Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi mill-Bord tal-Qbiela, Bord tal-Kera u l-Arbitration Board bejn l-1 ta' Jannar u l-15 ta' Ottubru 2004 u jagħti t-tagħrif maġistrat maġistrat?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. F'dan is-sit hemm kemm ġew deċiżi kawżi mill-Bord tal-Qbiela, Bord tal-Kera u l-Bord ta' l-Arbitraġġ, maġistrat b'maġistrat, mill-1 ta' Jannar 2004.
L-istatistika hja aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew riferuti każi liċ-ċentru ta' l-arbitraġġ u kemm minnhom ġew hekk riferuti skond il-liġi jew b'mod volontarju matul din is-sena? Jista' jindika min kienu l-arbitri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi sal-lum ġew riferuti b'kollox 24 każ liċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ. Minn dawn 8 kienu riferuti skond il-liġi (2 Kondominia u 6 Kolliżżjonijiet) u 17 fuq bażi volontarja.
L-Arbitri li semgħu dawn l-arbitraġġi kienu s-segwenti.
Mr George Farrugia
Perit Joseph Ellul Vincenti
Dr George Abela, Imħallef Albert Manche, Dr Hugh Peralta
Dr Simon Micallef Stafrace (3)
Dr Francesco Depasquale
Perit Anthony Fenech Vella (2), Perit Joseph J. Xuereb (2)
Dr Tonio Ellul*
Dr Ann Fenech
Perit Joseph Cachia Fearne*
Dr Robert Mangion (2)
Perit Anthony Stivala
Dr Louis Cassar Pullicino
Dr Anthony Ellul (3)
Dr Edward Zammit Lewis
Dr J. Zammit McKeon
Dr Mark Chetcuti (2)
Mr Alex Mamo
* Maħtura miċ-Ċentru skond il-Liġi tal-Kondominia qabel ma din ġiet emendata. L-oħrajn kollha kienu maħtura mill-partijiet barra wieħed li kien maħtur miċ-Ċentru fuq talba tal-partijiet.
Fid-dawl tal-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi bħal sports u scouts, peress li min talab l-art spjega għal xiex iridha, jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jagħmel hu impact assessment biex jasal jagħti l-proprjeta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi bħal sports u scouts huma amministrati mill-Kunsill Malti Sports. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Jistgħu jittieħdu passi biex jitneħħa l-inkonvenjent fi Triq San Pawl, ir-Rabat, Malta peress li hemm residenti f'din it-triq li minħabba kif taqleb it-triq u minħabba li l-ilma li jinġabar m'għandux mnejn jitlaq, kull darba li tagħmel ix-xitta kollox jaqleb għandhom, l-ilma jitla' fuq il-bankina u jidħol fl-ispralli u l-kantina tegħrqilhom b'inkwiet għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefaq mill-qorti bħala allowance (mhux dak ta' trasport) fuq kull ġudikant f'Għawdex fis-snin 2002, 2003 u 2004 u liema huma l-ġudikanti ntitolati għal food and lodging allowance?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew introdotti inkjesti quddiem il-qorti ta' Għawdex fis-snin 2002, 2003 u 2004? Lil min ġew assenjati u f'liema ammont u kemm minnhom ġew mogħtija u mibgħuta lill-Avukat Ġenerali?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-qorti ċivili ta' Għawdex (sede inferjuri u superjuri) li ilhom pendenti aktar minn għaxar snin u kemm hemm kawżi li ilhom pendenti aktar minn ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il kawża li kienet ilha pendenti għal aktar minn ħames snin quddiem il-qorti ċivili ta' Għawdex/inferjuri u superjuri ġiet deċiża fis-snin 2003 u 2004?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8979, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti tagħrif u/jew dettalji tas-software li jgħid li huwa outdated? Jista' jgħid x'assessment jew studju sar biex jistabilixxi li l-ispejjeż biex iżomm is-sistema tal-punching machine kienet kibret ħafna? B'kemm kibret l-ispiża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-software għall-punching machine il-qadima huwa Inova Master/MS DOS. Dan kien inxtara fl-1997.
Mill-assessment li sar, irriżulta li din is-sistema kienet qed tiswa lid-dipartiment madwar Lm350 fis-sena għal cards, u madwar Lm150 fi spejjeż ta' manutenzjoni u cartridges u karti.
Barra minn hekk din riedet tiġi estiża (upgraded) biex minn 256 user issir għall-400. Din is-sistema ma kienetx tipprovdi access control.
