Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għad fadal persuni li ngħataw kumpens fi flus minn quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji u għadhom ma tħallsux? Min huma? Kemm għandha tieħu kull persuna? Xi proċedura qed tintuża biex dawn jitħallsu? Jidhirlux li la l-Gvern kellu flus biżżejjed għall-festi, dawn il-persuni għandhom jingħataw il-kumpens li rebħu mingħajr aktar dewmien meta wieħed iqis li dawn ilhom jistennew li ssir ġustizzja magħhom għal numru kbir ta' snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 24 persuna li ngħataw kumpens fi flus mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji u ħlas għadu ma sarx. Minn dawn hemm disgħa każi fejn il-Gvern qed jikkontesta d-deċiżjoni tat-Tribunal fil-Qorti. F’disgħa każi oħra dan l-Uffiċċju qiegħed f’korrispondenza dwar id-deċiżjoni mid-dipartiment jew l-entità li trid tħallas. F’żewġ każi wasal biex isir il-ħlas u erbgħa każijiet oħra għadu kemm inbeda l-proċess li jwassal għall-ħlas tal-kumpens. M’hiex etika li nagħti dettalji ta’ min huma n-nies li għadhom ma tħallsux u kemm għandha tieħu kull persuna. Dwar il-proċedura li tintuża biex jitħallas il-kumpens, ninsab infurmat illi wara li tiġi evalwata s-sentenza tat-Tribunal u jiġi deċiż li ma hemmx każ ta’ ritrattazzjoni u l-Prim Ministru japprova l-ħlas, joħorġu l-struzzjonijiet neċessarji sabiex id-Dipartiment jew l-entità pubblika kif ikun il-każ, jaffetwa l-ħlas dovut.

Convergence Programme 2004-2007

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jirrikonċilja d-dħul relattivament baxx ipproġettat mill-privatizzazzjoni fil-Convergence Programme 2004-2007 meta wieħed iqis l-entitajiet kollha li l-gvern iddikjara li beħsiebu jipprivatizza fosthom il-Maltacom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istima għad-dħul tal-Gvern mill-privatizazzjoni tirrifletti l-valur ta’ l-ishma in kwistjoni kif ikkwotati fil-Borża ta’ Malta xi ftit xhur ilu meta kienu għaddejjin il-preparamenti għat-tkomplija tal-Convergence Programme. Naturalment, kulħadd jifhem li dawn huma biss stimi li ma jillimitawx il-miri tal-Gvern fil-proċess ta’ negozjati li ser iwassal għall-bejgħ ta’ dawn l-ishma, apparti mill-fatt li wieħed irid jikkunsidra l-possibbiltà ta’ negozjati li jdumu biex jiġu konklużi b’mod sodisfaċenti għall-Gvern Malti.

Persuni fi grad ta' principals — Ħarġu bil-pensjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna fil-grad ta' Principal irtirat minn maċ-ċivil fis-sena 2002, 2003 u sa l-aħħar ta' Ġunju ta' din is-sena? Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm minnhom kienu jaħdmu Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ uffiċjali Pubbliċi fil-grad ta’ Principal li rtiraw mis-Servizz Pubbliku wara li laħqu d-data ta’ l-irtirar bejn l-1 ta’ Jannar, 2002 u t-30 ta’ Ġunju, 2004 huma kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt: Data Total Kienu jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex 2002 16 0 2003 15 1 01/01/2004 sa 30/06/2004 10 1

Persuni fi grad ta' principals li mistenni jirtiraw

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna fil-grad ta' principal mistennija li tirtira minn maċ-Ċivil matul il-kumplament ta' din is-sena, fis-sena 2005 u fis-sena 2006? Jsita' il-Prim Ministru jgħid kemm minnhom jaħdmu Għawdex u f'liema Dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta’ uffiċjali pubbliċi fil-grad ta’ Principal li mistennija jirtiraw mis-Servizz Pubbliku mill-1 ta’ Lulju, 2004 sal-31 ta’ Diċembru, 2006, sena b’sena, huma kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt: Data Total Jaħdmu fil-Ministeru għal Għawdex 01/07/2004 sa 31/12/2004 7 1 2005 27 2 2006 25 2

Investment guarantee agreement

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Daniż għat-talba tal-Gvern Malti sabiex jiġi ffirmat investment guarantee agreement mad-Danimarka?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li Malta issa hija stat membru ta’ l-Unjoni Ewropea, kemm il-Gvern Malti u kemm il-Gvern Daniż huma tal-fehma li ma hemmx ħtieġa ta’ investment guarantee agreement bejn żewġ pajjiżi membri minħabba li l-garanziji li għalihom jipprovdi ftehim bħal dan huma diġà parti integrali mill-acquis communautaire.

