Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Għassa - Zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li ssir zebra crossing quddiem l-għassa ta' Bormla?

Response (GALEA, ĊENSU)

Irreferejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant għall-konsiderazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.

Fgura — Triq Hompesch - Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jikkonfermali x-xogħol fuq Hompesch Road, Fgura se jibda fi żmien qasir u jistax ukoll jikkonferma li dan ix-xogħol għandu jiġi jiswa sew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ħarġet sejħa għal offerti biex Triq Hompesch, Fgura tinqala u tinbena mill-ġdid. Iż-żmien għal biex jingħalqu l-offerti jagħlaq fis-7 ta` Diċembru 1999. Wara li l-kuntratt jingħata wieħed jispera li x-xogħol jimxi kif jeħtieġ.

PTA — Marsa - Triq Diċembru 13 - Bus bays

Question

Jikkonsidra l-Ministru li fi Triq Diċembru 13, Marsa, għandhom isiru bus bays fejn teżisti l-possibbilta' li dawn isiru fuq iż-żewġ naħat tat-triq? Peress li minħabba dan in-nuqqas ta' bays, il-buses qegħdin ifixklu l-flow normali tat-traffiku f'din it-triq prinċipali u toroq oħra simili, jistgħu jittieħdu passi biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex dan jara x`jista jsir.

Dipartiment tal-Liċenzji — Vetturi

Question

Jikkonsidra l-Ministru li qabel il-ħruġ ta' liċenzji fuq heavy vehicles (trucks, trailers, kabini għal trailers, gafef, eċċ.) mid-Dipartiment tal-Liċenzji jrid jiġi ndikat fejn dawn il-vetturi sejrin jiġu ggaraxxjati minħabba li mijiet ta' dawn il-vetturi qegħdin jiġu pparkjati għal għonq it-triq b'detriment għat-traffiku u għal pedestrians?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-parking ta` vetturi fit-toroq huwa kkontrollat permezz tar-Regolamenti Nu. 74,77,78 u 79 tar-Regolamenti ta` l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur. Dawn jispeċifikaw fejn vetturi jistgħu jew ma jistgħux jiġu pparkjati. L-infurzar tal-liġi mhux kompitu tad-Dipariment tal-Liċenzji u Testijiet. Il-funzjoni tad-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet hija li jilliċenzja vetturi biex jużaw it-triq.

Pulizija — Ta' Qali - Parking signs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 10374 li oriġinarjament kienet saret lill-Ministru ta' l-Intern u li issa ġiet riferuta lilek - dwar sinjali tat-traffiku fejn l-iStadium Centenary f'Ta' Qali - u ċioe'għalkemm ingħata permess ta' Traffic Board biex it-triq ħdejn is-Centenary Stadium issir "No Parking", dan qed joħloq inkonvenjent kbir għal dawn li jmorru għal-logħob fl-Istadium Nazzjonali u fis-Centenary Stadium stess, għaliex ma sarux "No Parking Signs" fuq naħa waħda biss ta' din it-triq u b'hekk titaffa l-problema. Jista' l-Ministru jitlob il-Bord għal Kontroll tat-Traffiku biex jerġa' jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu ħalli l-pubbliku in ġenerali jkun moqdi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku rreveda s-sistema ta` `No Parking` ħdejn is-`Centenary Stadium` biex iż-żona tan-`No Parking` tkun illimitata għal dik il-parti tat-triq fuq in-naħa tas-`Centenary Stadium` u fuq parti qasira fl-istess triq quddiem il-bibien tan-`National Stadium`.
Leg 9 PQ #11108 Sitting 177 1999-11-09 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Tarxien — Triq Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi progress sar in konnessjoni mat-talba minn residenti ta' l-inħawi ta' Luqa Road, Paola/Tarxien (ħdejn l-ex-Carters Supermarket) biex issir zebra crossing li jiena poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra waqt aġġornament riċenti u li tpoġġa wkoll mis-shadow spokesman tal-qasam li għalih huwa responsabbli l-Ministru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq irċieva talba mingħand il-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku biex isir `survey` fil-lokal ħalli wieħed jara jekk hemmx lok li jsiru il-`Pelican Lights` jew `Zebra Crossing` u f`liema post l-aħjar li ssir.

Dipartiment tat-Toroq — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tat-Toroq mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li żewġ `Trainee Engineers` ġew impjegati s'issa fl-1999. Dawn ġew impjegati minn barra meta spiċċaw il-`course` ta' l-Universita' u kienu tnejn minn sitta li ġew mistiedna jaħdmu mad-Dipartiment peress li waqt l-istudji tagħhom segwew il-`course` tat-toroq taħt id-direzzjoni tal-konsulenti Ġermanizi. Saret sejħa għal applikazzjonijiet biex jiġu mpjegati aktar periti mad-Dipartiment li għalqet fl-10 ta' Settembru u kien hemm tmien persuni li applikaw nkluzi ż-żewġ `Trainee Engineers` li diġa qed jaħdmu fid-Dipartiment. Diġa nbeda l-proċess mal-`Public Service Commission` sabiex ikun jista' jiġi appuntat is-`Selection Board`.

