Trasport Pubbliku – bidu tal-operat minn kumpanija ġdida
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tibda topera l-kumpanija l-ġdida magħżula mill-Gvern għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddejjin in-negozjati u diskussjonijiet mal-preferred bidder u l-għan tal-Gvern huwa li dawn jibdew joperaw f’ Jannar 2015.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk in-nollijiet tat-trasport pubbliku hux ser jibqgħu kif inhuma sal-lum, jiġifieri €1.50 għall-adulti u €0.50 għall-anzjani u tfal għal biljett ta' ġurnata, u €6.50 għall-adulti u €2.30 għall- anzjani u tfal għal biljett ta' ġimgħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex ser tiġi introdotta xi struttura ġdida ta' nollijiet hekk kif is-servizz tat-trasport pubbliku jibda jopera mill-kumpanija li tkun rebħet l-expression of interest? Jekk fl-affermattiv, kif ser tkun din l-istruttura ġdida u l-prezzijiet applikabbli? Kif ser jiġi affettwat il-pubbliku li juża dan is-servizz b'mod regolari meta kkomparati mal-istruttura preżenti tan-nollijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sussidju li ser jagħti l-Gvern lill-kumpanija l-ġdida li ser tieħu f'idejha l-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku hux ser ikun aktar minn €10 miljuni fis-sena, peress li dan kien l-aktar ammont ta' sussidju li qatt ingħata lil xi operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati u d-diskussjonijiet mal-preferred bidder u għaldaqstant, mhux prudenti li tingħata din l-informazzjoni f’dan l-istadju.
Trasport pubbliku – ħlas għal żjara fi Spanja b’konnessjoni mas-servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn min kien ikkummissjonat il-vjaġġ tiegħu u ta' uffiċjali ta' Transport Malta u tal-kumpanija li bħalissa qiegħda topera t-trasport pubbliku fi Spanja għand kumpanija barranija li ssottomettiet l-expression of interest għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku meta l-preferred bidder kien għadu lanqas ġie mħabbar mill-Gvern Malti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li klawżola numru 8c fl-“Expression of Interest” (EOI) tas-27 ta’ Jannar 2014 tagħti s-saħħa lill-Awtorità tat-Trasport jew, persuni mqabbda minnha sabiex jispezzjonaw l-operat, il-faċilitajiet u proċessi ta’ “quality control” tal-kandidati kollha li jkunu applikaw għall- Expression of Interest. Iż-żjara ġiet ikkummissjonata mill-Awtorità tat-Trasport u kienet ta’ natura teknika sabiex jiġi verifikat li dak li ġie ppreżentat lilha fuq il-karti kien diġà qiegħed jopera. L-ispejjeż kollha tal-uffiċjali fuq din iż-żjara tħallsu mill-Ministeru u l-Awtorità tat-Trasport.
Trasport Pubbliku — Żjara fi Spanja b’konnessjoni mas-servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x' kienet ir-raġuni taż-żjara tiegħu fi Spanja? Ma’ jħossx illi tali żjara tmur kontra l-kundizzjonijiet li għamel hu stess fl-expression of interest għal provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku u għalhekk il-kumpanija illi hu ddeċieda li jmur iżur f'pajjiżha kellha tiġi skwalifikata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-Kumpanija Spanjola kienet l-uniku kandidata li taqa’ taħt klawżola l-aktar preferuta 3.1 (a) tal-“Expression of Interest” u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda lok ta’ indħil li seta’ ipperikola l-għażla bejn kandidat u ieħor. Minħabba differenza kbira fl-ammont ta’ “Public Service Obligation” mitlub minn kandidat fil-kategorija 3.1 (b) tal-“Expression of Interest”, Il-Ministru, b’responsabbiltà kbira, ħass li kellu jkun preżenti waqt din l-evalwazzjoni sabiex jassigura li ma jkollniex sorpriżi kif ġara taħt il-Gvern preċedenti.
Trasport Pubbliku — Żjara fi Spanja b’konnessjoni mas-servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk l-uffiċjali/persuni li akkumpanjawh fi Spanja għand wieħed mill-bidders ta' l-espressjoni ta' interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku u f'liema kapaċità għamlu dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju ma jkunx prudenti li nagħtu din it-tip ta’informazzjoni peress li hija kummerċjalment sensittiva u jista’ jiġi affetwat il-proċess ta’ negozjar mal-operatur preferut.
Jista’ l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jieħu azzjoni minnufih sabiex jiġu rranġati dwal maż-zebra crossing fi triq Ħal-Tartarni, ir-Rabat Malta, liema dwal bħalissa jinsabu mitfija, bil-konsegwenza li ż-zebra crossing ma tidhirx u tista’ tkun ta' periklu għal min jużaha?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ din iż-zebra crossing, Transport Malta qiegħda fil-proċess ta’applikazzjoni għad-dawl ħalli tkun tista’ tixgħel il-crossing.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Liema hija l-kariga ta' dawn in-nisa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem – “nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni”.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid minn Marzu 2013 sal-lum kemm inħatru nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem – “nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni”.
Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura – persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' nisa u rġiel li jokkupaw pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika xi trid tfisser bil-kliem – “nisa u rġiel f'pożizzjoni ta' deċiżjoni”.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li jibni toroq ġodda f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, Transport Malta ser tkun qed tibni t-toroq li jaqgħu taħt ir-responsabilta` tagħha fil-lokalita’ ta’ Ħal- Qormi. Dan tagħmlu skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb jew hux jistudja serjament xi pjan biex jibni triq li tiddevja t-traffiku li ġej min-naħa tar-Rabat u Ħaż-Żebbuġ ’l hinn mit-toroq taċ-ċentru u nħawi residenzjali ta’ Ħal Qormi, u jibqa’ sejjet direttament għall-bypass?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari W232.
Peress li Ħal Qormi diġà maqsum f'biċċiet minħabba arterji prinċipali li għaddejjin minn nofsu bħal Triq l-Imdina u Triq is-Sebħ, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri għandu l-ħsieb li jieħu biex it-traffiku f’toroq residenjali bħal Triq il-Ħelsien, Triq il-Wied, Triq Valletta, Triq il-Vitorja, Triq San Dwardu, Triq il-Mitħna, Triq il-Kbira, Triq San Bastjan, Triq San Bartilmew, Triq il-Milied u oħrajn ma jibqgħux jiġu użati regolarment bħala passaġġ għal min id-destinazzjoni tiegħu mhix Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari W233.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm deċiżjoni li ħamrija li hemm fl-inħawi tas-Salina tintradam, minflok ma titneħħa qabel ma jinbeda x-xogħol neċessarju biex tinbena l-parti tat-triq li tgħaddi minn dawk in-naħiet? Jekk iva x'wassal għal din id-deċiżjoni, u ma’ min saret il-konsultazzjoni?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni tikkonsisti f’ħamrija organika fuq saffi ta’ materjal fin ħafna, liema materjali ġew ikklassifikati bħala silt u clay.
Il-ħamrija organika, li hija tajba għall-agrikoltura, ġiet maħżuna fuq il-post u ser terġa’ tintuża fil-proġett.
Is-subsoil, li tikkonsisti f’silt u clay, għandhom karatteristiċi fisiċi li ma kienx jaqbel li jitneħħew, peress illi l-blat jinsab fil-fond ħafna kif ukoll minħabba l-fatt illi l-livelli tal-kostruzzjoni jinsabu qrib il-livell tal-baħar. Dawn il-fatti ġew stabbiliti wara diversi studji fuq dawn il-materjali magħmulin minn esperti tekniċi.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru, jekk saru, rapporti dwar il-fatt li l-pelican lights li hemm ħdejn l-iScotts Supermarket f’Burmarrad, ilu ma jaħdimx għal diversi ġimgħat? X’passi ttieħdu biex din il-ħsara tissewwa? Lil min saru r-rapporti relevanti?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-Awtorita’ tat-Trasport ġiet mgħarrfa bil-ħsarat fil-pelican crossing ta’ Burmarrad mill-uffiċċjali li jagħmlu r-ronda biex jiċċekkjaw il-ħsarat u wkoll mill-pubbliku mis-sistema tal-Customer Care. Il-ħsara kienet fis-safety CPU card tas-sistema fejn, wara li sar kuntatt mal-kumpanija li tissuplixxi l-apparat, irriżulta li tali card kellha tintbagħat lura lill-kumpanija sabiex jiġi aġġornat il-Firmware. Għalkemm l-Awtorita’ kellha aktar minn dawn il-cards fl-istokk, il-kumpanija nfurmat lill-Awtorita’ li dawn kollha kellhom bżonn li jiġu aġġornati. Għaldaqstant, il-cards kollha kienu ntbgħatu barra minn Malta għand il-kumpanija. L-Awtorita’ rċeviet dawn il-cards aġġornati, il-card ġiet installata fit-traffic light controller u issa din il-pelican crossing qed taħdem.
Ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-Enerġija fil-Bini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn persuni li huma awtorizzati li joħorġu energy certificates kif inhuma mitluba bir-regolamenti dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari W333.
Ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar kors biex jiġu ċċertifikati persuni li jkunu jistgħu joħorġu ċertifikati dwar l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini? Meta hu mistenni li jinżamm kors jew korsijiet oħra biex jiġu ċċertifikati iktar persuni li jkunu jistgħu joħorġu dawn iċ-ċertifikazzjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari W333, ngħarrfu li l-aħħar żewg korsijiet saru fis-26/27 u 29/30 ta’ Novembru 2012. Kif kienet u għadha il-prassi qed tinġabar lista ta’ min hu interessat li jsegwi tali kors u la darba jkun hemm numru suffiċjenti biex jagħmluh finanzjarjament vijabbli għall-parteċipanti, dan ikun organiżżat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-kuntratt bejn Transport Malta u s-sidien ta' parti mill-kumpless f’Raħal Ġdid li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sabiex jinkrew xi sulari u jintużaw bħala uffiċini għal Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li dawn l-uffiċini jibdew jintużaw, kemm hi l-kirja u kemm tħallsu flus f’kera s’issa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt imsemmi ġie ffirmat wara sejħa pubblika (RFP) li kienet ħarġet għall-kiri t’uffiċini għal Transport Malta. Dawn l-uffiċini għandhom jibdew jintużaw bejn nofs u l-aħħar tas-sena 2015. Il-kera hija ta’ €490,000 fis-sena u sal-lum għadu ma tħallas l-ebda pagament.