Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – Kunsill Skolastiku fl-iskejjel primarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom rappreżentant fil-Kunsill Skolastiku fl-iskejjel primarji tal-lokal tagħhom? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ħadd minnhom li huwa wkoll il-President tal-Kunsill skolastiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kunsilli lokali – attivitajiet – aċċessibilità għal kulħadd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-attivitajiet li jorganizzaw il-kunsilli lokali humiex aċċessibbli għal kulħadd? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kunsilli lokali jingħataw inċentiv sabiex jorganizzaw dawn l-attivitajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Kunsilli Lokali jiġu mħeġġa dejjem sabiex l-attivitajiet organizzati minnhom ikunu aċċessibli għal kulħadd. Kważi kull Kunsill Lokali jipprovdi għal dan is-servizz pero’ hemm uħud minnhom li saħansitra jorganizzaw transport speċjali biex jinkoraġġixxu aktar parteċipazzjoni. Hemm 4 Kunsilli Lokali li ipparteċipaw fil-proġett pilota għal persuni b’diżabilta, 18-il Kunsill li ipparteċipaw fl-iskema CIES u 31 Kunsill li pparteċipaw fl-iskema A+Accessibility Award. Il-Kunsilli Lokali jingħataw diversi inċentivi sabiex jorganizzaw attivitajiet fejn uħud minnhom huma immirati purament għal dan il-għan. Fost dawn insibu l-A+Accessibility Award, skema li tippromwovi l-ugwaljanza u id-diversita’ li qed isir b’koordinament mas-Segretarjat Parlamentari għad-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita Attiva.

Kunsilli lokali – attivitajiet sportivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li matul is-sena 2012, 2013 u 2014 organizzaw attivitajiet sportivi fil-lokal tagħhom? Jista’ jgħid minn huma dawn il-kunsilli lokali u x’kienu l-attivitajiet li ġew organizzati?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul is-sena 2012--2013 kien hemm 26 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming u Half Marathon. Matul is-sena 2013-2014 kien hemm 36 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming, Half Marathon u Mixjiet fil-Kampanja. Matul is-sena 2014/2015 kien hemm 34 Kunsilli Lokali li orgnaizzaw diversi attivitajiet sportivi. Il-Lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-attivitajiet li kienu organizzati kienu jvarjaw u kienu jinkludu: Hip Hop, Table Tennis, Zumba, Aerobics, Pilates, Festa tfal & Sports fest, Fun Day, Walking Bus, Fitness Classes, Swimming, Half Marathon, Mixjiet fil-Kampanja, Beginner Dive Courses, Water Fun Park u Self Defence for Children.

Inkjesti Maġisterjali

Question

B'riferenza għal dak li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal fil-Kamra fis-Seduta 325 tas-16 ta' Novembru 2015, wara l-Istqarrija Ministerjali dwar l-inċident li seħħ f'Paceville, u ċjoè b'mod partikolari li fil-passat il-Gvern kien ippublika r-riżultati ta' Inkjesti Maġisterjali wara l-inkjesti li saru fiż-żewġ każijiet u ċjoè, wara splużjoni ta' kamra tan-nar u wara l-mewt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid f'liema dati kienu ippublikati dawn iż-żewġ Inkjesti Maġisterjali fl-intier tagħhom, fejn illum il-pubbliku jista' jsib dawn iż-żewġ inkjesti fl-intier tagħhom, u jekk il-permess tal-Avukat Ġenerali għall-pubblikazzjoni tagħhom fl-intier tagħhom kienx ingħata qabel ma kienu konklużi dawn iż-żewġ Inkjesti?

