Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux testijiet (kampjuni) ta' l-arja madwar l-operat tal-Hompesch Steel Co. Ltd ta' Ħal Tarxien?
Jekk fl-affermattiv, x'kienu r-riżultati u jekk il-kampjuni tteħdux waqt it-tqattigħ tal-metall u meta r-riħ kien jonfoħ fid-direzzjoni tar-residenti tal-viċin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-24 ta' April 1997 saret l-aħħar spezzjoni fl-akkwata ta', u ġol-fabbrika ta' Hompesch Steel Company wara lment mill-ġirien ta' l-istess Kumpanija.
Wara rapport li d-Dipartiment tas-Saħħa għamel lill-Kummissarju tal-Pulizija l-persuna responsabbli tressqet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li waqt l-ispezzjoni ma ttieħdux kampjuni mid-Dipartiment tas-Saħħa iżda jirriżulta li ttieħdu kampjuni mid-Dipartiment ta' l-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża petrol għall-karozza Nru. DBB 702 tad-Dipartiment tas-Saħħa bejn Ottubru 1998 u l-aħħar ta' Frar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta' petrol li ntuża għall-karozza Nru. DBB 702 bejn Ottubru 1998 u Frar 1999 kien jammonta għal 596.40 litri, li jlaħħaq is-somma ta' Lm214.48.
Peress li fi żmien gvern preċedenti kienu bdew diskussjonijiet bejn il-gvern u l-knisja biex isir użu minn proprjeta'li hi tal-knisja f'post ċentrali f'Malta ħalli jintuża bħala tarġa oħra biex pazjenti b'mard mentali jiġu riabilitati u ntegrati lura fis-soċjeta', jista' l-Ministru jgħid fiex waslu dawn id-diskussjonijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestew 'Policy paper' u pjan t'azzjoni maqbula bejn rappreżentanti tal-Gvern u tal-Knisja. Qabel ma wieħed jimxi għall-implimentazzjoni qed nistennew li l-awtoritajiet rispettivi japprovaw il-'Policy Paper' u l-pjan t'azzjoni biex nimxu lejn time table t'implimentazzjoni.
Billi qed jinħass il-bżonn li tinfetaħ fi żmien kemm jista' jkun qasir l-acute integrated admission ward maġemb il-FW6 ħalli jittaffew il-problemi ta' l-Admission Ward 2 (irġiel) li għandha numru aktar milli suppost ta' pazjenti, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li tinfetaħ l-Acute Integrated Admission Ward?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlestiet il-Medical Brief ta' Unit integrat akut u bħalissa qed isiru diskussjonijiet biex jiġu determinati l-'options' dwar disinji. Għadu għalhekk ftit prematur li wieħed jikkommetti ruħu dwar dati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi rapportati ta' T.B. minn Ottubru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ottubru 1998 sa llum kellna disa' (9) każi ta' T.B. Minn dawn sitt(6) każi kienu T.B. Pulmonary u tlett(3) każi kienu T.B. Non-Pulmonary. Xahar b'xahar dawn il-każi kienu mqassmin skond kif ġej:
XAHAR T.B. T.B.
Pulmonary Non-Pulmonary
----------------------------------- ----------------
Ottubru 1998 5 1
Novembru 1998 - 2
Diċembru 1998 1 -
Jannar 1999 - -
Frar 1999 - -
Sa 10 ta' Marzu 1999 - -
------------------------------------------------ --
TOTAL 6 3
----------------------------------------------- ---
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pilloli Troligazone jistgħux jingħataw taħt l-iskeda numru ħamsa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pilloli Troglitazone (u mhux Troligazone), id-Dipartiment tas-Saħħa jinsab infurmat li dawn il-mediċini ġew irtirati mis-suq minħabba ħsara li jġibu fil-fwied.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward liema residenti (lokalitajiet) jistgħu jużaw is-servizz mill-klinika ta' Bormla b'mod regolari, ġaladarba din terġa' tinfetaħ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li meta jerġa jiftah iċ-Centru ta' Bormla, se jkun jistħu jinqdew minnhu n-nies ta dawn il-lokalitajiet:
L-Isla
Bormla
Birgu
Kalkara
Zabbar
Marsaskala
Xgħajra
Parti mill-Fgura li għad trid tiġi stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux għal xiri ta' mediċini sa Settembru, 1998? Kemm hemm arretrati li baqgħu ma tħallsux sa Jannar, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-ammont ta' arretrati li kien għad fadal jitħallsu sa 1 ta' Settembru 1998 u 1 ta' Jannar 1999 kien stmat li jlaħħaq skon kif ġej:
Arretrati sa Arretrati sa
01/09/1998 01/01/1999
Lm Lm ---------------- --------------
Arretrati tas-snin preċedenti 955,547 5,308,261
Arretrati tas-sena kurrenti 3,519,941
--------- ---------
Total 4,475,488(circa) 5,308,261(circa)
========= =========
Il-figuri hawn fuq mogħtija, ikopru wkoll, xiri ta' apparat u 'disposables' (Surgical Materials/Prosthetic Orthotic). Dan peress li s-sistema ta' ġbir ta' 'records' ta' l-arretrati ma tippermettix distinzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u mediċinali.
