Ministeru għas-Saħħa — impjegati ingaġġati ma’ kuntrattur
Question
Jista’ l-Ministru kemm hemm impjegati fid-diversi uffiċini u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'Għawdex li huma impjegati ma' kuntrattur? Jista’ jgħid x'inhu x-xogħol li jagħmlu u fejn, min hu l-kuntrattur, x'kuntratt hu u jpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jagħti d-data tal-ingaġġ ta' kull impjegat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Membru li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il MRI scan jintalab kuljum? Kemm-il wieħed isir kuljum? Kemm jiswa kull MRI scan lill-Gvern Malti?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li skond l-istatistika jintalbu medja ta’ ħamsa u tletin rikjesta kuljum fuq ġimgħa ta’ sitt ijiem u jsiru medja ta’ tletin MRI scan kuljum fuq ġimgħa ta’ sitt ijiem. Bil-proċedura l-ġdida li nuzaw l-MRI scan fi twilight hours, l’ hemm mill-ħin normali, dan in-numru ta 30 MRI kuljum żdied b’15 għal 45 b’kollox.
Għaddej eżerċizzju biex tiġi stmata l-ispiża ta’ kull intervent fl-Isptar Mater Dei, inkluż l-MRI scans. Għaldaqstant, l-ispiża finali tkun tista’ tingħata aktar ‘il quddiem.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux protokolli li jirregolaw public conveniences u restrooms ta’ azjendi privati li jistgħu jintużaw mill-pubbliku? Liema standards iridu jintlaħqu? Kif inhuma kklassifikati? Min jara jekk dawn il-postijiet humiex safe u dinjitużi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li d-Direttorat għal Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika jirregola biss konvenjenzi sanitarji li jinsabu fi stabbilimenti tal-ikel. Dan isir skont kif stabbilt kemm bl-Avviz Legali 264 tal-2002 (Regolamenti dwar l-Igjene tal-Ikel) kif ukoll skont Anness II tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 t’April 2004, dwar l-Igjene tal-Oġġetti tal-Ikel. Spezzjonijiet ta’ konvenjenzi sanitarji isiru wkoll ġewwa postijiet mediċi privati kif ukoll stabbilimenti bħall-beaticians, hairdressing salons u tattoo clinics fl-istadju tal-liċenzjar tal-imsemmija postijiet.
Minkejja li ma jeżistu l-ebda standards jew klassifikazzjonijiet għar-regolazzjoni ta’ public conveniences jew restrooms, uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għal Saħħa Ambjentali jagħmlu spezzjonijiet ġewwa f’azjendi privati biss, sabiex jinvestigaw ilmenti rigward nuqqas ta’ iġjene fl-imsemmija postijiet.
Jista' l-Ministru jgħid, mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum x’kienet in-nefqa totali tal-Ministeru għas-Saħħa fuq safar? Jista’ jagħti dawn id-dettalji dwar kull żjara: kemm kienet l-ispiża, x’kien l-għan ta’ din iż-żjara, minn min kienet komposta d-delegazzjoni għal kull żjara u x’kien ir-rwol tal-persuni li attendew?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-nefqa totali tal-Ministeru għas-Saħħa li tinkludi d-dipartiment fuq safar mill-10 ta’Marzu 2013 sal-lum kienet ta’€126,929.82.
In-nefqa tal-Ministru nnifsu hi ta’€4,446.08
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-dettalji mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi dipartiment jew entità fil-Ministeru tiegħu xtarax jew huwiex fil-proċess li jikri jew jixtri xi makkinarju tal-MRI jew jekk għandux l-intenzjoni li jagħmel dan fis-sitt xhur li ġejjin? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ kif sar jew se jsir dan ix-xiri u/jew kiri?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Ministeru qiegħed fil-proċess li jixtri magna tal- MRI. Dan ix-xiri se jsir permezz ta’ tender pubbliku tad-Dipartiment tal- Kuntratti li jinsab fil-gazzetta tal-Gvern u tal-Ewropa u li se jagħlaq fil-15 ta’ Ottubru 2013. Il-proċess tax-xiri li jinkludi l- evalwazzjoni ta’ l- offerti rċevuti, l-għotja tat-tender lill-kumpanija li għandha l-aktar offerta vantaġġjuża, u l-perijodu sakemm din il-magna tiġi kkummissjonata u nstallata fl-Isptar Mater Dei, mistenni li jieħu mill-anqas 9 xhur. Wara dan il-proċess din il-magna tkun tista’ tibda topera biex jingħata s-servizz aħjar fl-isptar.