L-ispiża biex titħaddem is-sistema l-ġdida hija ferm anqas, u dan għaliex din taħdem b'sistema ta' FOB's li għalkemm jqumu daqs il-cards li kienu jintużaw qabel, iservu ferm aktar, minbarra li s-software għall-access control li ma kellhiex is-sistema l-qadima qiegħed fis-sistema l-ġdida.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8979, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet swiet lill-faċilita' korrettiva ta' Kordin il-punching machine in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-punching machine li kienet inxtrat fl-1997 kienet swiet Lm1,406.82.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 8979, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min kien/u l-uffiċjali tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin li talbu l-quotations inkwestjoni? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-quotations kollha li ġew ippreżentati? Min għamel l-għażla u għaliex saret l-għażla tad-ditta/soċjeta' li pprovdiet l-apparat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi wara li ġie deċiż li jinxtara apparat ġdid, id-Direttur inkariga lid-Dipartiment tas-Sigurta' fil-Faċilita' biex jiġbor il-quotations.
L-għażla finali saret mid-Direttur. Għalkemm din kienet l-orħos fost it-tlett quotations, din intagħżlet għax kienet taqdi il-funzjonijiet li għandu bżonn id-dipartiment.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-quotations.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Proġetti Filantropiċi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mill-1987 sal-ġurnata tal-lum kemm ingħataw siti (mibnija u artijiet) biex jiġu żviluppati għal proġetti filantropiċi, bħal sport centres, scouts, boat and sailing clubs, u clubs oħra u kemm minnhom ġew effettivament imwettqin? Qabel ma jingħataw, il-gvern ra li l-partijiet kellhom finanzi biex il-proġetti jseħħu?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' għedt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9165 f'din l-istess Seduta, il-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi għal sport centres, scouts u clubs oħra huma amministrati mill-Kunsill Malti Sports. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm turisti taħt it-18-il sena għamlu rapporti fuq serq matul is-snin 2003 u 2004 u liema kienu l-għases fejn saru r-rapporti?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa in konnessjoni ma' safar ta' delegazzjonijiet immexxija minnu matul is-snin 2003 u 2004 (sat-18 ta' Novembru 2004)? Jista' jagħmel breakdown għal kull safra? Jista' jagħti rendikont dettaljat tan-nefqa in konnessjoni ma' safar ta' delegazzjonijiet li ma kienx parti minnhom minn dekasteri li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jirrigwardja safar ta' delegazzjonijiet immexxija minni u dawk tad-dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi fl-2003, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4286, filwaqt li għal dak li jirrigwardja safar fl-2004 mid-dipartimenti li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi, nirreferih għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8904.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tas-safar ta' delegazzjonijiet immexxija minni matul l-2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm suppost hemm karozzi għad-dispożizzjoni ta' l-għassa tal-pulizija taż-Żejtun?
Jikkonferma li minn xi żmien ilu sal-preżent din l-istess għassa tinsab b'karozza anqas?
X'inhi r-raġuni għal dan u meta se tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Distrett tal-Pulizija Nru. 5 li jinkludi ż-Żejtun, fil-preżent hemm assenjati tliet karozzi. Kien hemm ukoll karozza oħra, pero' din kienet involuta f'inċident tat-traffiku, b'konsegwenza li ġarrbet ħsarat kbar. Dwar dan, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun qed isegwu l-każ sabiex il-ħsara tkun imsewwija permezz tal-kumpanija ta' l-assigurazzjoni tal-parti l-oħra li kkawżat l-inċident.
Ma' dawn il-vetturi hemm ukoll numru ta' vetturi mill-Iskwadra tal-Mobile sabiex jassistu lill-Pulizija tad-Distrett, f'każ ta' ħtieġa. Ta' min iżid ukoll li fil-Korp tal-Pulizija kontinwament għaddej proċess ta' xiri ta' vetturi sabiex kemm jista' jkun il-bżonnijiet ta' transport ikunu moqdija.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm u liema kienu l-ħwienet tax-xorb u/jew postijiet tad-divertiment li ngħalqu wara deċiżjoni tal-Qorti minħabba li ħallew persuni taħt is-16-il sena jidħlu fihom u/jew biegħu prodotti alkoħoliċi lil persuni taħt is-16–il sena?
Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba mis-sena 2000 ’il quddiem, sena b’sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul il-perijodu indikat ma kienx hemm każijiet fejn il-Qorti ordnat is-sospensjoni tal-liċenzji kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.