Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sixth Framework Programme — National Contact Points

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7461?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-lista ta' nies li qed iservu ta' National Contact Points (NCPs) fuq is-Sixth Framework Programme (FP6) li ġejjin mill-kamp akkademiku, mis-settur pubbliku u minn dak industrijali ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-NCPs jintgħażlu abbażi ta' għarfien tas-settur patikolari kif ukoll ta' kompetenza fil-kommunikazzjoni. Mhux mitlub li min jokkupa din il-kariga jkollu esperjenza diretta fis-suġġett, għalkemm din tgħin. Dawk li jintgħażlu jingħataw taħriġ mill-Kummissjoni Ewropea u anki mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li tinkludi persuni mill-kamp akkademiku, mis-settur pubbliku u minn dak industrijali.

Kunsill Malti għall-isport

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk l-entitajiet li l-kunsill Malti għall-isport qiegħed jamministra? Kemm hemm impjegati mal-kunsill fil-preżent u x'inhu x-xogħol tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Isport qiegħed jamministra l-Kumpless Sportiv Kottonera, il-Kumpless Sportiv Marsa u l-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq. Il-lista tal-ħaddiema ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Malti għall-isport

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi li ġew allokati lill-kunsill Malti għall-isport għal din is-sena finanzjarja? Kemm intnefqu s'issa matul din is-sena? Jista' jelenka fiex intnefqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-fondi allokati huma dawk kif jidhru fl-Estimi u sa l-aħħar ta' Settembru 2004 intefqu Lm582,234 f'pagi u salarji, spejjeż operattivi u għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet sportivi.

Ħ'Attard — Skola primarja - librerija pubblika

Question

Jista' il-Ministru jara li l-librerija pubblika fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard li bħalissa qiegħda fejn il-klassijiet tal-kindergarten, titneħħa minn hemm għax qiegħda toħloq riskju kbir għas-sigurta' ta' dawn it-tfal żgħar peress li hi aċċessibbli għall-pubbliku waqt il-ħin ta' l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill qed jiltaqa' mal-Kap ta' l-iskola biex il-librerija tiġi allokata post aktar 'l ġewwa fl-iskola.

Mellieħa — Skola primarja

Question

Peress li wasluli rapporti ta' ħsarat serji fl-istruttura ta' l-iskola primarja tal-Mellieħa, jista' il-Ministru jivverifika n-natura ta' dawn il-ħsarat u jekk jirriżulta li hemm bżonn it-tiswijiet fil-bini jgħid meta se ssir din it-tiswija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li rapport li sar mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada f'Novembru tas-sena l-oħra, kien jindika xi ħsarat fil-blajjet ta' fuq it-twieqi tal-faċċata. Madankollu, dawn il-ħsarat ma jaffetwawx l-istruttura ta' l-iskola. Minn dak iż-żmien l'hawn, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ħarġet tender għal bdil ta' dawn il-blajjet, li fil-preżent qiegħed jiġi pproċessat.

Rabat — Skejjel primarji - tfal tal-kindergarten

Question

Jista' il-Ministru jgħid min għandu l-kuntratt biex iġorr it-tfal tal-kindergartenlejn l-iskejjel primarji tar-Rabat, Malta? Jista' jgħid x'tip ta' karozza juża għal dan il-ġarr? Jirriżulta li qed tintuża karozza bil-bieb miftuħ u li t-tfal jinġarru ma' tfal ta' eta' ikbar minnhom? Min kellu l-kuntratt qabel u x'tip ta' karozza kien juża u x'inhuma r-raġunijiet li dan il-kuntrattur m'għadux jitħalla jġorr tfal tal-kindergarten?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kuntrattur li jġorr tfal tal-kindergarten lejn l-iskola Primarja tar-Rabat huwa l-Public Transport Association. Il-karozzi li jintużaw huma xarabanks li jintużaw għall-ġarr tal-passiġieri (tal-linja). Kienu qed jintużaw xarabanks li xi wħud minnhom kellhom bibien u oħrajn li ma kellhomx. It-tfal tal-kindergarten qed jinġarru ma' tfal li jattendu l-Iskola Primarja A tar-Rabat jiġifieri ma' tfal ta' eta' bejn ħames u seba' snin. Informat ukoll li l-għaqda tal-Mini Buses kienet tipprovdi s-servizz flimkien mal-Public Transport Association. Ir-raġuni li tneħħiet il-Mini Bus kien minħabba l-fatt li xarabank hija biżżejjed għan-numru ta' tfal li jeħtieġu s-servizz. Ninsab informat li sar arranġament biex it-tfal li jattendu l-iskola A tar-Rabat (jiġifieri tal-kindergarten u tfal bejn ħames u seba' snin) jitwasslu bix-xarabank tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li għandha il-faċilita' ta' bibien li jingħalqu.

