Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk minn Jannar sal-31 ta' Ottubru ta' din is-sena kienx hemm każi ta' ksur tal-liġi li tipprojbixxi t-tipjip f'ċerti lokalitajiet bħalma huma karozzi tal-linja, sptarijiet, teatri, ristoranti fost l-oħrajn, li wasslu biex nies jittellgħu l-qorti? Il-pulizija hija obbligata li twaqqaf persuni taħt it-18-il sena milli tpejjep jew dawn ma jistgħux jixtru biss? Kien hemm każi minn Jannar fejn ittieħdu passi legali għaliex żgħażagħ taħt it-18-il sena nqabdu jixtru s-sigaretti jew prodotti oħra tat-tabakk?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' l-2004, kien hemm 42 persuna li nqabdu jpejpu f'postijiet iprojbiti, pero' ma kienx hemm każi ta' bejgħ lill-persuni taħt it-tmintax-il sena. Infurmat ukoll illi l-artikolu 13 tal-Att dwar il-Kontroll tat-Tipjip tat-Tabakk (Kap. 315) jipprojbixxi l-bejgħ, provvista jew tqassam b'kumpens jew b'kull mod ieħor, ta' sigaretti, sigarri, tabakk, prodotti tat-tabakk jew rekwiżiti tat-tipjip lil min ikun għadu ma għalaqx it-tmintax-il sena, jew b'xi mod tħajjar xi persuna bħal dik biex tpejjep.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mill-11-il persuna li tressqu l-qorti din is-sena minħabba ksur tal-liġi li kellhom tfal taħt is-16-il sena fil-ħanut tagħhom, f'liema lokalitajiet kien il-ħanut, kemm instabu tfal fil-ħanut f'kull każ u liema hu l-ħanut? Dawn il-każi għadhom pendenti? Il-pulizija tieħu passi kontra dawk iż-żgħażagħ taħt l-eta' li jkunu qed jiksru l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena il-Pulizija sabet 79 persuna taħt is-sittax-il sena ġewwa postijiet ta' divertiment f'dawn il-lokalitajiet - B'Bugia, Fgura, M'Scala, Rabat, Sliema u San Ġiljan (Paċeville). B'riżultat ta' dan, inbdew proċeduri kriminali kontra 18-il persuna responsabbli minn dawn l-istabbilimenti, liema proċeduri għadhom pendenti. Infurmat ukoll illi l-Pulizija tipproċedi kontra l-proprjetarju li huwa responsabbli li jiżgura li ebda persuna taħt is-sittax-il sena ma tidħol f'lokal ta' divertiment.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9047, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm inħarġu visas għal kull pajjiż imsemmi fil-lista għall-istess perjodu b'mod separat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9056, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema partijiet tax-xtajtiet (foreshore) f'Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paceville, Imsida, u l-Gżira mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku minħabba li m'humiex proprjeta' tal-gvern jew huma proprjeta' tal-gvern imma mogħtija b'encroachment jew xorta oħra? Jista' jagħti dawn id-dettalji permezz ta' pjanta dettaljata lokal b'lokal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul ix-xtajtiet ta' Tas-Sliema, Pembroke, San Ġiljan, Paċeville, l-Msida u l-Gżira hemm diversi partijiet fejn il-Gvern ta' xi konċessjonijiet li jinkludu art biswit il-baħar. Sabiex wieħed jiddetermina l-aċċess għall-pubbliku f'dawn il-partijiet huwa meħtieġ li l-kuntratti relattivi jiġu eżaminati bir-reqqa, xogħol li jirrikjedi ħafna ħin. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid jekk u kemm hemm talbiet għat-twaqqif ta' kunsilli lokali ġodda? Min huma u meta saru tali talbiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talbiet għal Kunsilli Lokali ġodda kienu skond kif murija fit-tabella t'hawn taħt:
Lokalita' li fuqha saret it-talba
Minn min saret it-talba
Meta saret it-Talba
Marsalforn
Kunsill Lokali Żebbuġ, Għawdex
21 ta' Lulju 1997
Madliena
Madliena Residents' Association
17 ta' Ġunju 1994
Baħrija
Fr Martin Caruana OP, Dumnikani Rabat
30 ta' Jannar 1996
Fleur-de-Lys
Kumitat Ċiviku, Fleur-de-Lys
8 ta' Lulju 1994
Ta' min iżid li minn dawn it-talbiet t'hawn fuq dawn il-lokalitajiet kollha, minbarra l-Baħrija, ingħataw l-istatus ta' rħula żgħar (hamlets) u ġew elenkati fid-Disa' Skeda ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħareġ il-permess għall-visa lill-persuna - id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - biex tkun tista' tistudja hawn Malta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba sabiex din il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant terġa' tingħata permess sabiex tidħol Malta qed tiġi proċessata mit-taqsima ta' l-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Din it-talba waslet għand il-Pulizija fit-18 ta' Novembru 2004.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew intavolati kawżi quddiem it-tribunal għall-qsim tal-wirt matul din is-sena u kemm ġew deċiżi kawżi minn dan it-tribunal u min kien li ppresedih?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġiet intavolata kawża waħda quddiem it-Tribunal għall-Qsim tal-Wirt.