Response (BONNICI, OWEN)

Qabel xejn irrid nirrijafferma xi punti li diġa’ ġew sostnuti mill-Gvern iżda li tajjeb li nerġa’ nsostnihom skans kull ekwivoku. L-ewwelnett il-Gvern ħa b’serjeta’ massima l-kwistjoni tal-inċident f’Paceville. Il-Gvern se jaġixxi biex isaħħah ir-regolamentazzjoni tal-postijiet tad-divertiment. Ċertament li m’hijiex se tidħol xi attitudni li qisu ma ġara xejn jew ta’ xi business as usual . Kif jaf l-Onor. Interpellant hekk kif sar l-inċident inħatret Inkjesta Maġisterjali skont il-liġi u l-Maġistrat Inkwerenti bdiet mill-ewwel l-investigazzjonijiet li għandhom iwasslu biex hija tirrediġi l-proċess verbali. Aħna għandna fiduċja assoluta fil-Qrati ta’ pajjiżna u nemmnu li Inkjesta Maġisterjali hija l-aqwa forma ta’ Inkjesta indipendenti li l-pajjiż jista’ jkollu. M’għandix dubju li l-Maġistratura ta’ pajjiżna anke din id-darba se tqum għall-okkazjoni u se tikkonduċi l-inkarigu tagħha b’mod spedit u mingħajr biża jew favuri. Aħna nemmnu li dan l-inċidenti ma kienx wieħed bħall-oħrajn. Dan kien inċident li minħabba ċ-ċirkostanzi tiegħu jimmerita li l-poplu jkun mgħarraf dwar il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali. Għal dan il-għan il-Gvern ħabbar li se jkun qed jara xi proċeduri intużaw fil-passat sabiex il-konklużjonijiet ta’ dina l-Inkjesta jiġu reżi pubbliċi għall-konsum tal-poplu Malti u Għawdxi. F’dan il-kuntest irrid mill-ewwel niddikjara li l-Gvern se jimxi mal-liġi fil-pubblikazzjoni ta’ kull riżultanzi ta’ Inkjesti Maġisterjali. Nirrifjuta kull insinwazzjoni, magħmula kif tkun magħmula, li jien jew xi membru ieħor tal-Gvern m’ hux se noqogħodu għall-liġi jew li saħansitra qed nippjanaw biex niksru l-liġi. L-aċċess għall-kontenut tar-rapport ta’ Inkjesta Maġisterjali huwa regolat bl-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali li ma jużax il-kelma ‘pubblikazzjoni’ kif qed jagħmel l-Onor Interpellant iżda jistabbilixxi r-regola fis-sens illi “proċessi verbali u kull xhieda u dokumenti mdaħħlin magħhom għandhom jintwerew, u kopji tagħhom jingħataw biss, fid-diskrezzjoni tal-Avukat Ġenerali”. Il-‘pubblikazzjoni’ fil-kuntest tal-proċessi verbali għalhekk tfisser li xi ħadd ikun tħalla jaqra jew jieħu kopja tal- Inkjesta. Ladarba toħroġ kopja bil-kunsens tal-Avukat Ġenerali lil persuna s’intendi ma hemmx limitazzjoni dik il-persuna x’ tagħmel biha. Kontra l-impressjoni li seta’ ta l-Onor Interpellant, l-fenomenu li l-Avukat Ġenerali jħalli persuni jaqraw Inkjesti Maġisterjali jew addirittura jieħdu kopji ta’ Inkjesti Maġisterjali mingħajr limitazzjoni x’jistgħu jagħmlu bihom m’hi ħaġa rari xejn. Fil-fatt ta’ kull sena ikun hemm bejn 80 u 150 process verbal , mill-1,200 ċirka li jiġu redatti, li tiġi rilaxxjata kopja taghħhom mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall- finijiet ta’ kompletezza, sena b’sena fl-aħħar għaxar snin ġew rilaxxjati s-segwenti kopji ta’ Inkjesti Maġisterjali: · Sena 2005-155 Inkjesta · Sena 2006-123 Inkjesta · Sena 2007-90 Inkjesta · Sena 2008-87 Inkjesta · Sena 2009-91 Inkjesta · Sena 2010-100 Inkjesta · Sena 2011-130 Inkjesta · Sena 2012-152 Inkjesta · Sena 2013-123 Inkjesta · Sena 2014-110 Inkjesta · Sena 2015-(sa 17/11/15)-95 Inkjesta Ir-raġunijiet għala xi ħadd ikollu interess li jitlob kopja ta’ Inkjesta Maġisterjali huma varji. L-iktar raġuni komuni hija meta wieħed ikun irid jiftaħ kawża ċivili għad-danni wara l-kommissjoni ta’ reat kriminali. Fil-fatt hi prassi pjuttost komuni li meta jkun hemm kawżi għad-danni li jitwieldu minn azzjoni ta’ natura kriminali serja, il-parti li tintavola l-kawża għad-danni tesebixxi kopja tal-Inkjesta Maġisterjali wara li tkun kisbet il-kunsens tal-Avukat Ġenerali. S’intendi ladarba l-kopja tiġi esebita fi proċess ċivili, allura din tkun essenzjalment miftuħa għal kull min jixtieq imur fir-Reġistru u liberament jara l-proċess. Meta jkun hemm inċident li jista’ jeffettwa l-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet jew fl-affidabilita’ ta’ ċerti prattiċi li jkollhom effett fuq is-sigurta’ pubblika jew fuq l-ordni pubbliku, jista’ ukoll ikun il-Gvern stess li jieħu l-inizjattiva illi jitlob lill-Avukat Ġenerali biex jagħti permess biex jiġi reż pubbliku l-kontentu ta’ Inkjesta Maġisterjali skont l-Artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali. F’ dik id-deċiżjoni l-Avukat Ġenerali jimxi skont il-ġudizzju individwali tiegħu u konsiderazzjoni tittieħed għall-ħtieġa li tiġi protetta informazzjoni privata li ma jkun hemm ebda interess pubbliku li tiġi ppubblikata. Hekk, per eżempju, fil-każ tal-kamra tan-nar tal-Għarb il-pubblikazzjoni kienet fil-forma ta’ aċċess għall-atti tal-Inkjesta Maġisterjali mogħti lill-membri ta’ Bord ta’ Inkjesta ieħor li kien qed jinvestiga l- inċidenti fil-kmamar tan-nar wara dak l-inċident. Għal dak il-għan il-Bord ingħata aċċess għal numru ta’ proċessi verbali dwar inċidenti simili. Fil-każ tal-mewt tal-individwu li għaliha hemm referenza fid-domanda, il-proċedura li ntużat kienet iktar favur il-pubblikazzjoni u l-informazzjoni għall-pubbliku billi r-rapport tqiegħed għad-dispozizzjoni tal-media li setgħet taqrah u tieħu notamenti minnu u wara tinforma lill-pubbliku bil-kontenut tiegħu. Kif diġa ingħad, l-aċċess għall-atti tal-inkjesta, jieħu liema forma jieħu, huwa dejjem soġġett ghħall-permess tal-Avukat Ġenerali. Il-Gvern se jimxi mal-prinċipji, mal-preċedenti u mal-liġijiet fuq spjegati fi kwalunkwe pass għall-pubblikazzjoni tar-riżultanzi dwar l-inkjesta tal-inċident f’ Paceville li wassal biex korrew numru kbir ta’ persuni. Tenut kont tal-importanza tal-każ ta’ Paceville, il-Gvern se jkun qed jitlob li jiġu magħmula pubbliċi r-riżultanzi kollha tal-Inkjesta Magisterjali u dan f’ġieħ it-trasparenza u d-dritt tal-pubbliku li jkun jaf x’ġara f’dan il-każ li nkwieta lil ħafna ġenituri u familji Maltin u Għawdxin.

