Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjiegi

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22821?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ f'Diċembru 2000 in-numru ta' rġiel fuq il-61 sena li jaħdmu full-time kien ta' 2,260 filwaqt li dawk jaħdmu part-time kien ta l,903. In-numru ta' nisa fuq is-60 sena li jaħdmu full-time kien ta' 824 filwaqt li dawk jaħdmu part-time kien ta' 561.

Persuni b'Diżabilita'

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22820?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li f'Diċembru 2000, n-numru ta' persuni reġistrati mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ bħala persuni b'diżabilita' li kienu qiegħdin jaħdmu kien kif ġej: Jaħdmu full-time - 1,147 Jaħdmu part-time - 131 In-numru ta' dawk li kienu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol kien 298.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tlestewx l-ispezzjonijiet li d-dipartiment tad-djar kien qiegħed jagħmel fid-djar ta' l-applikanti għall-akkomodazzjoni alternattiva? Jekk fin-negattiv, kemm tlestew s'issa u x'fadal li jiġu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li s'issa tlestew 1,400 spezzjoni Avviżi li ġew lura mill-posta 40 Applikanti li mietu 12 Applikanti li m'għadhomx interessati 120 Ghad baqa' 1,576 spezzjonijiet xi jsiru L-avviżi joħorġu ġimgħatejn bil-quddiem u s'issa ħarġu b'kollox 1,729 avviż.

Djar — Marsaskala

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi kriterji ntużaw fl-avviż 51 ta' l-1995 sabiex jitqassmu djar ġewwa Marsascala u min kien intitolat għalihom? Jista' jgħid ukoll jekk għadx fadal postjiet li m'humiex abitati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kriterji użati taħt l-Avviż Numru 51 ta' 1995 huma dawk indikati fl-istess avviż. F'danl-avviż kienu ħarġu 20 maisonette u kienu riżervati hekk: 4 għall-miżżewġin li minnhom 2 kienu riżervati għall-applikanti li għandhom xi diżabilita' 15 għall-għarajjes li minnhom 2 kienu riżervati għall-applikanti li għandhom xi diżabilita' 1 għall-ġenitur wieħed. L-Awtorita' tad-Djar ser tagħmel spezzjoni fuq dawn il-postijiet biex tivverifika jekk hemmx xi postijiet mhux abitati.

Persuni ta' nazzjonalita' Ċiniża

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' Ċiniża li għandhom il-permess biex jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid fejn qed jaħdem dawn iċ-Ċiniżi u kemm ilhom hawn Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Casual Social Assistants

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Gvern li jingħataw żidiet għall-għoli tal-ħajja is-CSAs - Casual Social Assistants li jaħdmu fid-djar ta' l-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Casual Social Assistants għandhom il-ħlas tagħhom fiss irrespettivament fejn jaħdmu.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tistax tissewwa l-bordura (ċint żgħir) li hemm mad-dawra ta' Fl.2, Block 11A, Triq il-Peprin, S.Ġwann minħabba fil-kundizjoni immermra li tinsab fiha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Reġistru Pubbliku — Abbużi Sesswali / Swat

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin u barranin (skond in-nazzjonalita') tagħhom, li sfaw vittmi ta' abbużi sesswali jew swat matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Abbużi Sesswali / Swat — Għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-Aġenziji, Dipartimenti tal-Gvern u għaqdiet volotarji li qed jgħinu b'xi mod lil vittmi ta' abbużi sesswali u swat? Teżisti statistika ta' rapporti ta' reati bħal dawn imsemmija hawn fuq u mhux għand il-pulizija? Jekk teżisti statistika, x'inhija skond l-abbuż irrapportat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Programm Ħidma Soċjali (SWDP) u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja huma l-entitajiet governattivi, li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, li huma l-aktar involuti fl-għoti ta' servizzi lill-vittmi ta' abbuż sesswali u swat. Hemm dipartimenti oħra li jaqgħu taħt Ministeri oħra, bħal ma huma l-Pulizija, d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni u dak tas-Saħħa, li wkoll jagħtu servizzi relatati ma' dawn l-abbużi. Fin-nuqqas ta' reġistru nazzjonali tal-għaqdiet volontarji li jindika x-xogħol li kull għaqda volontarja tkun qiegħda tagħmel, jien nista nsemmi biss dawk l-għaqdiet li rċevew għajnuna finanzjarja mill-vot provdut fl-Estimi għal Sussidju għall-Istituzzjonijiet Privati. Dawn huma Dar Qalb ta' Ġesu u Dar Merħba Bik. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 20564 f'din l-istess Seduta.

