Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi — Azzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Ministru jindika n-numru ta' dikjarazzjonijiet ta' azzjonijiet industrijali li saru mis-sena 1998 sal-lum, sena b'sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn tagħrif li għandu d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u Xogħol jirriżulta li n-numru ta' tilwim industrijali dikjarat u reġistrat u n-numru ta' azzjonijiet meħuda hu hekk : Sena Tilwim Azzjonijiet 1998 60 8 1999 92 16 2000 103 12 2001 103 14 2002 116 5 2003 94 8 2004(sal-lum) 46 4

European year of education through sport

Question

Fid-dawl tal-fatt li s-sena 2004 hija il-European year of education through sport u peress li l-Kummissjoni Ewropea s-sena li għaddiet ħabbret miżuri ta' ko-finanzjament ta' proġetti/miżuri (budget ta' euro6.5 miljun ) imnebbħa fi ħdan il-pajjiżi membri ta' l-UE u imbagħad implimentati fuq livell lokali, reġjonali, nazzjonali, internazzjonali jew komunitarju u għal liema budget kellhom jidħlu applikazzjonijiet sa l-1 ta' Marzu 2004 biex il-proġetti jibdew wara l-1 ta' Lulju 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm proġetti Maltin eliġibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif għadu ma wasallix stante li d-Direttur għall-Affarijiet Ewropej jinsab imsiefer fuq xogħol, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex tlesta l-kumpless sportiv tal-Kottonera? Jista' jaqsamha skond fejn sar l-infiq u cioe' kemm intnefaq fi tħaffir u kostruzzjoni, it-tinda u l-armar u tlestija ta' l-istess kumpless?

Response (GALEA, LOUIS)

ONOR. LOUIS GALEA: Ġejt informat li l-ammont globali mħallas hu ta’ Lm2,233,721.40. Ma din din il-figura jrid jiżdied ammont ieħor (stmat) ta’Lm 57,036 f’kontijiet pendenti li ma jistgħux jitħallsu qabel il-konsulenti tad-dipartiment, li huma il-Building & Engineering Department, Works Division, ilestu u jippreżentaw il Bills of Quantities finali tal-kuntratti. Dettalji ta’ kif inhuma mqassma il-ħlasijiet, kif ukoll tal-kontijiet pendenti jidhru fit-tabella hawn taħt : Total imħallas Total pendenti Construction & canopy 1,490,866.92 9,305.00 Mechanical & Electrical 295,525.26 25,678.00 Finishing 237,701.79 19,553.00 Excavation 123,429.87 0 Misc 86,197.56 2,500.00 Total 2,233,721.40 57,036.00 Seduta Numru 171 12/10/2004

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' il-Ministru jgħid għalfejn waħda mill-għalliema fl-iskola, li isimha qed ngħaddih separatament, għandha d-desk permanenti tagħha fl-uffiċċju ta' l-assistenti kapijiet ta' l-iskola meta din m'għandhiex il-grad ta' assistent kap, u għalfejn din il-persuna tippreżenta lilha nnifisha bħala xi assistent kap ta' l-iskola, liema pożizzjoni tagħtiha aċċess għall-informazzjoni personali dwar għalliema oħra, liema informazzjoni tinsab fl-uffiċċju ta' l-assistenti kapijiet, kif ukoll tagħmilha possibbli li tieħu sehem f'deċiżjonijiet amministrattivi li jolqtu għalliema oħra, meta din m'għanda ebda dritt li tagħmel dan?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema konċernata hi koordinatriċi tas-suġġett fi grad ekwivalenti għal dak ta' Kap Assistent. Ma jirriżultax li hi qatt ma ppreżentat ruħha bħala Assistent Kap ta' l-iskola jew li għandha xi aċċess għall-informazzjoni personali dwar l-għalliema. Din l-informazzjoni tinżamm fl-uffiċju tal-Kap ta' l-iskola. Il-Kap hi responsabbli biżżejjed biex tagħraf tmexxi fit-tehid ta' deċiżjonijiet amministrattivi li jolqtu l-għalliema.

Għawdex — Dipartiment ta' l-Edukazjzoni - Social Workers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jagħmlu social work mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni f'Għawdex? Jista' jindika kif inhu maqsum ix-xogħol ta' l-iskejjel fost dawn is-social workers u jindika wkoll x'tip ta' kwalifiki għandhom dawn il-persuni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm tlett persuni li qed jagħmlu xogħol soċjali mad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni f’Għawdex. Il-każijiet mill-iskejjel primarji u sekondarji jitqassmu bejn dawn it-tlett ħaddiema soċjali. Tnejn minn dawn il-ħaddiema soċjali għandhom diploma fix-xogħol soċjali, waqt li l-oħra għandha ‘bachelor’s degree’ fl-istess suġġett.

