Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23717 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita — Dipartiment tal-Farmaċija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22794, x'mekkaniżmi interni u esterni qed juża d-dipartiment tal-farmaċija biex jara li l-istudenti li jattendu l-kors tal-farmaċija qed jilħqu l-istess livell akkademiku u prattiku milħuq f'pajjiżi Ewropej u l-Istati Uniti? Jikkonferma li dan il-livell huwa l-istess livell milħuq f'pajjiżi Ewropej u fl-Istati Uniti? Il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jiżgura li kors tal-farmaċija lokali jilħaq id-direttivi u rakkomandazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea fuq il-korsijiet tal-farmaċija? X'jgħidu dawn l-istess direttivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Leg 9 PQ #23718 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Dipartiment tal-Farmaċija

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22802, jista' l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija jiddeskrivi dawn l-affarijiet fuq il-korsijiet tal-farmaċija fir-Renju Unit: id-dewmien ta' dan il-kors tal-farmaċija, x'iridu jagħmlu l-istudenti biex jingħataw warrant u għaliex inbidel t-titlu tal-kors tal-farmaċija? Il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija qatt ressaq rakkomandazjonijiet ta' natura akkademika jew prattika fil-farmaċija quddiem l-organi jew l-persuni kompetenti universitarji u kien respint? Ir-rakkomandazzjonijiet li tressqu mill-fakulta' quddiem is-senat dwar it-tibdil tat-titlu fil-kors tal-farmaċija jaqgħu taħt dan? Fuq liema bażi qatt seħħ respint? Fl-opinjoni tiegħu, il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija x'jirripreżenta f'għajnejn l-Universita'

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713.
Leg 9 PQ #23811 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Streaming

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex, minkejja li fl-iskejjel primarji jsir l-istreaming, il-karti ta' l-eżamijiet ikunu l-istess?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-differenzjar f'eżami biex jagħmel tajjeb għad-diversita` fl-abilitajiet tat-tfal tista' ssir sew b'karti differenti kif ukoll b'karti iggradati. Fis-sistema preżenti l-karti li jiġu miċ-ċentru huma ggradati.
Leg 9 PQ #23916 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Bullying

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar u x'qed isir biex il-każi ta' bullying li ġieli seħħew fl-Iskola Ġuże Galea, Ħal Qormi jiġu kkontrollati? X'qed isir biex il-bullies jiġu mogħtija l-għajnuna biex joħorġu minn din il-problema u x'qed isir biex jiġu mħarsa t-tfal l-oħra li jistgħu jispiċċaw vittmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kap ta' l-Iskola ġie kkuntattjat u qal li l-każi kollha qegħdin taħt il-kontroll tiegħu. Saru wkoll kuntatti mal-Counsellor ta' l-Iskola u mal-membri tal-'Protect', u dawn qalu li ebda każ ma ġie rreferut lilhom mill-Iskola Ġuże` Galea ta' Ħal-Qormi.
Leg 9 PQ #23925 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Raħal Ġdid — Pace Grasso

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex jintlaħaq xi forma ta' arranġament jew ftehim ma' l-M.F.A sabiex il-ground ta' Pace Grasso f'Raħal Ġdid ikun jista' jibda jintuża mit-tfal ta' l-iskejjel tal-faċċata ta' dan il-ground li m'għandhomx spazju biżżejjed fejn jilagħbu jew jirrikreaw rwieħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18884 fuq is-suġġett. Informat li għadha għaddejja korrispondenza bejn is-Segretarju Parlamentari u l-Malta Football Association biex l-MFA tħallas il-kera dovut għall-użu tal-Ground Pace Grasso u biex l-istudenti ta' l-iskola Ġuże` Damato jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan il-ground mingħajr ħlas.
Leg 9 PQ #23926 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ġudja — Kapella ta' Sta. Luċija

Question

Jista' l-Ministru jara li jintlaħaq xi forma ta' arranġament sabiex il-kapella ta' Sta. Luċija, fil-bidu tal-Ġudja, tinfetaħ għall-pubbliku (anke jekk jeħtieġ bi ftehim mal-knisja)