Kemmuna – siti storiċi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20846, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-ebda wieħed mis-sitt siti storiċi f’Kemmuna mhu kkurat minn Heritage Malta? X’inhi tagħmel Heritage Malta fuq dawn is-siti? Peress li fl-istess risposta l-Ministru indika li s-Sovritendenza rċeviet u qiegħda tevalwa rikjesta minn għaqda volontarja oħra biex tieħu f’idejha l-kura u r-restawr tal-forn storiku, jista’ l-Ministru jgħid min hi din l-għaqda volontarja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kull sit storiku jiġi imħaddem mill-aġenziji governattivi għaliex jingħata spazju lill-organizzazzjonijiet non-governattivi u ideat oħrajn għall-immaniġjar ta’ dawn is-siti. Heritage Malta hija responsabbli għal dawk il-mużewijiet u siti li jiġu afdati lilha mill-Gvern u dan m'huwiex wieħed minn dawn is-siti. Fir-rigward tal-guardianship deed, hemm proċess rigoruż li jiżgura is-sostenibilta’ u l-ħarsien meħtieġ ta’ proġetti simili. Dawn il-poteri huma mgħotija minn artiklu 48 tal-Kap. 445 tal-Liġijiet ta’ Malta. It-talba għall-Forn ta’ Kemmuna saret mill-organizazzjoni non-governattiva, Friends of the Earth. Bħalissa għaddej il-proċess tal-evalwazzjoni sabiex din it-talba tiġi kkunsidrata.

