Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23688 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wirt Storiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk is-siti pre-istoriċi u storiċi li huma meqjusa ta' valur fil-wirt storiku tagħna u li jinsabu fil-Imġarr ta' Malta u fl-inħawi tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li hemm bosta siti ta' importanza arkejoloġika fl-inħawi ta' l-Imġarr. Ħafna minn dawn jaqgħu fl-Arja ta' Importanza Arkejoloġika kif definita mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar, u huma wkoll protetti skond il-liġi (Antiquities Protection Act). Dawn jinkludu: - it-tempji preistorċi ta' skorba u Ta' Ħaġrat - oqbra u barrieri antiki fl-inħawi ta' Skorba - barrieri u oqbra antiki kif ukoll xi raddi fl-inħawi taż-Żebbieħ - oqbra paleo-Kristjani f'Tar-Ragħad - għerien, ġiebja u barrieri antiki f'Tar-Ragħad - pjazzament tar-radar u searchlights tat-Tieni Gwerra ħdejn l-Iskorba. Hemm ukoll il-fdalijiet tal-banjijiet Rumani, fl-inħawi ta' Għajn Tuffieħa.
Leg 9 PQ #23689 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Union of Teachers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li se tagħlaq l-iskola Santa Marija ta' l-Imsida? X'inhuma r-raġunijiet li se tingħalaq? X'se jiġri mill-istudenti li jmorru f'din l-iskola? Saru konsultazzjonijiet mal-Malta Union of Teachers dwar dan il-pass? Saru konsultazzjonijiet mal-ġenituri dwar dan il-pass?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-Imsida maħsub jitwaqqaf Ċentru Nazzjonali dwar l-Inklużjoni u Edukazzjoni Speċjali. Kien ilu jinħass il-bżonn li jitwaqqaf Ċentru ta' dan it-tip. Hu maħsub li f'dan il-post ikun hemm faċilitajiet għal taħriġ għal persuni li jaħdmu f'dan is-settur, ċentru ta' riżorsi, u uffiċini għall-uffiċjali kollha impjegati f'dan il-qasam. Qed tiġi investigata l-possibbilta` li l-ftit studenti li baqa' fl-Iskola Santa Marija, jibdew jattendu l-Iskola Guardian Angel il-Ħamrun jew l-Iskola Dun Manuel Attard il-Wardija jew l-iskejjel mainstream skond il-potenzjal li għandhom. Informat ukoll li qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji u qed isiru diskussjonijiet ma' dawk kollha involuti, inkluż l-M.U.T. u l-ġenituri dwar dan l-iżvilupp.
Leg 9 PQ #23690 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pixxina Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ġie impjegat bħala messaġġier/driver mal-pixxina nazzjonali? Kif ġie reklutat? Kif ġie reklamat dan il-post? Fejn ġie reklamat? Meta ġie impjegat? Kemm kien hemm persuni oħrajn li applikaw u ġew ikkunsidrati għall-istess post?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat li l-persuna konċernata ġiet impjegata bħala part time messenger/driver mal-Pixxina Nazzjonali b'effett mit-12 ta' Frar 2001 wara li nkiseb il-permess meħtieġ tal-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ.
Leg 9 PQ #23691 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex se tkun tikkonsisti l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi? X'se jkun ix-xogħol tagħha? Kif se tkun iffinanzjata? X'konsultazzjoni saret mal-Malta Union of Teachers dwar it-twaqqif ta' din il-fondazzjoni? Minn min hi ffurmata din il-fondazzjoni? Xi ħlasijiet se jieħdu dawk li jiffurmawha?