Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali – PPP ta’ latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom PPP tal-latrini pubbliċi? Jista’ jgħid kif saret is-sejħa u kemm huwa s-sehem tal-kunsill lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'seduta oħra.

Qrati Maltin – maġistrati/imħallfin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jinħtieġu maġistrati/imħallfin biex ilaħħqu max-xogħol tal-Qrati Maltin?

Response (BONNICI, OWEN)

Sabiex ngħinu lil Maġistrati u Imħallfin ilaħħqu max-xogħol tal-Qorti, mhiex kwistjoni biss li nżidu iktar membri tal-ġudikaturi. L-effiċjenza tas-sistema tista' titjieb b'riżultat ta' emendi legali li qed nagħmlu, kif ukoll ta' tisħiħ ta' riżorsi li ser joffru assistenza diretta lil ġudikatura, bħal l-impjieg riċenti tal-guristi. Iżda, huwa minnu ukoll li kellna nuqqas ta' membri ta' ġudikatura kemm fil-kamp ċivili kif ukoll f'dak kriminali, u dan aħna bdejna nindirrizzawh bid-diversi ħatriet li għamilna dawn l-aħħar snin. Nafu ukoll li hemm qrati partikolari li jeħtieġu aktar membri tal-ġudikatura sabiex ileħħqu aħjar max-xogħol li għandhom. L-istatistika tindika li hemm bżonn ta' aktar riżorsi f'dawn il-qrati: Kamp Ċivili: - Qorti tal-Appelli Ċivili Superjuri - Qorti Ċivili Prim'Awla - Qorti tal-Maġistrati Kamp Kriminali: - Qorti tal-Appell Kriminali Inferjuri

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali –segretarjat -

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux etiku li impjegat fis-Segretarjat tiegħu juża l-email tax-xogħol u l-kuntatti tal-Kunsilliera, biex jirreklama programm personali tiegħu fuq stazzjon politiku?

Response (BONNICI, OWEN)

M’hemm ebda impjegat fis-segretarjat tiegħi li għandu programm politiku. Madankollu niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-kuntatti tal-kunsilliera huma pubbliċi.

Kunsill Lokali Xgħajra – privat b’xejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Kunsill Lokali tax-Xgħajra ma tax il-permess tiegħu biex isir privat b’xejn lit-tfal tax-Xgħajra fil-garaxx tal-Kunsill li jissejjaħ ‘Ċentru Soċjali’ li jinsab fi Triq San Ġakbu x-Xgħajra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li d-deċiżjoni ttieħdet fuq riżoluzzjoni ta’ għaxar snin ilu illi jagħmel attivitajiet għat-tfal tax-Xgħajra matul is-Sajf biss, kemm lezzjonijiet privat kif ukoll crafts u story telling u anke tagħlim tal-computer. Dan fil-fatt isir matul is-Sajf biss peress li kif jintemm is-Sajf it-tfal imorru lura l-iskola.

Kunsilli lokali – live streaming tal-laqgħat tal-kunsill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-Kunsilli Lokali li għad m’għandhomx fis-seħħ is-sistema ta’ live streaming għal-laqgħat tal-kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, ir-Rabat Għawdex, il-Gudja, San Ġiljan, San Ġwann, San Lawrenz u x-Xgħajra għadhom ma bdewx jitrasmettu l-laqgħat tagħhom bil-live streaming.

Dipartiment tal-Gvern Lokali — Memo 22/2015 – Cultural Activities

Question

B’referenza għall-Memo 22/2015 – Cultural Activities tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-fond għall-attivitajiet kulturali għas-sena 2015? Liema kunsilli applikaw? Min ma ġiex aċċettat u għaliex? Liema kunsilli ħadu, kemm ħa flus kull kunsill u x’kienet l-attività? Meta saret jew se ssir din l-attività?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fond allokat skond Memo 22/2015 kien ta’ 70,000 ewro li kif kien isir dejjem dan il-fond jittieħed mill-allokazzjoni tas-sena konsekuttiva. Is-Segretarjat dehrlu li kellu jirrimedja din is-sitwazzjoni u kien għalhekk li għas-sena d-dieħla l-applikazzjonijet se jintalbu għal perjodu kalendarju ta’ bejn Jannar sa Dicembru. Jiġifieri għal din is-sena biss intalbu applikazzjonijiet għal attivitajiet għax-xahar ta’ Diċembru. Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra telenka l-Kunsilli li applikaw. Peress li l-Kumitat sarulu diversi talbiet sabiex il-Kunsilli Lokali li l-attivita’ tagħhom ma ġietx aċċettata ma nistgħux nikkonkludu din il-lista qabel ma jsiru dawn il-laqgħat. Intant Tabella B li ukoll qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra telenka kemm ħa flus kull kunsill u d-dettalji tal-attività.