Kunsilli Lokali – skeda tal-pagamanent ta’ kull xahar fuq il-Website tad-dipartiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li matul is-snin 2012, 2013 u 2014 ma poġġewx l-iskeda ta’ pagamenti ta’ kull xahar u dokumenti oħrajn li huma obbligati li jpoġġu fuq il-website tad-dipartiment? Jekk huwa il-każ, x’kienet ir-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni li turi n-numru ta’ Kunsilli Lokali li ndikaw li saru l-uploads tad-dokumenti meħtieġa matul is-snin 2012, 2013 u 2014. Id-dokumenti elenkati juru l-iskedi tal-pagamenti xahar b’xahar, kif ukoll ir-rapporti ta’ kull kwart tas-sena, u anke l-estimi annwali, il-pjani ta’ ħidma, ir-rapporti amministrattivi u r-rapporti tal-awditur li jiġu uplaoded darba fis-sena. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi r-raġunijiet elenkati mill-Kunsilli għaliex ma għamlux l-uploads online, kif spjegati mill-Kunsilli Lokali nfushom.

Kunsill Lokali – Ftehim mal-Ministeru għas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kunsilli lokali li għamlu ftehim mal-Ministeru tas-Saħħa dwar il-bereġ fil-lokalità tagħhom matul l-2013, l-2014 u fl-2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Matul is-sena 2014 kienu sitta l-kunsilli lokali li raw dan il-proċess jiġi konkluż. Dan huma l-lokalitajiet ta’ l-Għarb u Kerċem f'Għawdex, u ż-Żurrieq, il-Kalkara, is-Siġġiewi u Ħal Tarxien f'Malta. L-Imsida kienet l-ewwel berġa f’Malta li bdiet topera minn ċentru ċiviku. Din ġiet inawgurata fl-14 ta’ Mejju 2015. Il-proċess miexi ġmielu wkoll fil-każ tal-kunsilli lokali ta' Ta' Xbiex, Ħal-Għaxaq, Ħaż-Żabbar u Santa Luċija, waqt li kollox jindika li ma jdumux ma jiftħu diskussjonijiet ukoll ma' numru ta' kunsilli lokali oħra.

Kunsilli Lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li m’għandhomx Segretarju Eżekuttiv u qegħdin jinqdew bis-servizz ta’ aġent Segretarju Eżekuttiv? Jista’ jgħid għaliex jeżisti dan in-nuqqas u x’qiegħed isir biex il-problema tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm tlettax-il Kunsill Lokali li bħalissa għandhom Aġent Segretarju Eżekuttiv. Dawn huma l-Kunsilli Lokali tal-Imdina, il-Birgu, Ħad Dingli, Floriana, il-Gudja, il-Gżira, Ħal Għargħur, il-Mosta, l-Imsida, in-Nadur, San Lawrenz, San Pawl il-Baħar u Ta’ Xbiex. Il-liġi stess tistipula rigward ħatra ta’ Aġent jew Deputat Segretarju Eżekuttiv. Ikunu diversi l-fatturi li jinħatar l-Aġent jew Deputat. Fosthom ta’ min wieħed jinnota li s-Segretarji Eżekuttivi japplikaw għall-postijiet biex javanzaw fil-karriera tagħhom wara li jkunu kisbu l-esperjenzi meħtieġa fil-qasam lokali. Hemm min laħaq Direttur, kif ukoll Assistenti Diretturi fost karigi oħrajn. Hemm oħrajn li jiddeċiedu li jmorru f’Dipartimenti u/jew f’Ministeri oħrajn, kif ukoll li jsibu opportunità mal-privat.

