ta’ dan il-Kumitat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Vot 16 saret il-Ħamis 12 ta’ Frar, 2015. Il-membri tal-kumitat imsemmi huma Michael Cohen bħala Chairperson, Therese Spiteri bħala Viċi Chairperson u Andrew Azzopardi, Beverly Saliba, Daniel Darmanin, Daniel Mifsud Bason, Marc Sant, Maria Pisani, Miriam Teuma u Mark Anthony Sammut bħala membri. Christopher Galea huwa s-Segretarju tal-kumitat. Informat li hemm laqgħa oħra skedata għall-jiem li ġejjin.

Kunsilli lokali – zebra crossings għal persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet il-kunsilli lokali għamlu, jew għandhom, zebra crossing li hi tajba biex tintuża minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji tal-Kunsilli Lokali li għandhom tali crossings.

Kunsilli Lokali tal-Gżira u Ta’ Xbiex – proġett tal-MIDI f’Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali tal-Gżira u ta’ Ta’ Xbiex humiex qed ikunu kkonsultati dwar x’se jiġri mill-proġett tal-MIDI f’Manoel Island? Jista’ jgħid jekk il-proġett hux se jsir, kif se jsir, jew inkella jekk il-Gvern hux f’diskussjoni mal-konsorzju biex jieħu lura l-art f’idejh u jekk dwar dawn il-fatti ikkomunikax mal-kunsilli lokali rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Dan il-proġett huwa wieħed kompletament tal-privat. Għalhekk fejn jidħlu d-drittijiet tal-Kunsilli Lokali rispettivi wieħed għandu jara dak li jrid l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.

Forti Manoel f’Manoel Island

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jiġri mill-Forti Manoel u jekk din hux se tibqa’ f’idejn il-MIDI jew jekk hux se tkun f’idejn il-Gvern? Jekk se tkun f’idejn il-Gvern, jista’ jgħid jekk tistax tiġi devoluta lill-kunsill lokali tal-Gżira?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-propjeta’ li qed jistaqsi dwarha l-Onor. Interpellant mhiex responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, u ma saret l-ebda applikazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet da parte tal-Kunsill Lokali għad-devoluzzjoni ta’ Forti Manoel. Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Każ pendenti – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni u jara għaliex il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ilu xhur sħaħ pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru responsabbli.

Kemmuna – siti storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jelenka s-siti storiċi li hemm fuq Kemmuna? Jista’ jgħid jekk hemmx minn dawn is-siti li huma devoluti u lil min huma devoluti? Jista’ jgħid x’qed tagħmel Heritage Malta f’kull sit li hemm f’Kemmuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha informazzjoni dwar sitt (6) siti storiċi f’Kemmuna, kif elenkati hawn taħt: 1. Kappella medjevali tal-Lunzjata 2. Torri ta’ Santa Marija (seklu 17) 3. Batterija ta’ Santa Marija (seklu 18) 4. Barracks Militari tal-perjodu Ingliż (seklu 19) 5. Forn storiku li kien jintuza mill-militar Ingliż (seklu 19) 6. Ċimiteru storiku (seklu 19 u 20) L-ebda minn dawn is-siti huwa ikkurat minn Heritage Malta. It-Torri u l-Batterija ta’ Santa Marija ingħataw b’Att ta’ Kurazija mis-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturi lill-għaqda volontarja Din l-Art Helwa. Din L-Art Helwa hija responsabbli għar-restawr, għall-kura u għall-ftuħ għall-pubbliku ta’ dawn iż-żewġ siti storiċi. Preżentement is-Sovrintendenza rċeviet u qed tevalwa rikjesta minn għaqda volontarja oħra biex tieħu f’ideja il-kura u r-restawr tal-Forn storiku, permezz ta’ Att ta’ Kurazija. Is-Sovrintendenza m’għandiex informazzjoni dwar propjeta storika ġewwa Kemmuna li ngħata b’ Devoluzjoni mid-Dipartiment tal-Artijiet.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu impjegati ġodda mas-Servizz Pubbliku f’kull sezzjoni ta’ dan il-Ministeru , u f’liema grad qegħdin minn April 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra

Berġa ta’ Kastilja – xogħol ta’ tħaffir fil-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ tħaffir fil-faċċata tal-Berġa ta’ Kastilja li sar riċenti u li ġab kundanna u kritika anke mill-professur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u esperti oħra sabx l-approvazzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20897.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – Technical Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Assistant Technical Officers, Technical Officers, Senior Technical Officers u Principal Technical Officers li huma impjegati fi ħdan il-Ministeru li għalih hu responsabbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fid-Dipartimenti u l-Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, hemm dawn l-uffiċċjali skont it-Tabella hawn taħt: GradNumru Senior Technical Officers15 Principal Technical Officers10 Technical Officers21 Asst. Technical Officers9

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema dipartimenti u entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu joffru sistema ta’ teleworking u taħt liema kundizzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li kull dipartiment u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali joffru sistema ta’ teleworking. Il-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw it-telework huma kif regolati mill-PSMC (5.4.2) u mil-linji gwida kif annessi ma’ l-istess PSMC.

Fondi miċ-ċitazzjonijiet ta’ infuzar lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se tkun il-formola li biha se jinqasmu l-fondi li jibqgħu miċ-ċitazzjonijiet tal-infurzar lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-LESA ilha biss xahar li bdiet topera. Qiegħed nara r-riżultati tas-sistema l-ġdida, li mill-indikazzjonijiet li qed nara jidhru li huma pożittivi. Li hu żgur hu li l-bilanċ mis-sistema se jinqasam skont ftehim li se jkun diskuss u nittama li jkun milħuq mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Infakkar li fil-frattemp ir-Regjuni ta’ pajjizna se jibqgħu jirċievu l-ħlasijiet taċ-ċitazzjonijiet kollha li saru qabel l-1 ta’ Ottubru 2015.