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kappella ta' Santa Luċija li tinsab fil-konfini tal-Kunsill Lokali ta' Santa Luċija, hija propjeta` tal-Knisja (propjament hija propjeta` tal-Kapitlu tal-Kattidral). Din il-Kappella rurali li nbniet fis-seklu 16 hija ta' importanza arkitettonika kbira billi hija eżempju tajjeb, u pjuttost rari, ta' stil ta' bini vernakulari Malti. Billi l-propjeta` tal-Kappella m'hijiex f'idejn il-Gvern, id-Dipartiment tal-Mużewijiet ma jistax jagħmel arranġamenti għall-ftuħ ta' dan il-bini storiku. Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet se jagħmel kuntatt ma' l-awtoritajiet tal-Knisja sabiex jiġi stabbilit jekk xi forma ta' arranġament jista' jintlaħaq sabiex dan il-monument jiġi kkurat u apprezzat mill-pubbliku.
Leg 9 PQ #23957 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior College — Dixxiplina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura tad-dixxiplina fil-junior college fuq l-istudenti? Jista' jgħid taħt min taqa' d-dixxiplina? Jista' jgħid jekk mit-twaqqif tal-junior college sa issa kienx hemm studenti li tkeċċew? Jista' jgħid minn liema korsijiet tkeċċew u għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-dixxiplina fuq l-istudenti fil-kulleġġ jieħdu ħsiebha il-Prinċipal u l-Viċi Prinċipal. Madanakollu huma jikkonsultaw ma' l-istaff akkademiku, l-Assistent Reġistrar u l-Bord tal-Junior College biex jeżerċitaw l-awtorita` tagħhom. Biex jieħdu ħsieb iż-żamma ta' l-attendenza, il-Prinċipal u l-Viċi Prinċipal jikkonsultaw kontinwament mal-Bord tal-Junior College, is-Subject Coordinators u l-Assistent Reġistrar. Bħala regolamenti u kondotta waqt l-eżamijiet ta' l-aħħar tas-sena, biex l-istudenti jitilgħu mill-ewwel għat-tieni sena, il-Junior College jimxi f'kollox mas-sistema ta' l-Universita`. Dawn jaqgħu taħt ir-responsabbilta` ta' l-Assistent Reġistrar li jirrapreżenta r-Reġistrar ta' l-Universita`. Minn mindu twaqqaf il-Junior College ma kien hemm ebda student li tkeċċa.
Leg 9 PQ #23990 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Premju tal-Ktieb

Question

Rigward il-premju tal-ktieb, jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sena 2000 ġewx ippremjati dawk li ppubblikaw kotba fl-1998? Jista' jgħid meta ser joħorġu l-applikazzjonijiet ħalli jingħataw il-premju tas-sussidji dawk li ppubblikaw kotba fl-1998 u fis-sena 2000 rispettivament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li f'Novembru 2000 ġew ippremjati kotba li ġew ippubblikati fl-1998. Qed jittieħdu passi biex jiġi organizzat il-premju tal-kotba li ġew ippubblikti fl-1999 u fl-2000.
Leg 9 PQ #23995 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dar San Ġużepp

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-Gvern jirranġa l-pitch tal-football ta' Dar San Ġużepp, il-Ħamrun, liema talba issa ilha tiġġedded minn sena għal oħra mill-1993 u meta, fin-nuqqas ta' postijiet simili ta' rikreazzjoni fl-inħawi, f'dan il-ground isir fost oħrajn it-taħriġ kuljum ta' għexirien ta' tfal li jattendu n-nursery u tat-team tal-football tat-tieni diviżjoni ta' Santa Venera?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Ground tal-Football ta' dar San Ġużepp, Santa Venera huwa proprjeta` tal-Knisja. Ilhom għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera, rappreżentanti tal-Club tal-Football ta' Santa Venera Lightings u Santa Venera Football Nursery u d-diriġenza tad-Dar dwar it-tiswijiet meħtieġa. Sal-lum għadu ma ntlaħaqx ftehim finali bejn l-entitajiet kollha dwar ix-xogħol u l-finanzjament tiegħu, iżda informat li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #24002 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Caretakers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li supervision li kienu jagħmlu l-caretacers fl-iskejjel tal-gvern fil-primarja mhux se jibqgħu jitħallsu tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma kien hemm ebda kambjamentfil-kundizzjonijiet li jirregolaw is-supervision.
Leg 9 PQ #24088 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Laboratory Attendant

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa n-numru ta' siegħat ta' overtime li ħadmet l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija, laboratory attendant, fid-Dipartiment tal-Farmaċija fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar? Jista' jgħid jekk għanduk permess li jagħmel xogħol barrani? Jista' jgħid jekk għandux permess li jagħmel xogħol barrani waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24089 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita'

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma l-informazzjoni li għandi li wara li daħal ir-Reġistratur ta' l-Universita' daħlu warajh l-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija bħala impjegati full-time fl-Universita' ta' Malta.