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni nitkellem f'xi Seduti reċenti tal-Parlament, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi qed titwaqqaf bil-għan li tmexxi, b'komplimentarjeta` mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, programmi li jappoġġjaw tfal li għal diversi fatturi qegħdin f'riskju li jaqgħu lura fl-iskola, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom. Il-Fondazzjoni qed titwaqqaf permezz ta' att pubbliku notarili u ser ikollha l-Istatut tagħha. Fi żmien qasir inpoġġi kopji tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra. L-MUT tinżamm informata u tiġi konsultata fuq bażi regolari. Il-membri ta' l-ewwel Bord tal-Fondazzjoni jinħatru hekk kif il-Fondazzjoni titwaqqaf. S'issa m'hix deċiża ir-remunerazzjoni għal dawk jiffurmaw il-Bord
Leg 9 PQ #23712 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita ta' Malta — Postijiet Akkademiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax r-rettur ta' l-Universita' jispjega l-proċedura kif toħroġ talba għall-postijiet akkademiċi ġodda fl-Universita' ta' Malta? Fuq liema bażi tiġi aċċetta l-bżonn għal post akkademiku ġdid? X'records obbligat li żżomm kap tad-dipartiment? X'kumitati u bordijiet huwa obbligat li jwaqqaf u mmexxi kap ta' dipartiment? Xi dmirijiet u responsabiltajiet għandu kap ta' dipartiment? Jekk jeżisti xi deskrizzjoni ta' dawn, kif jiġu żgurati li dawn qed isseħħu? Jista' r-rettur jagħti medja ta' staff mhux akkademiku għal kull dipartiment? X'medja hemm ta' staff klerikali u ta' staff tekniku f'kull dipartiment? Jista' r-rettur jispjega jekk l-Universita' tippreferiex staff akkademiku full-time jew part-time?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qabel ma toħroġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet għal post akkademiku, il-Kap tad-Dipartiment (wara konsultazzjoni mad-Dekan), jew id-direttur ta' Istitut/Ċentru (wara konsultazzjoni maċ-Chairman) jikteb lir-Rettur fejn jagħti r-raġunijiet tal-ħtieġa biex jimtela' l-post ġdid jew li ġie vakat. Qabel iżda, jiġi żgurat li dak il-post mitlub hemm vakanza għalih u li hemm provista finanzjarja fl-Estimi approvati għal dik is-sena partikolari. Il-ħtieġa tal-post tiġi stabbilita kemm fuq ir-relevanza tas-suġġett innifsu, in-numru ta' studenti li qed jattendu f'dak is-suġġett partikolari, kif ukoll in-numru ta' staff eżistenti f'dak is-suġġett. Wara li r-Rettur jagħti l-approvazzjoni tiegħu, tiġi ppublikata s-sejħa għall-applikazzjoni fil-gazzetti lokali. Kull Kap ta' Dipartiment huwa mistenni li jżomm record tax-xogħol li jagħmel kull membru akkademiku fid-dipartiment tiegħu kif ukoll records tal-korsijeit li jkunu qed isiru għall-istudenti f'dak id-dipartiment. Kull Kap ta' Dipartiment hu mistenni li jlaqqa' l-membri ta' l-istaff tiegħu biex jiddiskuti programmi akkademiċi, sillabi, l-organizzazzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħol akkademiku u r-riċerka fid-dipartiment. Id-dmirijiet u r-responsabilitajiet ta' Kap ta' Dipartiment huma mniżżla fil-Collective Agreement bejn l-Universita` u l-MUT. Il-medja ta' l-istaff fil-fakultajiet u l-istituti huwa dan li ġej: Staff Mhux Akkademiku 11.42 Staff Klerikali 5.85 Staff Tekniku 2.76 L-Universita` tippreferi f'linja ġenerali, li l-istaff ikun full-time. Iżda hemm dixxiplini, per eżempju mediċina, fejn jagħmel iżjed sens li tappunta part-timers li jkunu fl-istess ħin konsulenti fl-ispeċjalita` tagħhom fl-isptar.
Leg 9 PQ #23805 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Qormi - Trasport