Segretarju Eżekuttiv — kapaċitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed jagħmel sabiex isaħħaħ il-kapaċitajiet tas-Segretarju Eżekuttiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, b’fondi mill-Fond Soċjali Ewropew – Proġett Numru 4.181, għadu kif temm tmien xhur ta’ taħriġ għas-Segretarji Eżekuttiv u għaxar uffiċjali tal-istess Dipartiment relatati ma’ 400 siegħa ta’ taħriġ li wassal għall-ewwel kors akkreditat f’Livell 5 MQF/EQF. Dan it-taħriġ hu speċifikat fuq l-operat tas-Segretarju Eżekuttiv u kien imqassam fi tmien modules u huwa l-ewwel taħriġ speċjalizzat tan-natura tiegħu fit-tmexxija u l-gvernanza tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna. Dan ifisser li llum, wara ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni li saret fit-30 ta’ Settembru, 2015, għandna Segretarji Eżekuttivi li għandhom kwalifika relatata direttament mal-ħidma tagħhom. Ta’ min wieħed jinnota li għall-ewwel darba fi 22 sena ta’ Kunsilli Lokali, is-Segretarji Eżekuttivi kollha ser ikunu ggradwati fuq livell ta’ Diploma. Hemm ippjanati inizjattivi oħra bil-għan li jsaħħu t-taħriġ fil-qasam tal-Governanza Lokali. Minbarra dan, is-Segretarji Eżekuttivi flimkien mas-Sindki, qed jipparteċipaw f’taħriġ professjonali ieħor permezz ta’ proġett li għalih inġiebu fondi Norway Grants 200-2014. Dan il-proġett, għandu wkoll il-parteċipazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u dik Norveġiża.

Kunsilli Lokali – laqgħat pubbliki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li m’għamlux il-laqgħa pubblika matul l-2012, l-2013 u l-2014? Jekk jirriżulta li kien hemm dan in-nuqqas jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni u x’azzjoni se jkun qiegħed jieħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onor. Interpellant li hemm numru ta’ Kunsilli Lokali li m’għamlux il-Laqgħa Pubblika kif mitlub bil-liġi minħabba raġunijiet varji. 1) Fl-2012 kien hemm 7 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; 2) Fl-2013 kien hemm 9 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; 3) Fl-2014 kien hemm 8 ta’ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa pubblika; Minn dawn kien hemm ħames Kunsill Lokali li ma għamlux il-laqgħa fil-perjodu ta’ tliet snin. Żewġ Kunsilli Lokali li ma għamlux il-laqgħa għal sentejn u sitt Kunsilli Lokali li ma għamlux laqgħa f’sena waħda. Il-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali iġifieri 54 Kunsill Lokali dejjem organizzaw il-laqgħa pubblika. Dan il-Ministeru ħa jkompli jara li l-laqgħat isiru skont il-liġi. Jiena diġa infurmajt lid-Direttur għall Gvern Lokali sabiex jieħu l-mizuri kollha li hemm bżonn sabiex il-Kunsilli Lokali kollha jorganizzaw dawn il-laqgħat u fejn dan ma jsirx jittieħdu l-passi li hemm bżonn. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba Kunsill b’Kunsill.