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jirċievu benefiċċji soċjali, bħala perċentaġġ tat-total fil-pajjiż, persuni kategorizzati bħala self-employed? Jista' jagħti breakdown tagħhom, per eżempju, pensjoni ta' l-eta', mard, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tista' tingħata biss fir-rigward ta' l-Allowance tat-Tfal. Madwar 4,846 applikant għall-Allowance tat-Tfal iddikjaraw illi għandhom impjieg full-time bħala self-employed. Dan huwa madwar 12 fil-mija ta' dawk kollha li jirċievu din l-allowance.

Gainfully Occupied — Figuri

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21240, jista' l-Viċi Prim Ministru jispjega kif il-figuri tal-gainfully occupied għas-sena 1999 (Impjegati + self-employed) ma jaqblux mal-figuri ippubblikati mill-ETC, u cioe' tal-ewwel huma aktar? Kif jispjega l-fatt li s-self-employed naqsu b'madwar 300 meta suppost l-ekonomija sejra tajjeb?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, l-informazzjoni mogħtija bi tweġiba għall-Mistoqsija Numru 21240 kienet tirrigwarda n-numru ta' persuni li effettivament ħallsu l-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali filwaqt li l-istatistika ppublikata mill-ETC hi bażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta' l-istess ħaddiema dwar jekk humiex impjegati jew self-employed. Id-differenza bejn iż-żewġ ċifri fejn jirrigwarda s-self-employed turi b'mod ċar kemm hi għaqlija l-istrateġija tal-Gvern preżenti, li sfortunatament mhux dejjem appoġġjata mill-Oppożizzjoni, li jagħmel dak kollu possibbli biex jinforza l-ħlas ta' kontribuzzjonijiet dovuti u jeqred l-abbużi.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm kienet l-ispiża tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-Ministeri u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tal-Ministru għas-snin 1997, 1998 u 1999 sena b'sena separatament? Kemm min dawn il-kontijiet tħallsu u kemm għadhom pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Impjiegi — Reklamar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru 20357 dwar permessi għar-reklamar ta' mpjiegi fil-kampi parastatali, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrikonsidra t-tweġiba peress li skond risposti parlamentari ta' Ministri oħra dawn il-figuri ma jaqblux? Fil-fatt il-figuri huma ferm għola milli dawk mogħtija.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq nikkonferma li l-informazzjoni mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20357 hi dik eżatta. Madankollu nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li kull permess mogħti lil xi korp parastatali setgħa inkluda l-għoti ta' permess għal reklamar ta' aktar minn post tax-xogħol wieħed vakanti.

Tfal — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li ġew abbużati minn vjolenza fiżika u psikoloġika u minn sess matul dawn l-aħħar 10 snin? X'kienu l-etajiet tat-tfal? Kategorija, kategorija? X'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Twelid — Użu ħażin minn sustanzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nisa matul dawn l-aħħar 10 snin li kienu ommijiet u li jew kienu tqal u kienu qed jagħmlu użu ħażin minn sustanzi, sena b'sena u kategorija, kategorija? Kemm kien hemm nisa tqal li waqt it-tqala tagħhom kienu taħt programm ta' riabilitazzjoni? Kemm twieldu tfal minn dawn in-nies fil-perjodu msemmi? Irriżultaw xi diffikultajiet fit-tfal mat-twelid b'konsegwenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li statistika dwar in-numru ta' persuni li għandhom it-tfal u li jabbużaw minn xi sustanza llegali, bdiet tinġabar mill-1999. Matul l-1999 in-numru ta' nisa li attendew l-Aġenzija Sedqa għall-kura kien ta' 104, li minnhom 30 kienu ommijiet u bejniethom kellhom 54 tifel jew tifla. Għoxrin minn dawn it-tfal twieldu matul l-1999 u ħadd minnhom ma twieled b'xi abnormalita'. Matul l-istess sena ma kien hemm ħadd li kien għall-programm ta' rijabilitazzjoni waqt it-tqala. Ninsab infurmat ukoll li l-istatistika dwar is-sena 2000 għada qed tinġabar.