Question

Jaf il-Ministru li studenti li huma residenti f'Tal-Blat II, Qormi, u jmorru l-junior lyceum tal-Ħamrun qed jiġu mwaqqfa fil-bypass ta' l-Imrieħel mill-ischool transport bil-konsegwenza li jkollhom jaqsmu din it-triq traffikuża u perikoluża? Jista' jieħu l-azzjoni meħtieġa biex dan ma jibqax isir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti subien minn Ħal Qormi jattendu l-Junior Lyceum tal-Ħandaq u mhux tal-Ħamrun. Hemm biss sitt studenti minn Ħal Qormi li jattendu l-Ħamrun Junior Lyceum. Dawn jużaw trasport li jgħaddi minn ħdejn il-Knisja tal-Marsa għall-Housing Estate ta' Maria Reġina Marsa, Qormi San Bastjan u jkompli għall-Qormi San Ġorġ.
Leg 9 PQ #23683 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola Primarja Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir minn dawk l-istundenti ta' year 4 fl-iskola primarja ta' Pembroke li qed jitħallew regolarment bla għalliema? Kif se jġibu lura ż-żmien prezzjuż li qed jitilfu dawn l-istudenti fi stadju tant delikat għall-edukazzjoni tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-għalliema tal-Year 4 li għaliha qed issir referenza falliet għax kienet ma tiflaħx. Kull meta kien possibli t-tfal tqegħdu fil-klassi l-oħra tal-Year 4. Kien hemm drabi wkoll meta t-tfal baqgħu fil-klassi tagħhom u l-lezzjonijiet ġew mogħtija mill-Kap u mill-Assistent Kap ta' l-Iskola.
Leg 9 PQ #23686 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skorba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux jittieħdu passi biex jiġu mħarsa l-fdalijiet ta' skorba li jinsabu fil-periklu li jiġu mkissra?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ser isiru xogħlijiet biex jissaħħaħ ir-reċint ta' madwar is-sit, biex hekk ma jkunux jistgħu jidħlu persuni mhux awtorizzati.
Leg 9 PQ #23877 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Evening Courses

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti li qed isegwu evening courses fl-Universita' ta' Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti li qed isegwu evening courses fl-Universita` huwa ta' 1079 li huma maqsumin f'505 (Nisa) u 574 (Irġiel).
Leg 9 PQ #23878 Sitting 504 2001-02-27 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' studenti fl-Universita' ta' Malta? Kemm minnhom huma barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' studenti fl-Universita` huwa ta' 7663 li huma maqsumin f'4132 (Nisa) u 3530 (Irġiel). Minn dawn hemm 420 li huma studenti barranin li jinqasmu f'233 (Nisa) u 187 (Irġiel).
Leg 9 PQ #23646 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MPFA

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret il-laqgħa mal-MPFA li saret referenza għaliha fit-tweġiba għall-mistoqsija nru. 22965? Xi rriżulta mil-laqgħa, jekk saret? Sar progress biex tintlaqa' t-talba tal-MPFA?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Bord Eżekuttiv tal-kunsill Malti għall-iSport li għadu kemm ġie maħtur iffissa laqgħa ma' uffiċċjali tal-Malta Playing Fields Association għall-Erbgħa 7 ta' Marzu 2001. Informat ukoll li s-Segretarju Parlamentari iltaqa` aktar minn darba ma' uffiċjali tal-MPFA. Sadanittant intbagħtet kopja tal-korrispondenza lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar u lid-Dipartiment ta' l-Artijiet għall-kummenti tagħhom.
Leg 9 PQ #23674 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola San Franġisk ta' Assisi — Sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jara li issir xi forma ta' sorveljanza fejn il-bieb prinċipali tal-iskola San Franġisk ta' Assisi f' Santa Venera peress li fil-għodu, meta l-istudenti jkunu deħlin l-iskola jkun hemm volum ta' traffiku kbir inkluż trakkijiet tal-luminata u vetturi ipparkjati li huma ta' periklu għat-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Amministrazzjoni ta' l-iskola ħadet il-passi biex quddiem il-gate ta' l-iskola ma' jsir ebda parking. Din iż-żona, bi ftehim mal-Kunsill Lokali, issa hi "no parking zone". Ma jirriżultax li filgħodu jkun hemm problemi bi trakkijiet ta' luminata.
Leg 9 PQ #23766 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemx xi pjani min-naħa tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fir-rigward ta' dawk it-tfal li huma xi ftit slow, biex waqt l-eżamijiet ikollhom ambjent u sistema aktar adatta u biex isir assessment aktar xieraq tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-taqsima għall-Assessjar Edukattiv f'dawn l-aħħar snin ħolqot inizjattivi biex l-istudenti kollha jiġu milħuqa fl-eżamijiet. Ċerti elementi diġa' qed jidhru u se jiżviluppaw iżjed bl-implimentazzjoni fil-Kurrikulu Nazzjonali. Waqt li jibqgħu mħarsa l-livelli meħtieġa l-karti qed isiru dejjem iżjed 'candidate friendly' fil-preżentazzjoni u l-kontenut u l-mistoqsijiet u l-marki fil-karti ta' l-eżamijiet huma mferrxa biex jilħqu kull livell ta' l-istudenti. Din is-sena l-kandidati tal-Year 6 b'arranġamenti speċjali għall-eżamijiet se jkunu fl-ambjent ta' l-iskejjel tagħhom. Għal dan l-iskop din is-sena sar taħriġ speċjali lil kull Assistent Kap ta' l-iskejjel primarji B u C u lill-għalliema tal-Complementary u l-Peripatetic.
Leg 9 PQ #23767 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Isla