Persuni li huma intitolati għas-servizz ta’ saħħa b’xejn
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-policy dwar min hu intitolat għas-servizz ta’ saħħa b’xejn f’pajjiżna u jispjega kif jiġi rimborsat jew imħallas il-Gvern fil-każ ta’ persuni li mhumiex taxpayers f’Malta?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-persuni koperti mill- Avviz Legali 201/04 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, huma intitolati għal servizz ta’ Saħħa b’xejn f’pajjiżna.
Infurnat ukoll li l-proċedura li tintuża biex jiġi rimborsat jew imħallas il-Gvern fil-kas ta’ persuni li mhumiex intitolati hija li jinħareg kont mill-billing section tal-entità fejn tkun ingħatat il-kura u l-persuna kkonċernata tħallas il-kont. Fil-kas li l-persuna tippreżenta d-dokumentazzjoni meħtiega skont ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropeja, il-kont jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet rispettivi tal-pajjiż minn fejn ikun ġej il-pazjent.
Persuni minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li użaw s-servizz tas-saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea użat is-servizz tas-saħħa f’Malta, xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa Awwissu 2013? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni bejn dawk li ppreżentaw l-EHIC card u dawk li ma ppreżentawhiex? Għall-istess perijodu (ukoll xahar b’xahar), jista’ jgħid kemm intalab ħlas mingħand il-pajjiżi rispettivi u kemm minn dan tħallas?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’persuni ċittadini tal-Unjoni Ewropeja li użaw is-servizz tas-saħħa.
Persuni li mhumiex minn stati membri tal-Unjoni Ewropea li użaw is-servizz tas-saħħa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna mhux ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea użat is-servizz tas-saħħa f’Malta, xahar b’xahar, minn Jannar 2008 sa Awwissu 2013? Għall-istess perijodu (ukoll xahar b’xahar) jista’ jgħid kemm intalab ħlas mingħand dawn il-persuni, jew l-assigurazzjoni tagħhom jew il-pajjiżi rispettivi u kemm minn dan tħallas?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li t-totalli jisabu miġbura skont l-entità kif se nsemmi filwaqt li d-dettalji qed inpoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minn Jannar 2008 sa Awwissu 2013
Entity
Amount Billed
Paid
Gozo General Hospital
€ 261,253.18
€ 25,565.23
Mater Dei Hospital
€ 2,527,563.00
€ 1,271,884.00
Mount Carmel Hospital
€ 660,318.84
27,032.03
Rehabilitation Karen Grech Hospital
€ 37,922.04
NIL
Dan juri biċ-ċar l-mismanagment fil-Billing section tas-sistema tas-saħħa.
Il-Gvern hu kommess li joħloq aktar kontabiltà.
Sit elettroniku għall-mediċini li huma out-of-stock
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jagħmel sit elettroniku li permezz tiegħu jippubblika l-mediċini li jkunu out-of-stock b’tali mod li jkun aġġornat real time biex b’hekk il-pazjenti jevitaw l-iskariġġ li jmorru fl-ispiżeriji għal xejn?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ħsieb tal-Ministeru hu li jkollu strateġija fejn is-servizzi bżonjuzi jkunu kollha online. Peress li sibna sistemi inkompetenti ma' xulxin, irridu nagħmlu prijoritajiet, għaldaqstant irridu l-ewwel ikollna sistema ta' Stock Control efficjenti. Sa dan it-tant il-pazjenti dejjem jistgħu jinqdew bit-telephone qabel imorru l-ispiżerija ħalli ma jinqalgħux għal xejn. Barra minn hekk huwa l-għan tagħna li mediċini jkunu kemm jista' jkun 'available' għal pazjenti.
Peress li l-Ministru pubblikament ta dettalji dwar kemm jiswew kuljum sodod fl-Isptar Mater Dei, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kalkoli kollha marbutin ma’ dawn l-ispejjeż?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kalkoli kollha marbutin ma’dawn l-ispejjeż.
Jista’ l-Ministru jara x’sar mill-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed jistenna biex issirlu operazzjoni tal-irkoppa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li dan il-każ ġie segwid u konkluż mid-Dipartiment tal-Customer care.
