Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jibda x-xogħol fuq il-lift fil-binja tal-Gvern li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li fl-2011 ir-residenti kienu rċevew ittra mingħand l-Awtorità tad-Djar li se jsir il-lift iżda dan għadu ma sarx u t-talba hija waħda urġenti peress li r-residenti f’din il-blokka huma kollha anzjani kif ukoll hemm persuna b’diżabilità li bħalissa tinsab imsakkra ġewwa darha u ma tistax toħroġ barra minħabba nuqqas ta’ aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – servizzi/għajnuna soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra lista ta’ servizzi/għajnuna soċjali kollha offruti mill-Ministeru jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll għal kull każ tgħid min jista’ jibbenefika, kemm jista’ jibbenefika, kif trid issir il-proċedura tal-applikazzjoni, il-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ kull miżura, kif ukoll xi informazzjoni oħra relatata?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f'seduta oħra.

Programm LEAP — Għanijiet

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi spjega qasira tal-programm LEAP imniedi minnha fl-2013? X’għanijiet għandu dan il-programm? Kif se jiffunzjona? Min se jmexxieħ? X’miri konreti se jkunu qed jilħaq dan il-programm? X’jinkludi aktar miċ-Ċentri tar-Riżorsi għall-Familja?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-Proġett huwa li jikkontribwixxi lejn it-tnaqqis tal-faqar fil-familji u individwi li jagħmlu parti minn gruppi żvantaġġati, speċjalment ġenituri waħedhom, persuni b’diżabilitajiet, ex-detenuti, immigranti u nies foqra li jaħdmu. Dan se jsir permezz ta’ proċessi ta’ tagħlim tal-kompetenzi soċjali neċessarji, biex ikunu jistgħu jadattaw lilhom infushom għall-ħajja fis-soċjetà in ġenerali, inkluż biex ikunu impjegati u jintegraw ruħħhom fil-post tax-xogħol. Biex dawn il-mekkaniżmi jseħħu, huwa fundamentali li jkunu involuti l-atturi kollha relevanti f’livelli reġjonali u lokali b’importanza b’mod partikulari għall-Kunsilli Lokali. Ser jiġu stabbiliti ċentri għall-iżvilupp soċjali f’kull reġjun li hawn Malta (n.b. ir-reġjuni huma maqsumin kif inhuma stabbiliti mil-Eurostat). Permezz tal-kontribut mgħoti wkoll mill-NGO’s, Kunsilli Lokali u ghaqdiet soċjali, ser jigi identifikati “hot spots”. F’dawn il-hot spots ser jigu mwaqqfa Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja li se jkunu qegħdin jirrispondu speċifikament għall-problemi soċjali identifikati f’dawn l-areas. · Tmienja u għoxrin persuna ser ikunu mħarrġa bħala ‘Social Mentors’. · Permezz tal-proġett ha tiġi kkumpilata database dwar il-persuni b’diżabilita’ sabiex din tkun tista’ tiġi użata għall-abbozzi u inċentivi oħra f’dan il-qasam. · Minn tal-inqas 20 NGO ser itejbu l-pjan strateġiku tagħhom. · Minn tal-inqas 200 persuni li jiddependu fuq is-servizzi soċjali ser jibbenefikaw minn programm ta’ tahriġ mnehdi minn dan il-proġett. Għal-perjodu ta’ 8 xhur dawn il-persuni ser ikunu qegħdin jipprovdu servizzi ġo entitajiet soċjali taħt s-supervizjoni tas-Social Mentors. Apparti l-benefiċċji soċjali li diġa qegħdin jircievu, huma ser jiġu mogħtija kontribut finanzjarju għas-servizzi tagħhom. Dan il-proġett ser jiġi mmexi mis-Sur Stephen Vella (Senior Manager, Corporate Services FSWS) .

Programm LEAP – Introduzzjoni taċ-Ċentri tar-Riżori għall-Familja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif u b’ liema mod il-programm LEAP se jservi ta’ pjattaforma għall-introduzzjoni taċ-Ċentri tar-Rizorsi għall-Familja?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett LEAP ser jestabilixxi Ċentri għall-iżvilupp soċjali f’kull reġjun li hawn Malta (n.b. ir-reġjuni huma maqsumin kif inhuma stabbiliti mil-Eurostat). Permezz tal-kontribut moġħti wkoll mill-NGO’s, Kunsilli Lokali u ghaqdiet soċjali, ser jigi identifikati “hot spots”. F’dawn il-hot spots ser jigu mwaqqfa Ċentri tar-Riżorsi tal-Familja li se jkunu qegħdin jirrispondu speċifikament għall-problemi soċjali identifikati f’dawn l-areas.