Question

B'riferenza għad-domanda parlamentari nru. 11914, jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm studenti reġistrati fl-iskola primarja Senglea u possibilment billi jiġu indikati s-sess tagħhom sena b'sena kif ukoll kemm hemm għalliema?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li studenti reġistrati fl-iskola Primarja ta' l-Isla hemm: Subien Bniet Total Kinder 1 15 12 27 Kinder 2 33 28 61 Year 1 19 14 33 Year 2 19 23 42 Year 3 20 27 47 Year 4 24 12 36 Year 5 20 24 44 Year 6 19 23 42 TOTAL 169 163 332 Informat ukoll li numru ta' Għalliema hu 12 u Kindergarten Assistants hemm 6.
Leg 9 PQ #23794 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-librar tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali li suppost huwa impjegat full-time iqatta' biss ftit sigħat kuljum hemm u b'hekk għal sigħat twal u ġranet sħaħ il-librerija tkun magħluqa? Jista' jgħid ukoll jekk dan għandux permess speċjali mill-kap eżekuttiv tal-fondazzjoni biex jassenja ruħu għal ħin daqshekk twil barra, kif ukoll biex jagħmel użu ta' l-uffiċċju fil-fondazzjoni għal xogħol privat tiegħu konness mal-players tal-footballta' dixxendenza Afrikana?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li jużaw il-Librerija tal-Foundation hu żgħir u l-futur tagħha qed jiġi kkunsidrat fil-kuntest ta' riorganizzazzjoni fi ħdan il-Foundation. Il-Librar hu l-unika persuna fil-Librerija. Jekk ikun marid jew bil-leave il-Librerija tinżamm magħluqa u r-receptionist tipprova tgħin sa fejn ikun possibli. Ma jirriżultali ebda ilment mill-pubbliku dwar inaċċessibilita`. Informat ukoll li diversi persuni ta' nazzjonalita` niġerjana, inkluż l-Ambaxxatur Niġerjan għal Malta, il-Konslu Malti f'Lagos u studenti universitarji ifittxu l-Librar għal pariri.
Leg 9 PQ #23795 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Roots Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-konsulent tar-Roots Programme u kif inhu konness mal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali? Jekk fin-negattiv, min ħa d-deċiżjoni li dan ikun ibbażat hemm u xi ħlas qed jingħata? Jista' jgħid jekk il-ħlas hux qed joħroġ mill-fondi tal-fondazzjoni jew proġetti mogħtija lilha? Minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja kien il-każ li dan ix-xogħol jingħata lil xi impjegat li diġa' qiegħed il-fondazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li r-Roots Programme jappartjeni għall-Ministeru tat-Turiżmu, nissuġġerixxi li l-Mistoqsija tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.
Leg 9 PQ #23797 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Interim From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid hekk hemmx impjegati tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali jew impjegati oħra li huma bbażati hemm li għandhom xi allowances marbutin mal-karigi tagħhom? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma l-ammonti, fuq liema kriterju ġew mogħtija, min ħa d-deċiżjoni li jingħataw u kemm jingħataw? Barra l-allowances hemmx xi vantaġġi oħra li jingħata bħal ħlas ta' fuel għal karozzi privati u uffiċjali, użu ta' mobile phones kif ukoll ħlas ta' kontijiet tat-telefon ta' djar privati? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn in-nies u l-vantaġġi li għandhom, kemm jekk huma mħallsa mill-grant tal-ministeru kif ukoll jekk inhuma mħalls minn proġetti li qed jiġu mogħtija lil fondazzjoni jew l-istituti tagħha?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #23799 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fondazzjoni ta' l-Istudji Internazzjonali — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjani għal Fondazzjoni ta' l-Istudji Internazzjonali in ġenerali kif ukoll għall-istituti li jappartjenu lill-Universita' iżda li huma bbażati l-fondazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhuma dawn il-pjani u meta se jibdew jiġu implimentati? Jista' jgħid jekk hemmx mekkaniżmu indipendenti biex jassigura illi l-grant li jingħata mill-ministeru tiegħu qed jiġu wżati biss għall-istess fondazzjoni u l-istituti/programmi tagħha u mhux għal xi programmi ta' ministeru ieħor jew l-uffiċċju internazzjonali ta' l-Universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għadni qed nofformola proposti dwar il-ġejjieni ta' l-FIS, m'hinix f'pożizzjoni li f'dan l-istadju nagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija. Dwar it-tielet parti tad-domanda il-pożizzjoni hija din: 1. L-Uffiċċju Internazzjonali ta' l-Universita` huwa parti integrali mill-FIS; 2. Illi l-għotja tal-Gvern lill-FIS hija ta' Lm90,000 fis-sena fil-waqt li l-'wage bill' għal din is-sena se tkun ta' ċirca Lm190,000. Dan ifisser li l-grant tal-Gvern tkopri biss parti mill-'wage bill', il-bqija irid jinkiseb minn programmi u attivitajiet tal-Fondazzjoni. 3. L-accounts ta' l-FIS huma regolarment awditjati minn kumpanija ta' awdituri ta' reputazzjoni internazzjonali (Pricewaterhousecoopers).
Leg 9 PQ #23802 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Karozzi self-drive