Kunsilli Lokali – Ambaxxaturi taż-żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-ambaxxaturi taż-żgħażagħ f’kull kunsill lokali? Jekk hemm kunsill li m’għandux ambaxxatur taż-żgħażagħ, jista’ jgħid għalfejn u/jew meta dan jew din se tinħatar?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex għall-ewwel parti tal-mistoqsija jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 20701, filwaqt għat-tieni parti tal-mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant, li kull meta jkun hemm ambaxxatur li jagħlaq it-tmintax-il sena il-Kunsill Lokali jkollu jagħmel sejħa oħra sabiex jinħatar ambaxxatur taż-Żgħażagħ ieħor li jkollu l-eta’ ta’ 16-il sena.

Qorti ta’ Għawdex – court attorneys

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mal-Maġistrati li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex u li jagħmlu xogħol li f’Malta jsir mill-Imħallfin, humiex se jiġu maħtura court attorneys? Jekk iva, meta hu l-ħsieb li jinħatru dawn il-court attorneys biex iservu fil-Qorti ta’ Għawdex fil-Ġurisdizzjoni Superjuri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ma huwiex eskluż li jkun hemm Court Attorney assenjat mal-Maġistrati li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex fil-Ġurisdizzjoni Superjuri.

Reġjuni li qed jakkumulaw dejn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi reġjuni li minkejja li ilhom imwaqqfa minn Settembru 2011 għadhom qegħdin jakkumulaw dejn li mhuwiex sostenibbli? Jista’ jgħid kemm huwa d-dejn akkumulat u jekk hemmx xi ħsieb li din il-problema tkun indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kumitati Reġjonali ta’ Malta li huma ma għandhom l-ebda dejn akkumulat jew dejn ieħor. Skond l-audited reports tal-2014, il-working capitals tal-Kumitati Reġjonali huma kif ġejja: Tramuntana €1,009,678 Ċentrali €3,532,196 Xlokk €680,531 Nofsinhar €1,435,489 Ghawdex - €180,425 Infurmat li l-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex għandu dejn akkumulat ta’ madwar 300,000 ewro. Din hija sitwazzjoni inkwetanti ħafna u li kieku ma waqqafniex l-Aġenzija għall- Infurzar Lokali li mill-1 t’Ottubru 2015 assumiet ir-rwol ta' regolatur ewlieni dwar l-infurzar lokali kieku is-sitwazzjoni finanzjarja kienet tkompli sejra għall għar. Id-dejn akkumulat huwa wieħed allarmanti u r-Regjun ghandu jsib mezz kif dan id-dejn jibda jinqata.

Kunsilli Lokali — Libreriji Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Kunsilli Lokali li ħadu f’idejhom il-librerija tal-lokal? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawk il-kunsilli li m’għandhomx librerija f’idejhom ikollhom librerija lokali taħt ir-responsabilità tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 51 librerija pubblika amministrata mill-Kunsilli Lokali. Kull Kunsill Lokali jista’ jagħmel it-talba għal devoluzzjoni tal-librerija tal-lokal u din tiġi kkunsidrata mill-awtoritajiet konċernati.

Kunsilli Lokali/reġjuni/Kumitati amministrattivi – applikazzjoni għall-iskema tal-attivitajiet kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali/reġjuni/kumitati amminsitrattivi li applikaw għall-iskema tal-attivitajiet kulturali? Jista’ jagħti raġuni għaliex kien hemm numru ta’ kunsilli lokali li ma ħadux flus minn din l-iskema minkejja li applikaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li matul is-sena 2014 kien hemm 90 applikazzjoni għall-iskema ta’ Attivitajiet Kulturali. Dawn l-applikazzjonijiet iddaħħlu minn tlett Kumitati Reġjonali, 53 Kunsill Lokali u erbgħa Kumitat Amministrattivi. L-applikazzjonijiet inqasmu kif ġej: 4 applikazzjonijiet saru minn Kumitati Reġjonali, 80 applikazzjoni minn Kunsilli Lokali u 6 applikazzjonijiet minn Kumitati Amminsitrattivi. Minn dawn ġew approvati 53 applikazzjoni; 4 minn Kumitati Reġjonali, 45 minn Kunsilli Lokali u 5 minn Kumitati Amministrattivi. L-applikazzjonijiet kienu evalwati minn Kumitat li huwa magħmul minn rappreżentant tal-Ministeru, mis-Segretarjat Parlamentari, mill-Kunsill tal-Arti, mill-Awtorita’ tat-Turiżmu, mid-Direttorat tal-Kultura u mill-Valletta 2018. L-applikazzjonijiet kienu kollha evalwati mill-Kumitat li mexa fuq il-linji gwida li kienu mibgħuta lill-Kunsilli Lokali. Matul din is-sena kien hemm attenzjoni partikolari fuq dawk l-attivitajiet li għandhom jistgħu jissaħħu u jitqiesu bħala attivitajiet li għandhom livell sodisfaċenti u li jistgħu ikunu parti mill-attivitajiet tal-Valletta 2018. Il-Kumitat qiegħed jaħdem ħafna sabiex il-Kunsilli Lokali jgħollu il-livell ta’ dawn l-attivitajiet u kien għalhekk li saru numru ta’ seminars u laqgħat individwali sabiex ikunu megħjuna jorganiżżaw attivitajiet ta’ kwalità. Għalkemm kien hemm 37 attività li ma kienux aċċettati minħabba li ma laħqux il-livell mixtieq, membri mill-Kumitat iltaqgħu mar-rappre¿entanti ta’ dawn il-applikanti. Filwaqt li spjegawlhom ir-raġuni għaliex l-attività tagħhom ma kinitx magħżula, offrewlhom l-għajnuna sabiex meta jerġgħu japplikaw, ikunu f’poziżżjoni aħjar li l-attività tagħhom tkun ta’ suċċess.