Karwija — Xogħlijiet fit-toroq ta' madwar l-iskola

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada hux se tagħmel xi xogħlijiet fit-toroq ta' madwar l-iskola u l-kumpless li qed jinbena ġewwa l-Karwija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux kompitu tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li tagħmel ix-xogħolijiet fit-toroq imsemmija.

Karwija — Skola

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li l-junior lyceum San Ġużepp ġewwa Corradino jiġi trasferit għall-iskola ġdida fil-Karwija, hekk kif din tkun lesta? Jista' jgħid ukoll meta huwa maħsub li din l-iskola tkun lesta?

Response (GALEA, LOUIS)

Dwar l-użu ta' l-iskola l-ġdida tal-Karwija l-Ministru u d-Diviżjoni għad iridu jiddeċidu l-aħjar użu. Peress li għad iridu jiġi mogħtija numru ta' kuntratti wara proċess ta' tenders għadni m'hinix f'pożizzjoni ngħid id-data meta l-iskola ser tkun lesta.

Ħal Kirkop — Skola Primarja - Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministrui jgħid meta se jsir ix-xogħol tant meħtieġ fil-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu ta' Ħal Kirkop?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fuq il-ground ta' l-iskola primarja San Benedittu f'Ħal Kirkop diġa nbeda u qiegħed isir bi ftehim mal-Kap ta' l-iskola sabiex ma jkun hemm l-ebda tfixkil għal l-operat ta' l-iskola.

Programm għal riċerka, żvilupp u innovazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7459, jista' il-Ministru jgħid jekk it-Lm300,000 li ngħataw ġewx meħuda lura u allura effettivament l-applikanti ma ħadu xejn? Jista' jgħid x'inhu t-titlu ta' kull waħda mit-30 proposta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-ammont ta' flus imsemmi ser jinqasam bejn il-proġetti magħżula meta tiġi finalizzata l-evalwazzjoni li trid issir bl-għajnuna ta' esperti barranin. Tagħrif dwar it-titolu ta' kull proposta ser jitpoġġa fuq il-Mejda ral-Kamra f'xi Seduta oħra.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7458?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li b'Malta membru fl-EU, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija ser jibqa' jgħati l-kontribut tiegħu fl-oqsma tar-riċerka u innovazzjoni. L-amministrazzjoni tal-Programm ta' Riċerka ta' l-Unjoni Ewropea (FP6) tibqa' l-aktar parti li fiha l-MCST jinvolvi ruħu. Apparti minn dan, l-MCST ikompli jikkollabora ma l-Kummissjoni Ewropea fejn jidħlu diskussjonijiet u attivitajiet konnessi ma' l-istrateġija ta' Lisbona. L-MCST ukoll iħejji dokumenti li jservu bħala bażi għall-interventi ministerjali fid-diversi laqgħat tal-Kunsill tal-Ministri meta fuq l-aġenda hemm suġġetti relatati.

Ħ'Attard — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar il-kumpless sportiv f'Ħ'Attard u cioe' jekk ingħatax l-award tat-tender? Meta se jibda x-xogħol? Kemm se jiġi jiswa dan ix-xogħol? Jista' ukoll il-Ministru jipprovdi kopja tal-pjanti ta' kif ġej il-kumpless sportiv? Min se jkun responsabbli mix-xogħlijiet u meta hu maħsub li x-xogħol jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Membru jaf li l-politika tal-Gvern li jifrex numru ta' kumplessi sportivi f'Malta u Għawdex ma jinkudix lil Ħ'Attard. Il-Ministeru tiegħi flimkien mal-Kunsill Lokali qed jikkolaboraw biex il-faċilita ta' spazju ta' l-iskola u fil-madwar jiġu żviluppati bl-aħjar mod għal attivitajiet sportivi fl-interess tat-tfal ta' l-iskola u tal-komunita'. Progress ikun jista' jiġi reġistrat meta l-finanzi jkunu disponibbli.

Fgura — Skola primarja - telephone cards

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li tfal fl-iskola primarja tal-Fgura qed jintalbu li jieħdu magħhom card tat-telefon biex tintuża jekk ikollhom bżonn iċemplu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Primarja 'B' tal-Fgura talbet lill-istudenti biex volontarjament iġibu Card tat-Telefon peress li l-iskola għandha telefon li jintuża b'card u li minnu l-istudenti jistgħu jċemplu lil ġenituri tagħhom li għandhom mobile phone. Il-kap ta' l-iskola għandu card tat-telfon biex tintuża f'każ ta' bżonn minn studenti li ma jkollhomx il-card fuqhom.

San Pawl il-Baħar — Skola primarja

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġi pprovdut trasport għal numru ta' tfal li joqogħdu l-Qawra u li jmorru l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li trasport mill-Qawra għall-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, diġa jeżisti. Hemm madwar 75 tifel u tifla li jużaw da it-trasport.