Is-Siġġiewi – Kunsill Lokali — playground

Question

Jista’ l-Ministri jgħid jekk il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi hux se jagħmel playground ġdid? Jekk iva, fejn ser isir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan il-playingfield u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infumat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li fi ħsiebu li jibni mill-ġdid il-playground eżistenti li jinsab fi Triq it-Tabib Nikol Zammit fis-Siġġiewi. Il-Kunsill Lokali diġà ppreżenta applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jikseb il-permessi meħtieġa. L-applikazzjoni bin-numru ta’ referenza PA/03980/15 mistennija tiġi approvata sa mhux aktar tard mill-25 ta’ April 2016. Il-Kunsill Lokali ħareġ ukoll żewġ sejħiet pubbliċi b’rabta max-xogħlijiet ċivili inkluż il-bini u tlestija ta’ lattrina pubblika ġdida kif ukoll għall-provvista, konsenja u kkummissjunar tat-tagħmir meħtieġ fil-bini mill-ġdid ta’ dan il- playground . Is-sejħa dwar ix-xogħlijiet ċivili diġà ġiet aġġudikata filwaqt li fil-preżent qegħdin jiġu evalwati l-offerti li ġew ippreżentati b’rabta mas-sejħa dwar it-tagħmir. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew malli jinħareġ il-permess meħtieġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u jitlestew matul is-sena 2016. Il-proġett li huwa stmat li ser jiswa madwar €200,000, ser isir permezz ta’ fondi mill-allokazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kif ukoll bl-użu ta’ fondi miksuba taħt l-Iskema għal Proġetti Kapitali tal-Kunsilli Lokali, liema Skema pero’ l-istess Onor Interpellant ħass li kellu jirreferiha għal investigazzjoni għand l-Awditur Ġenerali. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ser ikun qiegħed ukoll jagħmel talba biex jikseb fondi mill- Urban Improvement Fund kif imħaddem mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Wied il-Għajn – Kunsill Lokali – Ċentru Ċiviku ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn hux se jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid? Jekk iva, fejn se jsir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan iċ-Ċentru Ċiviku u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għandu l-ħsieb li jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid fi Ġnien Sant’Anna. Filfatt l-permessi kollha meħtieġa u kopji tal-pjanti u dettalji jistgħu jinkisbu minn fuq il-permess tal-MEPA PA/1066/14. (Dan kollu jinsab fil-minuti tal-Kunsill). Il-Kunsill kien applika għall-fondi tal-Proġetti Kapitali li kien nħareġ f’Jannar 2015. Huwa ġie mgħarraf li l-bord laqa’ t-talba tal-Kunsill u li kien ser jgħaddilu €50,000 għall-ewwel sena tal-proġett, anke minħabba l-fatt li jidher li l-Kunsill għandu l-fondi sabiex isostni dan il-proġett. Sussegwentement, din is-somma ġiet miżmuma b'rispett lejn l-investigazzjoni li għaddejja mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali fuq talba tal-Onor Interpellant stess. Il-Kunsill qed isostni li huwa għandu bżonn dawn il-fondi u qabel jirċievi risposta, mhux ser ikun f’pożizzjoni li jikkometti ruħu meta ser jinbeda dan il-proġett. Rigward il-pjanti, dawn diġa huma pubblikati u jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku tal-MEPA.

San Pawl il-Baħar – Kunsill Lokali – Ċentru Ċiviku ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar hux se jagħmel Ċentru Ċiviku ġdid? Jekk iva, fejn se jsir u jista’ jippubblika l-pjanti ta’ kif se jiġi dan ċ-Ċentru Ċiviku u meta se jibda x-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li f’Novembru 2014 il-Kunsill Lokali talab għal devoluzzjoni ta’ sit fi Triq il-Wileġ f’San Pawl il-Baħar bil-ħsieb li jintuża għal skopijiet soċjali, amministrattivi u għall-funzjonijiet legali tal-Kunsill. Il-Kunsill Lokali ma ħejjiex pjanti għal din il-proposta, u m’hemm l-ebda data fil-qrib ta’ meta jista’ jibda dan ix-xogħol. Il-Kunsill Lokali ġie mwiegħed €10,000 mill-Fond għall-Proġetti Kapitali sabiex jintużaw fuq dawn il-binjiet, liema ammont żgur li m’huwiex biżżejjed sabiex isir ix-xogħol kollu neċessarju inkluż l-applikazzjonijiet mal-MEPA, tant li l-ammont ta’ spejjeż indikati mill-Kunsill fl-applikazzjoni tad-devoluzzjoni jammontaw għal €25,000. Madankollu l-ispejjeż probabbli huma ħafna aktar minn hekk. F’dan id-dawl infurmat mill-Kunsill Lokali li m’huwiex f’pożizzjoni finanzjarja li għalissa jwettaq dawn ix-xogħlijiet. Fis-snin li għaddew kien hemm pjan li jsir Ċentru Ċiviku fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar b’investiment dirett tal-privat. Għalkemm jidher li kienu tħejjew pjanti għalih, illum żgur li jkun hemm bżonn li jiġu riveduti. M’hemmx data ta’ meta jista’ jibda l-proċess għal dan ix-xogħol.

Il-Ħamrun – Kunsill Lokali – Chocolate Festival – għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-għajnuna finanzjarja li l-Gvern ta lill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun biex sar iċ-Chocolate Festival fl-2013, 2014 u 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2013 l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun ngħata €3,000 għall-Festival taċ-Ċikkulata, waqt li fl-2014 ingħata €5,000 u fl-2015 ngħata €3,000.