Fl-istess perijodu ġew deċiżi erba' (4) kawżi minn dan l-istess Tribunal, li minnhom, tlieta (3) ġew deċiżi mill-Avukat Pierre Lofaro, u waħda mill-avukat Victor Borg Grech.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati kawżi quddiem it-tribunal tat-talbiet iż-żgħar matul din is-sena, kemm ġew deċiżi fl-istess perjodu u min kien li ppresjeda?
Kemm minn dawn il-kawżi kienu kolliżjonijiet? Kemm saru appelli minn dawn it-tribunali?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. L-Onor. Membru għandu aċċess għall-istatistika taċ-Ċivil. L-istatistika tinkludi kemm ġew introdotti (ppreżentati) kawżi quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar matul din is-sena kif ukoll kemm ġew deċiżi (maqtugħa) fl-istess perijodu u mil-liema Aġġudikant.
Ninsab infurmat illi għall-istess perjodu daħlu 337 kawża ġdida f'Malta u 14 f'Għawdex dwar kolliżżjonijiet.
Mill-1 ta' Jannar 2004 sa l-aħħar t'Ottubru 2004 kienu daħlu 46 appell mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Malta) u 5 (Għawdex).
Jistgħu jittieħdu l-passi meħtieġa biex f'kantuniera ta' Triq Brydone, f'San Ġiljan il-partijiet li għadhom ma ngħatawx wiċċ diċenti minkejja li għaddew 18-il sena mindu saret, jitnaddfu sew u ssir bankina biex ma tibqax isservi ta' miżbla għal min jarmi l-iskart fl-inħawi?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il seduta ċivili tinżamm f'Għawdex kull xahar minn kull maġistrat f'ġurisdizzjoni ċivili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-turn ta' Għawdex huwa maqsum kull tliet ġimgħat, jiġifieri jagħmel ħmistax-il ġurnata għassa u f'dawk il-ħmistax jagħmel tmien seduti l-Maġistrat Coppini waqt illi l-Maġistrat Micallef Trigona jagħmel ġimgħa għassa u fiha jagħmel erba' seduti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fis-sigrieti tal-maġistrati hemmx computer għall-użu tal-maġistrat, u jekk hemm kemm-il computer hemm għad-dispożizzjoni tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li għall-ewwel parti tal-mistoqsija, t-tweġiba hija fl-affermattiv. Infurmat ukoll illi hemm għaxar Maġistrati li għandhom żewġ computers għad-dispożizzjoni tagħhom, filwaqt li s-sitta l-oħra għandhom wieħed.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sentenzi mogħtija fiċ-ċivil fil-qorti ta' Għawdex ġew varjati jew mibdula mill-qorti ta' l-appell f'Malta u mill-qorti ta' l-appell f'Għawdex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'każijiet hemm ta' membri tal-ġudikatura li huma investigati dwar xi nuqqas amministrattiv jew ta' imġieba?