Djar — Kunsill Lokali

Question

B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 11598, jista' l-Viċi Prim Ministru jindika s-servizz previst li jingħata mill-Awtorita' tad-Djar fil-Kunsilli Lokali ta' Bormla, l-Birgu, Senglea u Kalkara tul is-sena 2001?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li uffiċċjali mill-Customer Care Unit ta' l-Awtorita' tad-Djar qiegħdin jattendu l-Kunsill Lokali ta' Bormla kull l-ewwel Tnejn tax-xahar, u l-Kunsill Lokali tal-Fgura kull tieni Tnejn tax-xahar, bejn is-2.00 u l-4.00 ta' wara nofs in-nhar. Bi ftehim mal-Kunsill Lokali ta' Bormla, residenti tal-Birgu, l-Isla u l-Kalkara jistgħu jirrikorru f'dan il-Kunsill biex ikellmu lill-uffiċċjali tal-Customer Care Unit ta' l-Awtorita'.

Mosta — Ta Mlit

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bl-evalwazzjoni li saret dwar il-petizzjoni li ġiet preżentata fil-Parlament għan-nom tar-residenti Mostin tal-Qasam tad-Djar ta' Mlit u tal-madwar? Jista' jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi tat-talbiet tar-residenti peress li r-residenti Mostin qed jiffaċjaw inkonvenjent kbir? Peress wkoll li f'seba snin l-kunsill tal-Mosta ma għamilx embellishment f'dawn l-inħawi minkejja li hemm djun kbar ta' flus akkumulati ta' xogħlijiet li saru fl-inħawi oħra tal-Mosta f'dan il-perjodu u cioe jawtorizza x-xogħlijiet meħtieġa li jaqgħu taħt ir-responsabbilita tad-dekasteru tiegħu sabiex titwettaq ix-xewqa tar-residenti Mostin u l-qasam residenzjali ta' Mlit ma jkomplix jitħalla abbandunat.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninfoma lill-Onor. Interpellant li f'dak li hu xogħol li huwa r-responsbbilita' tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta Djar, f'dawn l-aħħar seba' snin li ilu mwaqqaf id-Dipartiment fiż-żona ndikata fil-Mistoqsija saru 380 biċċa xogħol fosthom tikħil tal-faċċati, tibjid ta' tronob u tiswijiet oħra f'postijiet komuni. Sadanittant bħalissa hemm biss 23 biċċa xogħol pendenti li ġew approvati u għadhom ma sarux. Dawn ix-xogħolijiet għandhom isiru fil-ġimgħat li ġejjin. Inżid ngħid li ħafna minn dawn ix-xogħolijiet saru jew ser isiru b'riżultat ta' konsultazzjoni w laqgħat mas-sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li nsista li jsiru dawn ix-xogħolijiet. Naturalment, id-dipartiment ikollu l-limitazzjonijiet prattiċi li ma jippermettux li jsiru x-xogħolijiet kollha mitluba fi żmien qasir.

Xiri ta' Postijiet tal-Gvern

Question

Billi l-prezzijiet ta' l-ishma lokali ivarjaw sostanzjalment skond l-andament tas-suq, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif u għaliex dawn jiġu kkunsidrati meta jiġi kkalkulat id-dħul tal-familji f'każi ta' xiri ta' postijiet tal-Gvern għal finijiet tas-sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-prezz ta' l-isħma jiġi kkalkulat skond il-valur ikkwotat mill-Borża ta' Malta fil-jum illi jiġi assessjat l-applikant. Dan isir meta jiġi kkalkulat l-assi kapitali (u mhux id-dħul).