Kunsilli lokali – Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea fis-sena 2012,2013 u 2014? Jista’ jgħid taħt liema programmi applikaw? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjonijiet sarux bħala Lead Partners jew Partners biss? Jista’ jgħid kemm proġett ġew aċċettati minn dawn il-kunsilli lokali , mil-liema programm ibbenefikaw u jekk kenux bħala Lead Partners jew Partners? Jista’ jgħid x’kien it-titoli tal-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2012 kien hemm 20 kunsill lokali li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, fl-2013 kien hemm 30 kunsill lokali u fis-sena 2014 kien hemm 22 kunsill lokali. Dawn il-fondi jvarjaw mill-Fondi għall-Iżvilupp Rurali, Europe for Citizens, il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, l-ERASMUS, l-INTERREG, u l-Youth in Action. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – persuni impjegati full-time jew part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru, jew entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemmx persuni impjegati bħala full-time jew part-time,liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum? Jista’ jgħid u jippreżenta fil-Kamra meta ġew impjegati u b’liema kundizzjonijiet u x’pakkett finanzjarju kellhom jew għandhom? Jista’ jgħid kif dawn intgħażlu għal dak l-impjieg u b’liema mod l-attendenza tagħhom fix-xogħol tiġi rrekordjata? Jista’ jippreżenta fil-Kamra x’inhi l-attendenza ta’ dawn l-impjegati li kienu jew huma membri parlamentari fix-xogħol tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi fid-Dipartimenti u Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ma kienx hemm persuni mpjegati bħala full-time jew part-time, liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum.

Santa Luċija – Kunsill Lokali – Jogging Track — resurfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema proċess qiegħed il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija rigward ir-resurfacing tal-jogging track ta’ Santa Luċija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li ilu diversi snin jipprova jġib il-finanzjament għal dan il-proġett. Fost l-oħrajn il-Kunsill għamel talba wkoll lil Sport Malta biex tidħol għal dan il-proġett u din it-talba ġiet milqugħa. Sport Malta ser tkun qed tagħmel ukoll xogħol ta’ tisbieħ fl-area kollha tal-Jogging Track.

Il-Ħamrun — parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għandhux il-ħsieb li Triq il-Kbira San Ġuzepp terġa’ tiġi bit-timed parking b’konsultazzjoni u kompromess bejn ir-residenti u l-komunità kummerċjali tal-lokal u li jkun hemm residential parking f’ċertu toroq jew li jinżebgħu kaxxi ħodor/blue bħalma saru f’lokalitajiet oħra biex jintużaw biss mir-residenti Ħamruniżi?

Response (BONNICI, OWEN)

Informat li tali skemi ser jiġu kkunsidrati bħala parti mill-Car Parking Policy tal-Awtorità dwar it-Trasport.

Persuni li ħadu s-separazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħadu s-separazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numru ta’ koppji li ħadu s-separazzjoni mill-2010 sa Ġunju 2015 huma s-segwenti: Każijiet li waslu għal Separazzjoni Bonarja mill-2010 sa Ġunju 2015 Sena MaltaGozo 201056119 201161728 201266324 201372728 201477727 Sa Ġunju 201542215 Numru ta’ kopji li ħadu s-separazzjoni personali wara kawża kontenzjuża quddiem il-Qorti Ċivili mill-2010 sallum SenaMaltaGozo 2010617 20118710 2012502 2013630 2014561 2015311

Kunsilli Lokali – talbiet għall-ħsarat fil-vettura minħabba ħofor fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali li rċevew talbiet dwar ħsarat fil-vettura minħabba ħofor fit-toroq? Jista’ jgħid kemm tħallsu minn dawn it-talbiet u kemm minnhom ġew rifjutati? Jista’ jgħid jekk dawk li ma aċċettawx li jħallsu għall-ħsarat tawx raġuni biex ma jħallsux?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm 47 kunsill lokali li rċevew xi talba ta’ dan it-tip bejn is-snin 2012 u 2015. Qed inpoġġi d-dettalji mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli Lokali – proġetti tal-PPP tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm kunsilli lokali li għadhom għaddejjin bi proġetti tal-PPP tat-toroq liema skema kienet imnedija mill-Gvern preċedenti? Jista’ jgħid kemm għad hemm kunsilli lokali li baqgħalhom iħallsu kontijiet ta’ xogħlijiet li saru taħt din l-iskema? Jista’ jagħti l-ammont dovut ta’ kull kunsill lokali taħt din l-iskema?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, kif miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali.