Kulleġġ Madre Tereża — Studenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li din is-sena jidħlu 30 biss għall-kors tan-Nursing fil-livell tad-diploma meta s-soltu jitħallew jidħlu 120? Għaliex lill-istudenti li għaddew mill-eżamijiet tal-Kulleġġ Madre Tereża l-ewwel qalulhom li se jdaħħluhom imbagħad għarrfuhom li mhux se jdaħħluhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Ġejt informat mill-Universita' (IHC) li d-deċiżjoni għan-numru limitat ta' l-istudenti għall-kors tan-nursing fil-livell ta' Diploma ittieħdet wara diversi laqgħat u diskussjonijiet li saru matul dawn l-aħħar snin. Informat li fost il-fatturi li ġew konsiderati hemm il-fatt ta' l-ammont kbir ta' studenti tan-nursing (550) li qed jistudjaw fl-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, u l-pariri akkademiċi li ngħataw mill-eżaminaturi esterni li n-numru kbir ta' studenti li qed jistudjaw ġewwa l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, għandu effett negattiv fuq l-istaff student ratio u n-numru ta' placements li huma disponibbli għal dawn l-istudenti biex kull wieħed u waħda minnhom ikopru 2,200 siegħa biex jotjenu r-reġistrazzjoni ta' infermiera. Għar-rigward tat-tieni mistoqsija, informat li f'dawn l-aħħar snin l-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa, permezz taċ-Chairman u d-Direttur, dejjem kien qrib il-Prevocational School u f'diversi laqgħat mal-Kapijiet u l-Għalliema ta' din l-iskola, kif ukoll fil-preżenza ta' uffiċjali għolja mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ġie diskuss u anke miftiehem li l-istudenti tal-Prevocational School kellhom jiġu preparati għall-eżamijiet nazzjonali (Sec) biex b'hekk jinfetħu l-orizzont għal dawn l-istudenti u ma jibqgħux jiġu ppreparati biss għad-dħul fil-korsijiet tad-Diploma offruti mill-Istitut għall-Ħarsien tas-Saħħa.

Dipartiment ta' l-edukazzjoni — Revision of paper

Question

Peress li r-riżultati tar-revision of paper qed joħorġu wara li jsiru r-resits, ma jaħsibx il-Ministru li jkun jagħmel iktar sens li r-revision of paper għandha tingħata qabel biex l-istudent ikun jista' jipprepara ruħu aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Tista' l-Onor. Membru tispeċifika għall-liema riżultati qed tirreferi.

Universita' — Kors tal-Mediċina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 6874?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fakulta' tal-Mediċina ma tgħat l-ebda avviż li qed tikkonsidra tirrevedi r-rekwiżiti għad-dħul fil-kors tal-mediċina. Kieku kellu jkun hemm xi tibdil li jaffetwa l-preparazzjoni tal-kandidati għad-dħul fil-kors, l-Universita' hi obbligata tagħti notifikazzjoni sentejn qabel jibda l-kors.

Kumpannija IPSL — Ex-ħaddiema tat-Tarzna

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra dwar dawk l-impjegati li kienu jaħdmu maż-żewġ tarznari u li issa ġew trasferiti mal-kumpannija IPSL, għal finijiet ta' l-ETC taħt liema grad huma mniżżlin? Għadhom bl-istess grad li kienu meta kienu għadhom jaħdmu mat-Tarzna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dawk l-impjeagati li kienu jaħdmu maż-żewġ tarznari u li issa ġew trasferiti mal-kumpanija IPSL, ġew trasferiti mill-Korporazjoni bl-istess grad li kellhom mat-Tarzna.