Programm tal-IVF – tkabbir tal-intensive care baby unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk flimkien mat-tħaddim tal-programm tal-IVF huwiex se jkun hemm ukoll it-tkabbir tal-intensive care baby unit? Dan it-tkabbir kemm se jinkludi sodod?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li bħalissa m’hemmx ippjanar li jitkabbar in-Neonatal Paediatric Intensive Care Unit (NPICU). Biss qed isiru diskussjonijiet biex jiżdied in-numru ta’ paediatricians li jispeċjalizzaw fil-qasam tan-Neonatology. Barraminhekk, huwa mistenni li fit-tħaddim tal-programm tal-IVF, li se jsir ġewwa l-Isptar Mater Dei, se jkun hemm aktar skop ta’ ppjanar biex ma jkunx hemm iffullar ġewwa l-NPICU.
Ninsab infurmat ukoll li issa bit-twaqqif tal-Awtorità għal Protezzjoni tal-Embrijun (Embryo Protection Authority), l-Awtorità se tkun qed tiġbor l-informazzjoni neċessarja tal-outcomes tal-proċessi kollha li jsiru kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fil-Kliniċi Privati, u hekk se ssir iktar ippjanar tal-proċess u jkollna aktar informazzjoni għal NPICU.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ambulanza hemm marbuta mas-servizz dirett tal-emerġenza u kemm-il sejħa jkun hemm għal dan is-servizz fis-sena?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li fil-preżent għandna 15-il ambulanza marbutin mas-servizz tal-emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Infurmat ukoll li sa l-aħħar tas-sena se jkun hawn 11-il ambulanza ġdida.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra figuri bis-sejħiet għal dan is-servizz ta kull sena.
Sptar Mater Dei – applikazzjonijiet għall-kariga ta' Director Nursing
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li nħatret fil-kariga ta’ Director Nursing fl-Isptar Mater Dei, intgħażlitx wara sejħa għall-applikazzjoni kif ġara fiż-żewġ każijiet ta’ qabel? Jekk iva, kif kien kompost il-bord tal-għażla?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-proċess li ntuża sabiex tiġi mpjegata l-persuna fir-rwol ta’ Director Nursing and Midwifery Services fl-Isptar Mater Dei huwa dak ta’ position of trust skont il-proviżżjonijiet kollha ta’ OPM Circular 21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85/II.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kompost it-Treatment Abroad Committee?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Kumitat tat-Treatment Abroad huwa kompost minn Chairperson, seba’ membri u segretarja. Wieħed mill-membri huwa lay person li jirrappreżenta lill-pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pazjent intbagħat għall-kura barra minn Malta, xahar b’xahar, fis-snin 2011, 2012 u 2013? Mingħajr ma jagħti l-ismijiet tal-pazjenti, jista’ jindika l-kundizzjoni li għaliha ntbagħat għall-kura?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments tal-Advanced Pharmacist Practitioners li r-riżultati tal-interviewsgħalihom ilhom li ħarġu mit-22 ta’ Frar 2013 u jekk dawn joħorġux backdated minn meta ħareġ ir-riżultat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-ħatriet ta’ Advanced Pharmacist Practitioners jiġu approvati mill-Prim Ministru abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Nistieden lill-Onor. Membru sabiex jagħmel it-talba tiegħu lill-Onor. Prim Ministru. Huwa antiċipat li l-ħatra tkun effettiva mid-data tal-approvazzjoni tal-Prim Ministru u mhux mid-data tar-riżultat, u dan skont il-parametri tal-Public Service Management Code.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti jistennew biex isirilhom t-test tan-nervituri msejjaħ EMG? Kemm hemm każijiet li ilhom jistennew anqas minn sitt xhur, bejn sitt xhur u sena, bejn sena u sentejn u aktar minn sentejn? Jista’ jikkonferma wkoll hemmx EMG technician impjegat biex jagħmel dawn it-testijiet fid-Dipartiment tal-Newrofiżjoloġija?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li hemm 1,790 pazjent jistennew biex isirilhom t-test tan-nervituri msejjaħ EMG. Dawn huma imqassma kif ġej:
454 minnhom ilhom jistennew anqas minn sitt xhur.
382 bejn sitt xhur u sena.
954 bejn sena u sentejn.
M'hemm ħadd li ilu jistenna aktar minn sentejn.
Dawn it-testijiet isiru minn EMG technician wieħed li huwa mpjegat part-time.
Qed nagħamlu ħilietna biex nimpjegaw lil ħaddieħor.