Kunsilli lokali/reġjuni u kumitati amministrattivi — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kunsilli lokali/reġjuni u kumitati amministrattivi li mill-2009 sal-lum ma żammewx laqgħa kull xahar kif inhu stabbilit bil-liġi? Jista’ jgħid x’passi qed jieħu jew se jieħu jekk jirriżulta li kunsilli lokali ma żammewx il-laqgħa tagħhom kull xahar kif inhuwa mitlub fl-Att tal-Kunsilli Lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali jirriżulta li kien hemm 26 minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kumitati Reġjonali jirriżulta li kien hemm tlieta minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Intant, mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kumitati Amministrattivi jirriżulta li kien hemm għaxra minn fosthom li ma żammewx laqgħa kull xahar xi darba jew oħra fil-perjodu msemmi. Il-Monitoring Unit fi ħdan id-dipartiment jitlob lil kull Kunsill Lokali sabiex jagħti raġuni għaliex dawn il-laqghat ma jkunux saru jew ma jkunux saru fil-perijodu stipulat bil-liġi. Fejn jirriżulta li l-Kunsill Lokali jibqa’ jippersisti b’dan in-nuqqas id-dipartiment iwissi lis-Segretarju Eżekuttiv u jekk tinħass il-ħtieġa, jibdew proċeduri ta’ dixxiplina. Qed inpoġġi d-dettalji fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsilli lokali – Childcare Centre — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kunsill lokali li għandhom Childcare Center? Jekk jirriżulta li hemm kunsill lokali li għandhom dan is-servizz, jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet ta’ dawn iċ-Ċentri u kif il-kunsill lokali qed jiffinanzja dan iċ-Ċentru?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li hemm tliet Kunsilli Lokali li qed joffru dan is-servizz. Dawn huma: 1) Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun li qed joffri servizz bi ħlas mis-6.00 am sal-4.00 pm. Infurmat mill-Kunsill taż-Żejtun li sakemm it-tfal ikunu fil-parametri tal-iskema u jikkwalifikaw għal child care b’xejn, ma jintalab l-ebda ħlas. Jekk kemm-il darba dan ma jkunx il-każ u l-ġenituri xorta juru x-xewqa li jibgġatu t-tfal tagħhom fiċ-ċentru, jintalbu ir-rati applikabbli. 2) Il-Kunsill Lokali tal-Għarb li qed joffri dan is-servizz mit-Tnejn sal-Gimgħa mis-7.30 am sas-2.30 pm u l-Kunsill ma joħrogx flus. Fil-fatt dan iċ-child care centre hu mmexxi minn terzi persuni u għalhekk il-Kunsill mhux involut fit-tmexxija u lanqas iżomm flus. 3) Il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li qed joffri dan is-servizz mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sas-1.00pm. Infurmat mill-Kunsill li dan iċ-child care centre mhux fl-iskema ta’ child care b’xejn bil-ħlas jintlaab skont il-price list li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 4) Imbagħad hemm il-Kunsill Lokali tax-Xewkija li joffri servizz ta’ żamma ta’ tfal żgħar (iżda mhux trabi) għal madwar tlett siegħat u nofs b’korsijiet apposta għalihom matul is-Sajf. Hawn it-tfal jagħmlu crafts fost l-oħrajn iżda ma jingħatux ikel eċċ bħal day centres.

Kunsilli Lokali — Day Centre għall-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom Day Center għall-anzjani? Jekk dan huwa il-każ, jista’ jgħid x’inhuma l-ħinijiet u kif il-kunsilli lokali qegħdin jiffinanzjaw dan id-Day Center?

Response (BONNICI, OWEN)

Fil-preżent hemm 21 kunsill lokali madwar Malta u Għawdex li joffru s-servizz ta’ Day Care Centre għall-anzjani. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.