MCAST — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm applikaw studenti sabiex jidħlu fl-MCAST fid-diversi istituti? Għal liema korsijiet applikaw? Kemm kienu bniet u kemm subien? Jista' jgħid ukoll kemm ġew magħżula?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat kif ġej: Istitut Nru. Applikanti Irgiel Nisa Inġinerija Mekkanika 184 159 15 Inġinerija Elettrika u Elettronika 284 273 14 Inġinerija tal-Bini u Kostruzzjoni 243 229 14 Teknoloġija ta’ l-Informatika u l-Kommunikazjoni 504 390 114 Kummerċ u Negozju 640 224 416 Arti u Disinn 158 67 91 Marittimu 13 10 3 Servizzi fil-Komunita 525 60 465 Agrikummerċ 27 20 7 Għawdex 121 56 65 2702 1488 1204 Ġejt informat li l-MCAST għadu mhux f’pożizzjoni jagħti figura definittiva ta’ dawk li ġew magħżula minħabba li numru ta’ studenti li ġew offruti post f’xi kors fl-MCAST baqgħu ma irreġistrawx u lanqas informaw il-Kullegg jekk għadhomx interessati jew jekk għażlux xi istituzzjoni oħra post-sekondarja (p.e. Junior College). Ser jintbagħat l-aħħar avviż lil-istudenti biex f’qasir żmien jagħtu l-informazzjoni meħtieġa.

Skejjel — Għalliema ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati għalliema ġodda u f'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru tal għalliema ġodda li ġew impjegati fil-livell Primarju huwa ta' 59 għalliema, filwaqt li fil-livell Sekondarju in-numru huwa ta 78 għalliema u qegħdin jgħallmu f'dawn is-suġġetti: Arti, Studji fil-Kompjuter, Ġoġrafija, Ġermaniż, Edukazzjoni Fiżika, Bijoloġija, Studji Soċjali, Kimika, Matematika, Ingliż, Franċiż, Taljan, Storja, Reliġjon, Malti, Fiżika, Xjenza Integrata, Ekonomoija tad-Dar, Żvilupp Personali u Soċjali, Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u l-Kommunikazzjoni , Kommunikazzjoni Grafika.

Kulleġġ tal-Biedja — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fil-kulleġġ tal-biedja fil-preżent? Kemm hu n-numru ta' studenti li għażlu l-istudji tal-biedja wara li spiċċaw mis-sekondarja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti huwa hekk: Kemm applikaw Kemm qed jattendu Kemm irreżenjaw ESTS 0 3 1 National Diploma in Agriculture 2nd years 0 4 0 National Diploma in Agriculture 1st years 18 16 2 Foundation Certificate in Agriculture 13 11 2 First Diploma in Agriculture 10 7 3 Informat ukoll li hemm 58 studenti li jattendu fil-kors ta' filgħaxija u 45 student fil-kors ta' filgħodu.

Msida — Toqba fil-ħajt tal-Junior College

Question

Jista' il-Ministru jara li toqba li hemm ġo ħajt ġo John Borg Street, Imsida, cioe' fil-ħajt tal-Junior College, tingħalaq billi minnha qed jinżel ħafna ilma tax-xita li qed imur ġo djar tal-persuni li joqogħdu fil-madwar?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lil awtorita' kompetenti jibdew inkjesta u jieħdu l-passi meħtieġa.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Applikazzjonijiet għal Educational Officers

Question

Filwaqt li nirreferi għas-sejħa ta' l-applikazzjonijiet għall-Education Officers (Franċiż) fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni, l-Universita' (Ref. EDUC 495/2003), jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-persuni li qed imexxu l-interviews u xi kwalifiki għandhom fil-Franċiż? Jista' jindaga u jiżvela xi kwalifiki għandha l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatmaent, li ġabet il-marka ta' 86%, u l-persuna l-oħra hawn indikata li ġabet 67%?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm l-ebda sejħa ta' applikazzjoni għal Education Officer (Franċiż) mid-Dipatiment ta' l-Edukazzjoni ta' l-Universita' ta' Malta. Informat ukoll li fil-każ ta' sejħiet ta' applikazzjoni ta' Education Officers mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, dawn jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-Kummisjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-ħatra tal-Bord ta' l-Għażla hija suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummisjoni għas-Servizz Pubbliku. Il-kriterji ta' l-għażla huma wkoll stabbilti minn qabel mill-PSC. Il-konsiderazzjoni tal-kwalifiki hija biss parti minn dawn il-kriteri.

Ħal Ferh Complex — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk sarux xi laqgħat dwar il-futur tal-ħaddiema tal-Ħal Ferh Complex f'Għajn Tuffieħa? Jekk iva, ma min saru l-laqgħat u x'inhu l-futur tal-ħaddiema?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. kollega jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat responsabbli għall-investiment.