Dipartiment tat-Toroq — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Toroq? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jiena nfurmat li ma' kien hemm l-ebda trasferiment mid-Dipartiment tat-Toroq fil-perjodu msemmi.

Dipartiment tal-Liċenzji — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tal-Liċenzji mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda fid-Dipartiment tal-Liċenzji.

Dipartiment tal-Liċenzji — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-27 ta' April, 1999 sal-15 ta' Settembru, 1999 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Liċenzji? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li mis-27 ta` April, 1999 sal-15 ta` Settembru, 1999, erba` impjegati fid-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ġew trasferiti għal Dipartimenti oħra fuq talba tagħhom.

Vannijiet tal-kiri — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm liċenzji maħruġa lil rent-a-car u self-drive garages għal vetturi tat-tip van li m'humiex mini vans iżda li jistgħu jġorru nies, fis-snin 1995,1996,1997,1998?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` vannijiet bojod liċenzjati f`dawn l-aħħar snin huma kif ġej: 1995 - Nil 1996 - Nil 1997 - Nil 1998 - 109

PTA — Courtesy buses

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm liċenzji maħruġa mill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku għall-courtesy buses ta' kull tip fis-snin 1995,1996,1997 u 1998?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta` liċenzji maħruġa mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku għal `courtesy buses` Kien: 1995 - 4 1996 - 4 1997 - 8 1998 - 4

Port il-Kbir — Barklora

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx faċilitajiet tajba biżżejjed għall-barklora li jaħdmu fil-Port il-Kbir biex iniżżlu l-passiġġieri, billi jidher li fil-moll ta' ħdejn id-Dwana tal-Belt dan m'huwiex adegwat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa m`hemmx postijiet oħra fil-port fejn jaħdmu l-barklora ħlief il-moll ta` ħdejn id-dwana.

Qormi — Triq id-Deheb Fin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq id-Deħeb Fin f'Ħal Qormi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-triq imsemmija hi kważi kollha lesta, u għalhekk taqa` taħt ir-responsabilta` tal-Kunsill Lokali. Il-parti tat-triq li għadha mhix lesta mistennija tidħol fil-programm tax-xogħol għall-lokalitajiet kollha ta` Malta.

Vetturi — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi/vetturi reġistrati f'Malta u f'Għawdex? Kemm jinbiegħu karozzi ġodda f'kull ġurnata bejn wieħed u ieħor? Kemm inbiegħu karozzi ġodda sa l-aħħar ta' Ottubru 1999? Kemm idaħħal minn ħlas ta' liċenzji ta' karozzi kull sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa l-aħħar ta` Settembru 1999, kien hawn 265,961 vetturi irreġistrati f`Malta u f`Għawdex. Mill-ħlas tal-liċenzji tal-vetturi, huwa stmat li din is-sena il-Gvern se jdaħħal is-somma ta` Lm10,000,000.

Maltapost — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid fl-aħħar call for application għall-postman mal-Maltapost, kemm applikaw? Kemm-il applikazzjoni ġiet aċċettata u kemm saru interviews? Kemm għaddew u kemm daħlu s'issa? Hemm waiting list ta' dawk li għaddew, u jistgħu jidħlu oħrajn fil-futur qarib minn din il-waiting list? Kemm se jdum validu r-riżultat ta' dan l-eżami? B'kollox kemm tikkalkola li għandha vacancies ta' postman il-Maltapost?

Response (GALEA, ĊENSU)

Billi r-responsabilta` ta` l-amministrazzjoni tal-Maltapost plc hija tal-Ministeru għall-Affarijiet Ekonomiċi, L-Onor. Membru hu mitlub jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Millennium — Bolli ġodda

Question

Jista' l-Ministru jinformani jekk għas-sena d-dieħla hemmx il-ħsieb li joħroġ sett ta' bolli li jikkommemoraw il-millennium l-ġdid? Jekk fl-affermattiv, meta hemm il-ħsieb li jitnieda l-konkors għal dan is-sett ta' bolli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ewwel sett ta` bolli għas-sena 2000 li se jinħareġ f`Jannar tas-sena 2000, se juri bolli ta` xewqat tajba, u se jinkludi wkoll bolla li tfakkar il-millenju. Dan is-sett qed jiġi ddisinjat minn artist magħruf fil-qasam tad-disinn tal-bolli, u mhux permezz ta` konkors pubbliku.
Leg 9 PQ #10955 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Imrieħel — Bypass

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titlesta l-bypass ta' l-Imrieħel li bħalissa qed isiru xi xogħlijiet fuqha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa m`hemm l-ebda xogħol li qed isir fil-Bypass ta` l-Imrieħel mid-Dipartiment tat-Toroq.
Leg 9 PQ #10958 Sitting 174 1999-11-04 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ma ġeddidtx il-liċenzja tagħha f'Ottubru 1999 minħabba l-fatt li din il-vettura m'għaddietx mill-VRT?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji ma għandu l-ebda ndikazzjoni li dan seħħ.

Wied il-Għajn — Triq is-Sibbien

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fi Triq is-Sibbien f'Wied il-Għajn, wara li x-xogħol kien twaqqaf?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10884.