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn Diċembru 1991, l-Universita` għamlet 1191 ħatra, fosthom tat-tlett persuni indikati, għalkemm mhinix f'pożizzjoni li nikkonferma r-relazzjoni ta' l-aħħar persuna ndikata. F'kull każ jien assigurat li m'hemm l-anqas l-iċken ħjiel ta' irregolarita` fil-ħatra tat-tlett persuni indikati u għalhekk ma nifhimx għal liema raġuni saret id-domanda sakemm l-Onor. Membru ma jridx jimplika li persuni li b'xi mod, fil-qrib, jew mill-bogħod direttament jew indirettament ikunu relatati ma' xi uffiċjal ta' entita` pubblika għandhom ikunu preklużi milli japplikaw u jiġu konsidrati għal ingaġġ ma' l-Universita`.
Leg 9 PQ #24090 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-membri mhux akkademiċi fl-Universita' ta' Malta li ngħataw allowance (mhux qualification allowance) mis-sena 1996 'l hawn sena b'sena? 1. Kemm hi l-allowance ta' kull wieħed minnhom? 2. Għal-liema raġuni ngħatat jew għada tingħata din l-allowance?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista ta' membri ta' l-istaff mhux akkademiku li ngħataw allowance (mhux qualification allowance) mis-sena 1999 'l hawn sena b'sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24091 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid: 1. Kemm ingħataw flus kapitali u rikorrenti fid-dipartiment tal-farmaċija fl-Universita' ta' Malta f'dawn l-aħħar għaxar snin? 2. Xi proġetti ta' riċerka qegħdin għaddejjin bħalissa? 3. Min qed jagħmilhom? 4. Kemm ħarġu papers?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni għall-ewwel parti tal-Mistoqsija qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra. Rigward it-tieni, it-tielet u r-raba' parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23713 f'Seduta 506.
Leg 9 PQ #24092 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta — Farmhouse

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-farmhouse tal-mediterranean institute fl-Universita' ta' Malta hix qed tintuża bħala residenza?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-farmhouse tal-Mediterranean Institute fl-Universita` ta' Malta mhix qed tintuża bħala residenza.
Leg 9 PQ #24093 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki akkademiċi tar-reġistrar, Director of Finance, Librarian, u l-estates & works manager fl-Universita' ta' Malta? Taħt liema sejħa għall-applikazzjoni kull wieħed minn dawn ġie appuntat?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li (bil-premessa li ħatriet ma jsirux biss fuq kwalifiċi akkademiċi partikularment meta l-pożizzjoni tkun ta' natura amministrattiva, anke għaliex il-kwalitajiet meħtieġa ma jitkejlux biss bil-kwalifiċi akkademiċi, u dan hu aċċettat u pprattikat f'kull organizzazzjoni kemm fis-servizz pubbliku kif ukoll f'azjendi privati) il-kwalifiċi akkademiċi ta' l-uffiċjali msemmija huma:- Ir-Reġistratur: Ċertifikat ta' għalliem u Diploma in Education (Administration and Management). Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta' Reġistratur kienet ħarġet fis-27 ta' Awissu 1991. Direttur tal-Finanzi: Diploma in Business Law and Accounting. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta' Direttur tal-Finanzi kienet ħarġet fit-22 ta' Awissu 1997. Direttur tal-Bibljoteka: Baċillerat u Liċenzjat (Master's) fit-Teoloġija (B.D. & Lic. D) mill-Universita` ta' Malta u Master in Library and Information Science (M.A.) mill-Universita` ta' Sheffield fl-Ingilterra. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post tad-Direttur tal-Bibljoteka ta' l-Universita` kienet ħarġet fit-22 ta' Awissu 1997. Estates & Works Manager: M.A. Cost Engineer, M.R.I.C.S. (Bldg) Member of Institution of Chartered Surveyors (London - 15 years), MSc Facilities Management (Edin). Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta' Estates & Works Manager kienet ħarġet fl-24 ta' April 1996.
Leg 9 PQ #24094 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-kuntratti li ngħataw mill-precincts Office ta' l-Universita'? Kemm kienu jammontaw? Kemm kien hemm minnhom direct orders? Min ha dawn il-kuntratti u għal liema xogħol

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24095 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm direct orders u kemm ingħataw minnhom dawn l-aħħar sentejn fl-Universita' ta' Malta? Kemm kienu jammontaw b'kollox? Liema kienu dawk il-kumpaniji li ħadu id-direct orders?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #24096 Sitting 506 2001-03-05 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Administrative Assistant

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija li jaħdem fl-Universita' ta' Malta bħala clerk se jingħata l-promozzjoni ta' administrative assistant biex wara dan ikun trasferit għaċ-Ċentru ta' l-Universita' f'Għawdex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna indikata ma ngħatatx promozzjoni ta' Administrative Assistant "biex wara jkun trasferit għaċ-Ċentru ta' l-Universita` f'Għawdex". Il-persuna ndikata applikat wara sejħa pubblika għal applikazzjonijiet minn persuni ggradwati u ntgħażlet għax għandha l-kwalifiċi u l-kapaċitajiet meħtieġa. L-Universita` timla' l-postijiet li jkun hemm vakanti skond il-ħtieġa b'dawk il-persuni li jkunu l-aktar adatti biex jimlew dawk il-postijiet.
Leg 9 PQ #23687 Sitting 505 2001-02-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Katakombi Paleo-Kristjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jittieħdu passi biex jiġi mħares il-katakombi paleo-kristjan fl-inħawi tar-Ragħad fl-Imġarr ta' Malta għax qed jiġi vandalizzat u meqrud?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jinvestiga l-każ, biex jieħu miżuri adekwati għall-ħarsien tas-sit.