Question

Fid-dawl ta' l-ilmenti li qed jasluli li ħafna mill-karozzi self-drive tal-Ministeru qed jintużaw fil-weekend, jista' l-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni? Jista' jinfurmani fil-fatt kemm huwa n-numru ta' karozzi self-drive fil-mument li għadhom mikrija l-Ministeru u d-Dipartimenti? Jista' jagħti breakdown kemm kienet in-nefqa għal-fuel ta' dawn il-karozzi matul is-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra
Leg 9 PQ #23871 Sitting 503 2001-02-26 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UNESCO — Imdina

Question

In vista ta' l-iskavi riċenti fl-Imdina u ta' dawk il-fdalijiet storiċi misjuba, huwa possibli li l-UNESCO tiġi mitluba tgħin b'mod prattiku għall-aħjar priżervazzjoni tal-fdalijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fdalijiet arkeoloġiċi partikolari misjuba reċentement fl-Imdina ma' għandhomx bżonn ta' ebda miżura ta' konservazzjoni addizzjonali għal dawk li diġa' ttieħdu. F'dan il-każ ma hemmx bżonn ta' għajnuna mingħand il-UNESCO. L-awtoritajiet konċernati - jiġifieri d-Dipartiment tal-Mużewijiet u l-Kumitat għar-Rijabilitazzjoni ta' l-Imdina - ħadu kull miżura meħtieġa sabiex ix-xogħol infrastrutturali li qed isir bħalissa fi-toroq ta' l-Imdina ma tikkaġuna ebda forma ta' ħsara fuq dawn il-fdalijiet arkeoloġiċi.