Impjiegi — Liġi dwar relazzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pariri legali ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika dwar kuntratti definiti meta hemm xi employers li qed jabbużaw minn dawn it-tip ta' kuntratti għal skopijiet tagħhom biex jaħarbu mill-obbligi tal-liġi dwar relazzjonijiet industrijali billi lill-istess impjegat joqogħdu jagħtuh kuntratt definittiv ripetutament?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-kwestjoni hi regolata mill-avviż legali numru 429/2002 li jirregola l-kuntratt ta' servizz għal terminu ta' żmien fiss. Dan l-avviż legali jipprovdi qafas legislattiv biex jindirizza abbużi li jista' jkun hemm fit-tiġdid suċċessiv ta' kuntratti definiti.

Skejjel — Studenti li jabbuża mid-droga

Question

Jista' il-Ministru jispjega x'miżuri ta' prevenzjoni qegħdin jittieħdu mill-iskejjel u mid-dipartiment ta' l-edukazzjoni kontra l-abbuż tad-drogi minn studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li s-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe Schools Programme li huwa unit fi ħdan it-Taqsima ta' Student Services fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni jorganizza seminars għall-istudenti u lezzjonijiet fil-klassi, speċjalment ma' studenti tal-forms 3-4-5. Parti mill-programm ta' prevenzjoni jinkludi staff developmental programmes, in-service training lill-għalliema biex jkunu mgħarfa bil-proċedura miktuba fil-policy nazzjonali ; Tackling Substance Abuse - Procedure for Schools. Parti mill-kurrikulu ta' l-iskejjel jinkludi suġġetti bħal PSD, Home Economics, Reliġjon u Studji Soċjali li fis-sillabi tagħhom jkopru dan is-suġġett. Parti essenzjali huwa l-involviment tal-ġenituri fil-proċess edukattiv u formattiv taż-żgħażagħ. Dan jinkludi laqgħat għall-ġenituri, drammi u fora li fihom jiġu diskussi temi relatati mas-suġġett tad-droga. Fl-aħħarnett dan kollu huwa megħjun mill-kooperazzjoni sħiħa bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Aġenzija governattiva Sedqa li jipprovdu programmi speċifiċi fl-iskejjel dwar l-abbuż tad-drogi. Fil-fatt id-diviżjoni għandha għalliema li huma sekondati ma l-istess aġenzija.

MCST

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7457?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) uża dawn is-servizzi ta' konsulenti barranin matul dawn l-aħħar erba snin : PREST - Institute of Research in Science and Technology, fl-Universita' ta' Manchester. PREST kienu tqabbdu sabiex jgħinu lil MCST fl-eżerċizzju ta' awditjar tar-riżorsi nazzjonali fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija. Ix-xogħol sar fl-2002 u kien jinkludi rapport dwar l-operat ta' l-istess MCST. Tħallsu : Lm9,239 BIT - Kumpanija Awstrijaka li tispeċjalizza fit-taħriġ ta' preparazzjoni ta' proposti għall-fondi Ewropej. Tqabbdu sabiex jgħatu taħriġ fil-kitba ta' proposti u fl-immaniġjar ta' proġetti Ewropej. Tħallsu : Lm1,838 HYPERION - Kumpanija ta' konsulenza u taħriġ fil-qasam ta' l-immaniġjar ta' proġetti Ewropej. Tqabbdu biex jgħatu taħriġ lil entitajiet lokali u persuni involuti fil-Programm ta' Riċerka Ewropea (FP6). Tħallsu : Lm1,605 ZENITH Gmbh - Zenith tqabbdu sabiex jgħinu fit-twaqqif ta' l-ewwel Innovation Relay Centre (IRC) f'Malta. Huma kienu ġew rakkomandati mill-Kummissjoni Ewropea bħala l-aktar IRC li kien għamel suċċess fl-Ewropa. Ix-xogħol sar bejn April ta' l-2002 u Marzu ta' l-2004. Tħallsu : Lm19,311