Kumitati reġjonali – rwol fil-funzjoni tal-Gwardani Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Kumitati Reġjonali fir-rigward tal-funzjoni tal-Gwardjani Lokali? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li r-reġjuni jissaħħu u jekk iva, kif jista’ jsir dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitati Reġjonali se jkollhom ir-rwol li jaraw x’inhuma il-ħtiġijiet tal-Kunsilli Lokali u se jkollhom kull opportunità li jressqu proposti lill-Aġenzija tas-Sistema tal-Infurzar Lokali. Ir-Reġjuni se jkollhom laqgħat regolari mal-amministrazzjoni tal-Aġenzija u dan sabiex ikun hemm koordinament fl-operat tas-sistema. Intant il-Ministeru bħalissa għaddej b’eżerċizzju ħalli jistabbilixxi l-aħjar mod li l-Kumitati Reġjonali jistgħu jsiru iktar relevanti għaċ-ċittadini fil-hajja ta' kuljum tagħhom.

Kunsilli lokali – trażmissjoni live

Question

Jista l-Minisru jgħid kemm huma l-kunsilli lokali li jittrażmettu live l-laqgħat tagħhom fuq l-internet, u jekk hemmx il-ħsieb li kull kunsill lokali jittrażmetti live il-laqgħat tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 61 Kunsill Lokali li qegħdin jittrażemttu “LIVE” il-laqgħat tagħhom fuq l-internet. Minn dawn il-61 Kunsill Lokali hemm 49 f’Malta u 12 f’Għawdex. Wieħed jista’ jidħol fuq il-website www.lc.gov.mt u hemm hekk isib il-lista ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li qegħdin jittrażmettu il-laqgħat tagħhom. Id-dipartiment flimkien mas-segretarjat se jibqgħu jagħmlu kull sforz sabiex kull Kunsill Lokali jittrażemtti “LIVE” il-laqgħat tiegħu. Jekk ikun hemm Kunsilli Lokali li jibqgħu jirreżistu din l-iskema allura ma jkunx hemm triq oħra ħlief li dawn nobligawhom bil-liġi sabiex ikunu konformi mal-Kunsilli Lokali l-oħra. Il-Gvern huwa impenjat li jara li l-Kunsilli Lokali iwettqu l-ħidma tagħhom bl-akbar trasparenza possibli. It-trażmissjoni “LIVE” tal-laqgħat tal-Kunsilli Lokali hija skema li l-Gvern nieda u ta’ il-finanzjament għaliha lill Kunsilli Lokali. Permezz ta’ din l-iskema il-Gvern huwa tal-fehma li in-nies isegwu aħjar u jkunu eqreb lejn il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.

Kunsilli Lokali – Kuntratti ta’ ġbir ta’ skart skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom kuntratti ta’ ġbir tal-iskart skaduti? Kemm kien stmat il-valur ta’ dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid x’azzjoni qed jieħu jew se jieħu sabiex jekk dan in-nuqqas jeżisti jkun indirizzat?

Response (BONNICI, OWEN)

Minn informazzjoni provduta mill-Kunsill Lokali nfushom jirriżulta li hemm ħmistax-il Kunsill Lokali li għandhom kuntratti ta’ ġbir tal-iskart skaduti. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija LESA — kera ta' uffiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20627, jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il sena ġie mikri l-ex Xandir Malta mill-Local Enforcement System Agency (LESA)? Jista' jippubblika l-kuntratt li sar? Jista' jgħid u jagħti breakdown ta' kif, fejn u mingħand min inxtraw bi €30,000 xogħlijiet ta' refurbishment?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Aġenzija LESA li l-kundizzjonijiet maqbula tal-kirja tal-post huma ta' kirja ta' 450 metru kwadru fil-fond insemmi li qiegħed jinkera b’€80 fis-sena għal kull metru kwadru, għal terminu ta' tlett snin. Fil-post saru xogħlijiet ta' refurbishment li fost l-oħrjan kienu jinkludu membrane, tgħamir elettroniku u sistema ta’ air conditioning.