Post inabitabbli – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kellha post rekwizizzjonat u meta żvojta u ngħata lura, kien fi stat inabitabbli u allura għamlet talba li jiġi rritornat fl-istat oriġinali?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi se jigi diskuss fil-Bord tal-Awtorità tad-Djar.

Qtugħ ta’ benefiċċji

Question

Tista’ l-Ministru tara għala l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament inqatgħalha l-benefiċċju tal-mard minn Marzu li għadda, u tara li dan ikun ripristinat mill-aktar fis?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tikkwalifika għall għajnuna għal mard hemm test tal-mezzi skont il-liġi tas-sigurta soċjali li tispeċifika li persuna waħedha ma tistax taqbeż €14,000 kapital. Mhux aċċettat li persuna tiddisponi minn kapital biex tiġi tikkwalifika għal għajnuna għal mard.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tispjega jekk tfajla single li tirrisjedi ma’ ommha (u ommha hi legalment separata) u liema xebba kienet tirċievi l-unemployment benefit, għala d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Ġunju 2013 infurmaha li se jkollha tirrifondi l-għajnuna għal disimpjieg peress li “mhijiex il-Kap tal-Familja”? Huwa korrett li jingħad li t-terminu “kap tal-familja” hu applikabbli biss meta tittratta ta’ koppja miżżewġa u mhux ta’ tfajla li tirrisjedi ma’ ommha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xebba li tgħix m’ommha ma tistax tiġi meqjusa li hi l-kap tal-familja. Hija l-omm li hi meqjusa l-Kap tal-familja.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara fiex wasal il-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema mal-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jirrizultax li wasal rapport mill-persuna indikata għand l-Awtorità tad-Djar. Madanakollu qed tittiehed nota tal-każ imsemmi sabiex issir spezzjoni mit-teknici tal-Awtorità f’qasir zmien.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li għandha problema biex tirranġa r-residenza tagħha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser issir spezzjoni sabiex jiġi verifikat ix-xogħol li sar min-naħa tas-Sinjura li se tintalab ukoll biex tersaq għall-iffirmar tal-ftehim fuq l-għotja li l-Awtorità tad-Djar ser tagħti lilha. Fil-fatt nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Jannar, din is-Sinjura ġiet mitluba sabiex tiġi tiffirma dan il-ftehim. Tali appuntament ġie kkonfermat mis-Sinjura ukoll. Hekk kif ix-xogħljiet approvati mill-Awtorità jiġu verifikati kollha li tlestew, l-Awtorità tad-Djar ser tkun f’pożizzjoni li toħroġ il-pagament.

Adozzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru adozzjonijiet kull sena mis-sena 2005 sal-lum u mil-liema pajjiżi saru dawn l-addozzjonijiet f’kull sena?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-figuri li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra jaghtu rendikont tan-numri ta’ tfal li gew adottati fil-pajjizi rispettivi tagħhom. L-informazzjoni ta’ meta dawn l-adozzjonijiet gew registrati fil-qorti Maltija tinsab il-Qorti.

Tiswijiet f’residenza – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha li applikat għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar fir-residenza tagħha mill-2012 u għadha qed tistenna?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sinjura li għaliha qiegħda issir referenza, saritilha l-ispezzjoni fid-9 ta’ Jannar 2014 fejn ġie vverifikat li x-xogħlijiet tlestew. Fil-ġranet li ġejjin is-Sinjura se tintalab sabiex tiġi l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-kuntrattur li għamel ix-xogħlijiet sabiex ikun jista’ jsir il-pagament kontra l-irċevuti fiskali.

Single parents – għajnuna soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm single parents matul is-sena 2013 li kienu intitolati għal għajnuna soċjali? Tista’ tgħid kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa? Tista’ tgħid kemm minnhom kellhom wild wieħed, tnejn, tlieta u aktar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni single parents li kienu intitolati għal għajnuna socjali matul is-sena 2013 kien ta’ 3,399 persuna. 3,356 persuna kienu nisa filwaqt li 43 persuna kienu rġiel. Single Parents Numru ta’ tfal 2,282 nisa 1 37 irġiel 1 810 nisa 2 3 irġiel 2 202 nisa 3 3 irġiel 3 45 nisa 4 13 nisa 5 3 nisa 6 1 mara 7

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — Millennium Development Goals

