Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reviżjoni tal-Kera

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga r-revizjoni fil-kera li kien hemm fil-fond indikat separatament billi din żdiedet sostanzjalment minn Lm 64 P.A. għal Lm193 P.A. dan l-aħħar

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li s-sussidju fuq il-kera tal-post indikat inħadem sewwa skond il-kuntratt iffirmat mill-inkwilin meta ngħata l-post u fid-dawl tal-bidla fiċ-ċirkostanzi rigwardanti d-dħul tiegħu.

ETC — Taħriġ għad-disabled

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbatu separatament tiġi ikkunsidrata mill-ġdid għal taħriġ għad-disabled ma' l-ETC billi din intemmilha it-taħriġ ħesrem xi ftit ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata naqset li tattendi għal visita tat-tabiba ghalhekk isimha ma setgħax jitniżżel fir-Reġistru ta' Persuni b'Diżabilita'. Meta l-ETC jerġgħu jibgħatu għaliha hi tattendi u il-Placement Medical Officer jikkonferma il-każ tagħha, isimha jibda jidher fuq ir-reġistru ta' persuni b'diżabilita' u tkun tista tiġi riferuta għal xi korsijiet addattati għaliha bħal kull min hu fuq dan ir-reġistru.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ETC torganizza xi courses flimkien mal-consortia li ħadu l-proġett tal-Cottonera u l-Casino di Venezia, u b'mod partikolari mmirati għan-nies tal-Cottonera, sabiex ikunu ppreparati għall-impjiegi li jistgħu jinħolqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ETC biħsiebha tuża skemi ta' impjiegi u taħriġ biex tgħin nies qiegħda mill-Cottonera biex isibu impjieg ladarba l-proġett jitlesta. Għal dan il-għan l-ETC bdiet eżerċizzju estensiv biex teżamina l-ħiliet, l-interessi u l-għażla ta' impjieg tal-persuni kollha li huma qiegħda u li huma mill-Cottonera. Fl-istess ħin, l-ETC qiegħda jkollha taħditiet mal-partijiet konċernati biex hi tkun infurmata dwar l-opportunitajiet ta' xogħol li jistgħu jinħolqu.

Djar — Lift

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitwaħħal il-lift fi flat li l-partikolaritajiet tiegħu jidhru separatament minn din il-mistoqsija peress li hemm omm ta' eta' żgħira li hija b'diżabilita'? Jista' jara li dan il-każ jitmexxa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għandha l-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tiġi nstallata s-sistema tal-lift. Għal bidu ta' Frar 2001, l-Awtorita' tad-Djar ser toħroġ is-sejħa pubblika għall-offerti biex jiġi nstallat il-lift.

Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ tal-missier, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu jistenna x-xhur biex jgħaddi board, jitħaffef minħabba t-tbatija finanzjarja li jinsabu fiha din il-familja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija kienet diġa' ġiet infurmata bil-pożizzjoni tagħha fl-14 ta' Lulju, 2000. Minkejja dan, din il-persuna ser terġa' tiġi infurmata bil-pożizzjoni tagħha llum. Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jinsab fi proċess biex jistabbilixxi jekk din il-persuna għandhiex dritt għall-Benefiċċju għall-Mard.

ETC — Reġistrazzjoni għax-Xogħol

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 3734 skond l-aħħar statistika disponibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' żgħażagħ taħt il-25 sena li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Diċembru 2000 kien ta' 1,810. Dan in-numru jirrapreżenta 27.5% ta' dawk li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni dwar għal liema kategorija ta' xogħol kienu qiegħdin jirreġistraw dawn iż-żgħażagħ u l-persentaġġ ta' żgħażagħ li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol fl-Unjoni Ewropeja f'Novembru 2000.

NGO's

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huma mpjegati nies, anke b'mod volontarju, full-time u part-time, mal-NGO f'pajjiżna bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima tal-NGOs fi hħan il-Ministeru tiegħi tiġbor biss l-informazzjoni mitluba dwar dawk l-NGOs u Support Groups li jitolbu għajnuna finanzjarja taħt il-vot allokat fl-Estimi Finanzjari għal dawn l-organiżżazzjonijiet. In-numru ta' dawn l-organiżżazzjonijiet hu 47. Skond l-informazzjoni li għandha din it-Taqsima dwar dawn l-organiżżazzjonijiet, in-numru ta' persuni li jaħdmu magħhom hu kif ġej: Voluntiera (part-time u full-time) 1790 Bi ħlas (part-time) 178 Bi ħlas (full-time) 142