Response (BORG, TONIO)
Nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat peress li l-informazzjoni jekk tista' tingħata trid tinkiseb mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm kawżi għadhom mhux appuntati fis-17 ta' Awissu 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' kawżi mhux appuntati sas-17 ta' Awissu 2004 kien ta' 926 u dawn huma mqassma kif ġej:-
Qorti
Ġudikant
Numru ta’ kawżi mhux appuntati sas-17/08/2004
Appell
-
641
Prim Awla (Ċivili)
Imħallef G Caruana Demajo
172
Prim Awla (Ċivili)
Imħallef T Mallia
39
Prim Awla (Ċivili)
Imħallef R C Pace
49
Qorti tal-Familja
Imħallef R C Pace
18
Qorti tal-Maġistrati (Ċivili)
Maġistrat D Montebello
5
Tribunal għal Talbiet Żgħar
Dr J Bonniċi
2
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħwienet tax-xorb u/jew postijiet tad-divertiment li ngħalqu direttament mill-pulizija f’dawn l-aħħar erba’ snin, mis-sena 2000 separatament, talli kisru l-liġi dwar bejgħ ta’alkoħol lil persuni minuri jew ħallew żgħażagħ taħt l-eta` jidħlu fil-post tagħhom? Liema kienu dawn il-postijiet u f’liema lokalita’?
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħatawx xi taħriġ speċjali biex jieħdu ħsieb l-immigranti illegali li jaslu f’pajjiżna u jinżammu taħt il-kustodja tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Minn żmien għal żmien, il-membri tal-Korp tal-Pulizija jattendu diversi seminars u laqgħat oħra li jittrattaw din il-materja, mill-liema laqgħat tinkiseb esperjenza vasta f'dan il-qasam. Barra minnhekk, tul dawn l-aħħar tliet snin li ilha magħna din il-kontinġenza, il-membri tal-Korp tal-Pulizija akkwistaw l-esperjenza neċessarja kif wieħed għandu jittratta bl-aħjar mod din il-problema, kemm fl-interess tal-Immigranti innifishom kif ukoll dwar l-imġieba tal-membri tal-Korp inkarigati mill-kustodja tagħhom.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn immigranti llegali bħalissa miżmuma f’pajjiżna? Kemm minnhom huma taħt it-18–il sena? Kemm minn dawn huma miżmuma f’ċentri magħluqa? Kemm hemm f’ċentri miftuħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 734 immigrant illegali li qed jinżammu mill-forzi tas-sigurta'. Minn dawn hemm 25 li qed jiddikjaraw li għandhom anqas minn 18-il sena. Infurmat ukoll illi kien hemm 750 immigranti oħrajn li ġew provduti akkomodazzjoni ġo open centres wara li ngħataw status ta' refuġjat jew status umanitarju.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ
Is-Sur Godfrey Demarco Reġistratur* Lm8,338 fis-sena, kif ukoll Lm520 petrol allowance + servizz tat-telefon
Is-Sur Paul Crocetta Messaġġier* Lm2,798 fis-sena
Akkademja tal-Pulizija
Is-Sur Joe Gauci Kmandant Lm5,715 fis-sena
Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni
L-Imħallef Albert Manche Chairman* Lm7,472 fis-sena, kif ukoll is-servizz ta' karozza bix-xufier, l-użu ta' mobile, servizz tat-telefon, gazzetti/gazzetti tal-Gvern.
* Bla kuntratt.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew inizjati inkjesti maġisterjali matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru u jgħid lil liema maġistrati ġew assenjati?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi ċivili fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) mill-1 ta' Jannar 2004 sal-15 ta' Ottubru 2004 u jagħti t-tagħrif maġistrat maġistrat?
Response (BORG, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivil. F'dan is-sit hemm kemm ġew deċiżi kawżi ċivili fil-Qorti tal-Maġistrati (Malta) mill-1 ta' Jannar 2004.
L-istatistika hija aġġornata sa l-aħħar t'Ottubru 2004. Kopja qed tiġi hawn annessa.