Wara r-rapport li deher fil-paġna ta' quddiem tal-ġurnal tal-Ħadd "The Malta Independent on Sunday dwar ħlas ta' flus biex wieħed jitqabbeż il-lista biex issirlu operazzjoni, jidhirlu l-Ministru li għandu jagħmel l-investigazzjonijiet kollha possibbli nkluż dawk li huma pprovduti fil-liġijiet tar-Repubblika ta' Malta ħalli jara kemm hu veru dan ir-rapport, u jekk jinstab li dan ir-rapport huwa veru jittieħdu l-passi kriminali neċessarji? Jidhirlu l-Ministru li dan il-każ, sar meta sar, m'huwiex biss każ ta' etika medika iżda huwa wkoll wieħed kriminali?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Onor. Interpellant, bħala ex-Ministru tas-Saħħa missu jaf li sakemm id-Dipartiment ma jirċevix 'statements' iffirmati ma jistax jibda jinvestiga, la din l-allegazzjoni u lanqas allegazzjonijiet oħra. Japprezza wkoll li l-ġurnalist li kiseb din l-informazzjoni hu obbligat li, skond il-kodiċi ta' etika ġurnalistika, ma jagħtix dettalji. Għalhekk nieħu din l-okkażjoni biex għal darb'oħra nitlob il-koperazzjoni tal-persuni nvoluti biex jagħmlu l-kuraġġ u jressqu l-ilmenti tagħhom bil-miktub.
B'riferenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari li għamilt tul iktar minn leġislatura waħda f'dan il-Parlament sabiex tiġi rimedjata l-problema ta' ħafna familji Rabtin li jixtiequ jkollhom ċimiterju fil-lokal, jista' l-Ministru jara li jikkordina laqgħa bejn l-uffiċjali u l-Membri Parlamentari tal-lokal sabiex din is-sitwazzjoni li ilha pendenti tant żmien tiġi rimedjata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kif kont wegħedt fir-Risposta Parlamentari Numru 4161 magħmula mill-istess Onor. Membru, jien tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex issir laqgħa mad-Deputati Parlamentari kollha tat-12 il-Distrett sabiex tinstab soluzzjoni dwar is-sitwazzjoni msemmija.
Din il-laqgħa ġiet iffissata 3 ġimgħat qabel ma l-Onor Interpellant għamel id-domanda. Fil-fatt din il-laqgħa inżammet id-Dipartiment nhar l-Erbgħa 24 ta' Frar fil-11.30 ta' filgħodu u d-deċiżjonijiet ġew ikkomunikati lill-pubbliku permess ta' 'Press Release' Nru. 261 datata 25 ta' Frar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-1998 kemm kien hemm nies li marru jfittxu l-kura għad-dipendenza mid-droga fiċ-Ċentru tad-Detox ta' Malta u Għawdex separatament?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddi din id-domanda lill-Onor. Ministru tal-Politika Soċjali u l-Onor. Ministru għal-Għawdex rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun ir-rwol tal-Project Management fil-kuntratt ta' Design and Build fl-isptar il-ġdid f'Tal Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-rwol tal-'Project Management' fil-kuntratt ta''Design & Build' tiġi stabilita meta x-xogħol fuq il-'Memorandum of Understanding' ikun aktar avanzat.