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-involviment tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħha fejn għandhom x’jaqsmu il-Millennium Development Goals (MDGs)? Tista’ tgħid jekk sarux xi rapporti dwar l-MDGs mis-sena 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, tista’ tqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid jekk hemmx xi persuna jew persuni li huma responsabbli mill-MDGs u min huma? X’inhuma l-issues preżenti u futuri li qed isir jew se jsir xogħol fuqhom?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi Ministeri li jmexxu programmi li jaqgħu taħt il-Millenium Development Goals tal-Gnus Magħquda u għalhekk l-Onor. Interpellant jista’ jaghmel referenza għat-tweġibiet li ngħataw dawn il-Ministeri għad-dettalji tax-xoghol li qed isir. F’dan il-kuntest, flimkien mal-Ministeri l-oħra, il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali wkoll jagħti l-kontribut tiegħu kull meta jiġi mitlub jagħmel dan mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, inkluż għar-rigward tal-eradikazzjoni tal-povertà estrema u l-guħ fid-dinja.

Elezzjonijiet – għajnuna lil kandidati b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hix se tibqa’ tingħata għajnuna lill-kandidati b’diżabilità li jikkontestaw elezzjoni ġenerali jew elezzjoni tal-Parlament Ewropew?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuna li tirċievi pensjoni tad-diŻabilita’, li tikkontesta elezzjoni ġenerali jew elezzjoni tal-Parlament Ewropew, tibqa tirċievi l-pensjoni.

Benefiċċju tal-qagħad – każ ta’ individwu

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6141, tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu peress li kien jaħdem full-time self-employed iżda għal xi raġuni tniżżel li qiegħed jaħdem part-time minkejja li kien iħallas bolla ta’ full-time u issa għandu problema sabiex jieħu l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Ħal Qormi — lift f'appartamenti

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4954 u tara li jibda x-xogħol fuq il-lift fl-appartamenti li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament peress li minkejja li r-residenti ilhom li applikaw mis-sena 2008 u għandhom il-permessi approvati x-xogħol għadu ma bediex? Tista' tara li din is-sitwazzjoni tiġi riżolta minħabba l-fatt li hemm numru ta’ anzjani u nies oħra li qegħdin ibatu minn nuqqas ta’ aċċessibilità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari se tingħata f’seduta oħra.

Problema ta’ housing – każ ta’ persuna

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6074, fejn it-tweġiba kienet li l-persuna inkwistjoni m’għandhiex applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva, tista’ l-Ministru tgħid x’ġara mill-applikazzjoni (li l-irċevuta tagħha, datata 23 ta’ Settembru 2010 qed tingħata separatament) u għaliex l-Awtorità m’għandhiex rekord ta’ din l-applikazzjoni?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u ammendat l-applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Din l-applikazzjoni kienet ġiet ikkanċellata peress li l-applikanta naqset li tiġi tammenda l-applikazzjoni fuq l-indirizz il-ġdid. L-istess applikazzjoni reġgħet ġiet ri-attivata fit-3 ta’ Diċembru, 2013.

Benefiċċju tal-Qagħad – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li mhux qed jirċievi l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-persuna msemmija qed taħdem allura mhux intitolat li jirċievi benefiċċju ġa la darba mhux qed jirreġistra fuq l-ewwel parti tar-reġistru. Pero jista jkun li l-persuna għad għandha xi pretenzjonijiet ta’ arretrati qabel beda jaħdem. Jingħad ukoll li għal dan il-perijodu, l-istħarriġ tad-Dipartiment għadu mhux konkluż.

Benefiċċju tal-Qagħad – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li mhux jirċievi l-benefiċċju tal-qagħad?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ntbagħtilha ċ-ċekk din il-ġimgħa u ġiet infurmata b’ittra.

Servizz ta’ kura lill-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm intgħażlu sodod mill-privat biex jagħtu servizz ta’ kura lill-anzjani? Kemm kien hemm rispons għas-sejħa li ħareġ il-Ministeru? F’liema lokalitajiet kienu dawk li rrispondew? Kemm minnhom intgħażlu u fejn? Xi prezzijiet hu mistenni li jitħallsu għal dan is-servizz?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess għadu għaddej u mistenni jiġi ffinalizzat fil-ġimgħat li ġejjin. Għaldaqstant ikun prematur li nikkummenta qabel isiru negozjati diretti ma’ min ġie short listed. Fir-rigward ta’ prezzijiet dawn għad iridu jiġu nnegozjati u waqt li dawn mistennija jkunu fuq livelli mħallsa fuq kuntratti eżistenti, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensittiva. Dwar ir-rispons għas-sejħa li ħareġ il-Gvern, nirreferi lill-interpellant għall-mistoqsija parlamentari 5131.