Servizz Ċivili — Ħaddiema sospiżi minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-gvern sospiżi minn fuq il-post tax-xogħol u xi grad kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal uffiċjali pubbliċi li bħalissa jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. Ninsab infurmat li bħalissa hemm 42 uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dwana — Kuntrabandu tad-diesel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tad-dwana flimkien mal-pulizija dwar allegat kuntrabandu tad-diesel? Meta mistenni li Malta jkollha l-apparat meħtieġ sabiex tinduna b'dan id-diesel illegali fil-pront?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin minħabba l-komplessità tal-kwistjoni. Għat-tieni parti tad-domanda għandi informazzjoni li dan l-apparat huwa mistenni li jasal Malta fil-ġimgħat li ġejjin.

Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Premiums

Question

Ġaladarba biex wieħed isuq vettura jrid ikollu polza ta' assigurazzjoni, il-Gvern għamel xi ħaġa biex jiżgura li l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni, li bil-liġi għandhom suq maħluq għalihom, ma jieħdux vantaġġ minn din is-sitwazzjoni a skapitu tal-konsumatur? Il-Gvern għandu xi kontroll fuq il-premiums li l-kumpanniji ta' l-assigurazzjoni jitolbu? X'inhi l-pożizzjoni tal-gvern dwar l-ilmenti li jidhru ġustifikati ta' sewwieqa tal-muturi dwar żidiet esaġerati mitluba għall-polza tal-muturi? Il-Gvern indaga dwar din is-sitwazzjoni? X'inhu r-riżultat ta' din l-indaġini, jekk saret? Jaf il-gvern li l-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi jidhrilha li l-kumpanniji ta' assigurazzjoni għandhom tendenza li joħolqu cartel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellat illi: 1) is-suq Malti ta’ l-assigurazzjoni huwa wieħed li jimxi fuq il-prinċipju ta’ kompetizzjoni bejn il-kumpanija u għażla tal-konsumatur. Is-suq ta’ l-assigurazzjoni huwa miftuħ għal kull min hu interessat li jaħdem fiħ u li huwa f’pożizzjoni li jaqdi l-obbligazzjonijiet kollha taħt il-liġi sakemm ikompli f’dan il-kummerċ; 2) il-premium huwa wieħed maħdum mill-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni u hemm fatturi varji fuqiex jiġi bbażat per eżempju t-tip ta’ riskju, tibdil fil-liġijiet li jkabbru r-riskju għall-assiguratur, il-claims records tad-detentur tal-polza eċċ. Din hija prattika li teżisti f’kull suq finanzjarju internazzjonali li hu ħieles u liberu; 3) l-ilmenti li rċeviet l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta minn sidien ta’ muturi ġew investigati. Mill-investigazzjoni tagħha jidhru li dawn iż-żidiet huma riżultat ta’ varji fatturi: tibdil fil-leġislazzjoni li għamlet obbligatorja l-ħtieġa li ‘l-pillion rider’ ikun kopert mill-polza ta’ l-assigurazzjoni, il-ħtieġa li kull kuntratt ta’ l-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur għar-riskji tat-terzi persuni ikun awtomatikament estiża biex tkopri inċidenti li jiġru ġewwa l-Ewropa u EEA states. Numru ta’ kumpaniji barranin ta’ l-assigurazzjoni li jiktbu dan it-tip ta’ riskju m’għadhomx joperaw f’Malta; 4) l-indaġini tal-prezzijiet tal-‘premiums’ hija materja li taqa’ taħt l-Uffiċċju dwar Kompetizzjoni Ġusta. L-awtoritajiet finanzjarji ma jistgħux jieħdu azzjoni dwar spekulazzjonijiet ta’ presunt kartel u barra minn hekk il-liġi tassenja responsabbilta’ għal din il-materja lill-Uffiċċju dwar Kompetizzjoni Ġusta.

Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Poloz ta' l-assigurazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, peress li għal ħabta ta' April l-awtorita' Maltija dwar is-servizzi finanzjarji, l-MFSA, kienet qalet li kienet talbet lil waħda mill-kumpanniji ta' assigruazzjoni biex tispjega l-pricing policy tagħha u dan minħabba żidiet fenomenali fil-poloz ta' assigurazzjoni tal-muturi li din il-kumpannija bdiet titlob, u għadha qed tesiġi, din l-ispjega ngħatat? Jekk le, l-MFSA fakkrita lill-kumpannija dwar l-ispjega li l-MFSA talbet? Jekk l-MFSA ngħatat din l-ispjega, l-MFSA aċċettata? Jekk aċċettata, l-MFSA se tgħid x'inhi din il-policy biex il-konsumaturi jkunu jafu għaliex qed jiġu mitluba dawn il-premiums, li saru ogħla għall-mutur milli huma għall-karozza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi minn investigazzjonjiet li għamlet l-Awtorità Maltija għas-servizzi Finanzjarji ta’ Malta, jirriżulta li dawn iż-żiedet ġew imposti mill-prinċipal barrani ta’ dan l-aġent Malti. L-aġent tal-kumpanija ta’ l-assigurazzjoni huma marbuta bl-istruzzjonjiet li joħorġu l-prinċipali tagħhom. Mill-investigazzjonijiet jidher ukoll li fis-suq hawn numru ta’ kumpaniji ta’ l-assigurazzjoni oħra li qegħdin joffru assigurazzjoni għall-muturi, u l-premium ivarja minn kumpanija għall-oħra. Il-premium li jiġi mitlub minn kumpanija huwa bbażat fuq fatturi differenti, fosthom hemm tip ta’ mutur li qiegħed ikopri, l-‘claims experience’ tas-sewwieq, l-età tas-sewwieq, eċċ.

Użu ta' muturi minflok karozzi

Question

Peress li l-Prim Ministru kien qal li l-ambjent hu wieħed mill-prioritajiet tal-gvern tiegħu, jista' jgħid jekk jarax aħjar jew agħar għall-ambjent il-muturi mill-karozzi? Jista' jgħid jekk hux beħsiebu jagħmel xi ħaġa biex jinkoraġġixxi l-użu ta' muturi bħalma jagħmlu gvernijiet oħra fl-Ewropa u b'hekk jgħin ill-ambjent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ambjent huwa ċertament priorità għal dan il-Gvern. Dan intwera bil-fatti tul dawn l-aħħar xhur. Għaldaqstant kull inizjattiva li hija fattibbli tiġi kkunsidrata. F’dal-każ partikolari hemm diversi konsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati qabel ma wieħed jikkonkludi li jista’ juża muturi minflok karozzi.

Malta Insurance Association/MFSA — Rapport dwar inċidenti li jinvolvu muturi

Question

Jista' jingħata ħjiel dwar meta se jitlesta r-rapport li ġie kkummissjonat mill-Malta Insurance Association u l-awtorita' Maltija dwar servizzi finanzjarji li se jistabilixxi l-loss records dwar inċidenti li jinvolvu muturi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi r-rapport ġie kkummissjonat mill-Malta Insurance Association (“MIA”) u huwa ko-sponsorizzat mill-MFSA. Ir-rapport qiegħed isir bil-għan sabiex fost affarijiet oħra jiġi stabbilit il-loss records dwar inċidenti li jinvolvu muturi. F’dan ir-rigward nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li x-xogħol fuq dan ir-rapport għadu għaddej, minħabba li hemm involut ħafna xogħol sabiex tinġabar din l-informazzjoni, mill-membri tal-MIA. L-għan huwa li dan ix-xogħol jitlesta fl-iqsar żmien possibbli.

Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Muturi assigurati

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti statistika, not extrapolated, ta' l-aħħar ħames snin, sena b'sena, fuq muturi dwar talbiet li ġew milqugħa u oħrajn li għadhom qed jiġu kkonsidrati? Jista' f'din l-istatistika jgħid kemm kien hemm ħsara lil mutur assigurat fejn dan kien assigurat comprehensively, ħsara ta' proprjeta' lil third parties u korrimenti kaġunati lil third parties?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità għas-servizzi Finanzjarji ta’ Malta ma żżommx l-istatistika fil-format li qiegħed jintalab. L-Awtorità għandha biss informazjoni fuq il-premium u l-claims li jirrigwardaw is-settur kollu tal-vetturi bil-muturi (motor vehicles) li fiha tinkludi l-premium u l-claims tal-muturi (motorcycles). Din l-istatistika ma tiġix maqsuma fit-tip ta’ polza ta’ assigurazzjoni jiġifieri, comprehensive, ħsara ta’ proprjeta’ lil third parties u korrimenti kaġunati lil third parties.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ il-Prim Ministru jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skejjel u entitajiet li jorganizzaw skejjel tas-sajf, fejn tkompli tingħata instruzzjoni f’materji li huma normalment mgħallma matul is-sena skolastika u li jifformaw parti mill-kurrikulu nazzjonali, mhux suġġetti għall-ħlas tal-VAT imam jkunu kkunsidrati bħala persuni eżentati mingħajr kreditu. Iżda, meta persuni jew entitajiet jagħmlu attivatijiet u jagħtu servizzi, bħal per eżempju jieħdu ħsieb tfal biex iderrulhom il-ħin, dawn huma suġġetti għar-rata normali tal-VAT ta’ 18%. Dawn ikunu meħtieġa li jirreġistraw għall-VAT. F’dan ir-rigward, dalwaqt ser jinħarġu struzzjonijiet lil dawk l-iskejjel u l-individwi biex ikun iċċarat kif għandhom jimxu meta jingħataw dawn it-tip ta’ servizzi matul is-sajf jew f’vaganzi oħra matul is-sena.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Biljetti ta' l-ajru

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-dipartimenti, kumpanniji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li f'dawn l-aħħar ħames snin għamlu użu jew għadhom jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament? F'kull każ, kemm kien l-ammont totali involut u jekk intalbux kwotazzjonijiet mingħand aġenti oħra? Jekk intalbu kwotazzjonijiet, liema kienu l-aġenti l-oħra li mingħandhom intalbu l-kwotazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

Kummissjoni Elettorali — Każ dwar votazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6308, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi d-diffikulta' li l-Kummissjoni Elettorali ma tieħux inizjattiva hi sabiex tirranġa din l-istramberija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Elettorali jieħu l-passi meħtieġa malli jkollu rapport. F’dal-każ partikolari malli waslet l-informazzjoni permezz tal-mistoqsija parlamentari numru 6308, saret spezzjoni fuq il-post. Il-persuni konċernati ġew avżati verbalment u b’ittra reġistrata biex jibdlu l-indirizz fuq il-karta ta’ l-identita u fir-reġistru elettorali.

Skejjel tas-sajf — Ħlas ta' 18% VAT

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6307 u cioe' peress li issa ġie kkonfermat li trid titħallas VAT ta' 18% fuq kull tifel u tifla li jattendu skejjel tas-sajf, jista’ jgħid jekk kull skola jew organizzazzjoni li torganizza dawn l-iskejjel tas-sajf trid tirreġistra bħala tali? Meta tkun mistennija li tagħmel il-ħlas tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6307 f’din l-istess seduta.

OPM — Ħlas pendenti lill-kuntratturi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jagħti flus f'xogħol li għamlu l-kuntratturi u li għadhom ma tħallsux u kemm tammonta l-ispiża għal kull kuntrattur sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku u jiċċara għal liema tip ta’ kuntratturi qed jirreferi.

Environmental Landscaping Consortium — Public private partnership

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk kienx hawn xi tibdil fil-membri tal-consortium u fil-kondizzjonijiet tal-kuntratt bejn il-consortium u l-gvern fil-każ tal-public private partnership ma' l-Environmental Landscaping Consortium?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi t-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet magħmula mill-Onorevoli Interpellant hija fin-negattiv.