Sedqa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkurati persuni differenti minħabba abbuż ta' droga sena b' sena mis-Sedqa minn mindu t-twaqqif tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn mindu l-Aġenzija Sedqa waqfet is-servizzi tagħha fl-1994 sa' Diċembru, 2000, in-numru ta' persuni li talbu kura għall-abbuż mid-droga, kien kif ġej: SENA NRU. TA' PERSUNI 1994 350 1995 505 1996 635 1997 741 1998 753 1999 797 2000 900

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tingħata konsiderazzoni xierqa min-naħa ta' l-ETC lill-każ tal-persuni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li jinsab jirreġistra għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ dejjem tagħti konsiderazzjoni xierqa lill-klijenti kollha tagħha, huma min huma. Hekk ġara fil-każ tal-persuna ndikata. Il-Korporazzjoni għanda diversi taqsimiet li jagħtu attenzjoni speċjali għal kategoriji differenti ta' klijienti, bhal ma huma ż-żgħażagħ, persuni bi bżonnijiet speċjali, persuni li kienu l-ħabs u persuni li kellhom jew għad għandhom problema ta' abbuż ta' sustanzi. Is-servizz jingħata l-istess lil kull min jitolbu.

Djar — Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Billi l-inkwilina li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ilha żmien toqgħod mal-familjari tagħha - dettalji qed jintbagħtu wkoll separatament - il-fond tagħha tal-Belt jista' jibda jgħajjat, għal finijiet tal-kera, lil binha li ilu snin twal joqgħod f'dak il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuni indikati għandhom imorru l-Customer Care Section tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fejn għandhom japplikaw skond il-proċeduri normali.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari preċedenti nru. 18659 jinkariga persuni ġewwa d-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali sabiex, wara li jaraw kemm nies ġewwa l-Fgura jibbenefikaw mill-istess dipartiment, jistudjaw il-possibbilta' li jsir uffiċċju adatt għall-ħtiġijiet tar-residenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant ser jiġi kkunsidrat.

Pensjoni — Żieda għal għoli tal-ħajja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilu mill-1999 ma jingħata ż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja mal-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qiegħda tirċievi.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinstab akkomodazzjoni xierqa għall-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li għandha diżabilita', u li toqgħod f'post żgħir u umdu flimkien maż-żewġt itfal tagħha ta' 14 u 13-il sena? Jista' jiġi kkonsidrat il-fatt li din il-persuna hija marida serjament u l-umdita' qawwija fejn ilha toqgħod għal dawn l-aħħar sitt snin qed tkun ta' periklu kontinwu għal saħħitha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qiegħed jiġi kkunsidrat.

Impjiegi — Impressed drivers

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawk li kienu impressed drivers u li issa ġew ingaġġati mal-gvern, hux se jitnaqqsilhom xi flus mill-paga meta jieħu l-vacation leave tagħhom, minħabba li l-vettura tagħhom ma tkunx qed tintuża? Jista' jgħid xi kwalita' ta' ħlas ta' kontribuzzjoni tas-sigurta' soċjali ħallsu dawn l-istess ex-impressed drivers minn meta ġew ingaġġati bħala mpjegati tal-gvern, jekk hux kontribuzzjoni ta' ħaddiema jew inkella hux ta' self-employed kif kienu jitħallsu qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta ħaddiem li kien impressed driver ikun fuq vacation leave il-paga ma titnaqqasx iżda ma jitħallasx l-allowance marbuta mal-provvediment tal-karozza tiegħu. Minn meta ġew ingaġġati bħala mpjegati mal-Gvern, l-ex-impressed drivers ġew suġġetti li jħallsu kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali bħala mpjegati.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li mara ta' 41 sena li tinsab f'wheelchair u ilha bla home help għal din l-aħħar sena, biex tinstabilha persuna adattata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-persuna msemmija diġa' kellha żewġ helpers fil-passat li għal xi raġuni jew oħra din il-persuna ma ridithomx u keċċithom hi stess. Hi kienet qiegħda tieħu 8 sigħat fil-ġimgħa bħala servizz. Peress li hi toqgħod l-Imġarr, fejn id-domanda għas-servizz m'hix kbira u għandna helper waħda biss, s'issa d-Dipartiment għadu qiegħed jipprova jsib meżż biex din il-persuna tinqeda.

Persuni b'Diżabilita — Opportunitajiet Indaqs

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jirriżulta li saru talbiet minn postijiet pubbliċi sabiex dawn isiru aċċessibbli għall-persuni b'diżabilita', xahar b'xahar mindu ġiet fis-seħħ il-Liġi ta' l-Opportunitajiet Indaqs - Persuni b'Diżabilita?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.