Wardens — Ċitazzjonijiet - Ġbir ta' flus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 20626, jista' l-Ministru jgħid jekk, wara li jinġabru l-flus pendenti taċ-ċitazzjonijiet li jkunu deċiżi u li jkunu ngħataw mill-wardens sal-aħħar ta' Settembru 2015, dawn hux se jinżammu mil-Local Enforcement System Agency (LESA) jew jingħataw lir-reġjuni jew lill-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Aġenzija LESA li s-sistema għandha tkun diskussa bejn l-istakeholders ikkonċernati hekk kif stipulat f’ Artikolu 3(2) tal- Avviż Legali 153/2015.

LESA — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20625 u jgħid min huma l-impjegati li jaħdmu fil-Local Enforcement System Agency (LESA) u x’pakkett finanzjarju għandu kull impjegat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ħafna mill-informazzjoni diġa' ngħatat waqt l-aħħar seminar organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li għaliha l-Onor. Agius kien preżenti li pero' nifhem li sar wara d-data tat-tqegħid tad-domanda. Kif ġie spjegat diġa', il-LESA assumiet ir-responsabbilita' tar-regolamentazzjoni tal-infurzar lokali fl-1 t'Ottubru li għadda. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija huwa s-Sur Raymond Zammit li għandu salarju ta' 25 fil-mija ta' dak li kien jitħallas wieħed biss mill-Uffiċjali Awtorizzati li kienu assenjati ma' kull wieħed mill-ħames Reġjuni li għandna. Dan ifisser li d-deċiżjoni favur il-ħolqien tal-LESA hija deċizjoni cost-effective. L-Uffiċjal responsabbli mill-operazzjoni tal-LESA titħallas fuq salarju komparabbli ma' skala 4 tas-Servizz Pubbliku. Dan filwaqt li kull Uffiċjal Reġjonali - li jwieġeb lill-LESA - jitħallas salarju komparabbli ma' Skala 13 tas-Servizz Pubbliku b'arrangament fuq bażi ta' sitt xhur ad hoc mal-operatur fuq mudelli li ġieli intużaw fil-passat li assigura transizzjoni mingħajr skossi. Dan wassal biex ġew frankati iktar flus mill-erarju pubbliku. Fil-frattemp saru t-tħejjijiet għal iktar capacity building taħt il-gwida tal-awtoritajiet relevanti skont l-eżiġenzi tal-Aġenżija fil-limiti ta' dak li hu strettament raġonevoli u meħtieġ.

AKL — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20646 u jgħid kemm-il darba matul din is-sena, iltaqa’ mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali? X’kienet l-aġenda tal-laqgħa u min attenda għal-laqgħa? Inżammu minuti matul dawn il-laqgħat? Jekk iva, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-minuti?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-Segretarju Parlamentari Dr. Stefan Buontempo li huwa nkarigat mill-portafoll tal-Gvern Lokali, żamm kuntatti regolari ma’ AKL jew il-President tal-istess assoċjazzjoni. Ħafna minn dawn il-kuntatti kienu informali iżda b’mod aktar formali inżammu dawn il-laqgħat li ġejjin: Marc Sant 2nd February 2015 Marc Sant 16th February 2015 Mario Fava 22nd May 2015 Mario Fava 25th June 2015 Mario Fava 17th August 2015 Mario Fava 23rd September 2015 AKL 25th September 2015 AKL 15th October 2015 Marc Sant 30th October 2015 Apparti minn hekk jien ltqajt mal-AKL fis-16 ta’ Marzu 2015 kif ukoll fit-2 ta’ Ottubru 2015. F'dawn il-laqgħat s'intendi attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – Berġa ta’ Kastilja — stallazzjoni tas-sistema tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-awtorizzazzjoni li tat is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali biex tiġi installata s-sistema tad-dwal li ġiet stallata f’dawn l-aħħar ġranet fuq il-faċċata tal-Berġa tal-Kastilja? Jista’ jpoġġi wkoll il-kundizzjonijiet li l-istess Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għamlet marbuta mal-istess awtorizzazzjoni għal dan l-istess xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20897.

Kunsill Lokali tan-Nadur – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-snin 2012, 2013 u 2014 sarux direct orders mill-Kunsill Lokali tan-Nadur li jaqbżu l-ammont stipulat bil-liġi? Jekk huwa l-każ, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tagħhom u jekk jinstab li l-ammont ta’ direct orders inqabeż, jista’ jgħid x’azzjoni se tittieħed?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.