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7456?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-proġetti Ewropej li l-MCST qed tmexxi bħalissa huma : Boost MT - proġett maħsub biex isaħħaħ il-parteċipazzjoni ta' entitajiet Maltin fil-Programm ta' Riċerka Ewropew (FP6). Proġett fuq 3 snin u li beda f'April 2004. Ideal-IST - proġett maħsub biex jgħin kumpaniji involuti fl-IT biex ikunu jistgħu jixtħu proposti għal-Ewropej taħt l-FP6. Proġett fuq sentejn u li beda f'Mejju 2004. IST-Mentor - proġett maħsub biex jgħin kumpaniji ta' l-IT li jkunu ħadu fondi Ewropej taħt l-FP6 biex ikunu jistgħu jisfruttaw aħjar il-benefiċċji ta' dawn il-fondi. Proġett fuq sentejn u li beda Frar 2004. FOR-Society - proġett li jgħin biex jiġu żviluppati metodi ta' pjannar fit-tul imsejħa Foresight. Proġett fuq sentejn u li beda f'Awissu 2004. Innovation Relay Centre (IRC) - Proġett maħsub biex jipprovdi għajnuna lil SMEs biex jiksbu teknolġija ġdida. SMEs go life science - proġett maħsub sabiex jgħin SMEs li huma involuti f'riċerka fil-qasam biex jiksbu teknoloġija ġdida. Train-net futures - proġett maħsub sabiex jgħati taħriġ lil min ikun qed imexxi proġetti ta' riċerka fl-oqsma tas-saħħa. Proġett fuq sentejn u li beda f'Lulju 2004. Hemm ukoll xi proġetti żgħar oħra li qegħdin fl-aħħar tagħhom u li ilhom għaddejin madwar sentejn. Il-proġetti msemmija hawn fuq, (minbarra l-IRC) huma kollha finanzjati mill-Kummisjoni Ewropea u Malta ma toħroġ xejn għalihom. L-IRC huwa finanzjat mill-Kummisjoni Ewropea (50%) u Malta (50%). Is-sehem ta' Malta huwa ta' madwar Lm35,000 fis-sena għal-erba snin. In-naħa Maltija hija magħmula mill-MCST u mill-Malta Enterprise. Fuq livell Nazzjonali : RTDI Programme - programm maħsub biex jiffinanzja proġetti ta' riċerka, kemm dik basika kif wkoll dik applikata. Dan il-programm huwa maqsum fi tlett kategoriji u minnu jistgħu jibbenefikaw kemm akkademiċi kif wkoll l-industrija.

Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Chairman

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 7454, jista' il-Ministru jgħid jekk ġietx milqugħa t-talba tas-Sur Peter Diacono li ma jkomplix fil-kariga? Fil-każ li din ġiet milqugħa, jista' jgħid min inħatar minfloku?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fl-affermattiv. Il-Gvern qiegħed fil-proċess li jimla l-vakanza maħluqa.

Sixth Framework Programme — National Contact Points

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7463?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol li jwettqu l-NCPs jikkonsisti fid-disseminazzjoni ta' informazzjoni li toħroġ mill-Kummissjoni Ewropea dwar opportunitajiet fi ħdan il-proġett ta' Riċerka FP6. L-NCPs ukoll iservu ta' konsulenti għal kull min jikkwalifika biex jipparteċipa fl-FP6. Dan jagħmluh billi jipprovdu informazzjoni u iservu ta' gwida sabiex jiffaċilitaw il-partiċipazzjoni ta' entitajiet lokali. L-NCPs iservu wkoll ta' sensara u jressqu Partners Ewropej lejn entitajiet lokali u viċi versa sabiex jinħolqu Consortia li jipparteċipaw fi proġett ta' riċerka. F'dan l-aħħar 4 snin saru numru ta' attivitajiet pubbliċi ta' disseminazzjoni u numru akbar ta' laqgħat ma' entitajiet individwali li kellhom l-iskop li jinfurmaw u jħeġġu aktar parteċipazzjoni fil-programm. Sal-lum, bejn l-FP5 u l-FP6, entitajiet Maltin issieħbu f'mhux anqas minn 75 proġett, bi dħul ta' aktar minn 5 miljun Euro.

Ħamrun — Skola sekondarja Maria Assunta

Question

Jisa' il-Ministru jgħid jekk jafx bil-kwantita' ta' ġrieden u toilets maħmuġin li hemm fl-iskola sekondarja ta' Maria Assunta u x'qed isir biex jingħelbu dawn il-problemi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ittieħdu u qed jittieħdu l-miżuri meħtieġa dwar iġene u indafa u li s-sitwazzjoni mhix kif deskritta mill-Onor. Membru.