Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli lokali — Ħlas ta' multi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad baqa' x'jinġabar fi ħlas ta' multi mill-kunsilli lokali din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammonti ta' ħlas ta' multi li l-Kunsill Lokali ta' dawn il-Kumitati Konġunti kien għad fadallhom jiġbru sa l-aħħar ta' Awissu 2004 kien kif hu muri fil-lista hawn taħt: Kumitat Konġunt Ammont (Lm) 1. Żejtun 194,922 2. Żurrieq 177,481 3. Qormi 265,243 4. Birkirkara 195,130 5. Sliema 385,819 6. Valletta 112,681 7. Fgura 174,887 8. Gozo 62,105 9. Mosta 72,630

Uffiċċju Konġunt — Skema Ixtri Darek u Ifdi ċ-Ċens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għad fadal applikazzjonijiet pendenti biex jiġu proċessati ta' l-iskema ta' l-Uffiċċju Konġunt Ixtri Darek u Ifdi ċ-Ċens li għalqet fit-30 ta' Diċembru 1996?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-qagħda tal-applikazzjonijiet sottomessi taħt l-iskema ta' l-Uffiċċju Konġunt "Ixtri Darek jew Ifdi ċ-Ċens" li għalqet fit-30 ta' Diċembru 1996, hija kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Ġiljan — Triq Santu Wistin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 9050 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informatika u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jinxtegħlu r-red bollards li hemm quddiem ir-restaurant Nero fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan? Jista' jara wkoll li jinxtegħlu d-dwal li jinsabu fl-istess triq u li jara li jitwaħħlu litter bins f'dik l-area anke għaliex hija area turistika?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Pulizija — CID - Vetturi

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 9028, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li minkejja li hemm 15-il vettura assenjati espressament mas-CID xorta waħda l-ispetturi qegħdin jinqdew bi tliet vetturi biss?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għidt fit-tweġiba preċedenti dwar is-suġġett, kull Spettur stazzjonat fis-C.I.D. għandu vettura għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex ikun jista' jaqdi d-doveri tiegħu.

Għawdex — Gwardjani Lokali - Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu ċitazzjonijiet il-gwardjani lokali li għandhom x'jaqsmu ma' l-ambjent f'Għawdex din is-sena? Kemm minnhom ittellgħu l-qorti? X'multi weħlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Għawdex — Kunsilli Lokali - Ċitazzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni bl-indirizz tagħhom f'Malta ngħataw ċitazzjoni f'Għawdex mill-gwardjani u mill-kunsilli lokali din is-sena? Kemm minnhom ittellgħu l-qorti u kemm kienet il-multa li weħlu din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

San Ġiljan — Qtugħ ta' Siġar tal-Ħarrub

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni dwar min qaċċat numru ta' siġar tal-ħarrub li kienu jinsabu fi Triq Ta' Ġiorni, San Ġiljan, bejn wieħed u ieħor biswit fejn qiegħed isir il-proġett ta' ġnien mill-kunsill lokali, jekk min kien inqabadx u jekk eventwalment itteħdux passi kontra min wettaq dan l-att?

Response (BORG, TONIO)

Il-Kunsill infurmana li ma qaċċat l-ebda siġra tal-ħarrub fi Triq ta' Ġiorni, San Ġiljan u ma għandu l-ebda ndikazzjoni jekk seta' sar dan. Iżda irreferejt il-każ lill-Pulizija.

Ġustizzja u Intern — Karozzi tal-Kiri

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq kiri ta' karozzi mill-impjegati fis-segretarjat privat tiegħu bejn Jannar u Ottubru 2004? Min huma l-impjegati li huma intitolati għal karozza tal-kiri fl-istess segretarjat privat? Kemm hu n-numru ta' karozzi mikrija għall-membri tas-segretarjat privat tiegħu? Minn fejn inkrew dawn il-karozzi u b'liema rata nkrew?

Response (BORG, TONIO)

Il-Guidelines dwar l-ingaġġ ta' impjegati fis-Segretarjati tal-Ministri, liema Guidelines għandhom l-approvazzjoni tal-Kabinett, jipprovdu ukoll għal min f'dawn is-Segretarjati huwa ntitolat għall-użu ta' karozza uffiċjali li, f'ċertu ċirkostanzi, tista' ukoll tkun karozza tal-kiri. Dawn l-uffiċjali huma l-Kap tas-Segretarjat, is-Segretarjat Privat tal-Ministru u l-Assistant Segretarju Privat tal-Ministru. Dawn jistgħu jagħżlu li jieħdu 'transport allowance' minflok ma jiġu pprovduti b'karozza. Is-Segretarjati tal-Ministri huma wkoll intitolati għal numru ta' karozzi, li f'ċertu każijiet jistgħu jkunu mikrija, għall-użu ġenerali (mhux personali) tal-Messaġġiera fis-Segretarjat. Bħalissa hemm 7 karozzi mikrija li qed jintużaw fis-Segretarjat tiegħi. L-informazzjoni dwar minn fejn u b'liema rati dawn qed jinkrew tinsab fil-lista annessa. L-ammont totali minfuq fuq kiri ta' korozzi bejn Jannar u Ottubru 2004 fis-Segretarjat tiegħi jammonta għal Lm17,140.58.

Pembroke — Triq San Patrizju

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-triq li tinsab fid-daħla ta' San Patrizju f'Pembroke hijiex issir mill-gvern ċentrali? Jekk le, ġiet approvata mill-ADT?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif fit-taqsima ta' l-edukazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin qegħdin isibu problemi biex ikollhom printer għall-uffiċċju tagħhom filwaqt li fl-uffiċċju ta' l-uffiċjal - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - inxtara tv set? Jista' jgħid għal liema esiġenzi tas-servizz inxtara dan it-tv set? Kemm ġie jiswa t-tv set? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra rendikont tad-diversi esiġenzi tas-servizz kompjuti f'dan l-uffiċċju permezz ta' dan it-tv set?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dan il-printer ġarrab ħsara li tammonta għall-Lm80. Ġie deċiż li s-sena d-dieħla jinxtara printer ġdid għal din it-taqsima. Sadanittant l-amministratur ingħata l-faċilita' li juża printer f'diversi uffiċini. Fir-rigward tat-TV set li jinsab fl-uffiċċju ta' l-uffiċjal imsemmi, ninsab infurmat li dan ilu hemm għal dawn l-aħħar 8 snin, u ċioe' qabel ma daħal dan l-uffiċjal f'dan l-uffiċċju. Li ġara huwa li l-control room kellhom bżonn screen akbar u għalhekk it-TV set li kien hemm fl-uffiċċju amministrattiv inbidel ma wieħed iżgħar mill-control room. Dan is-set jiġu użat biex jiġu iċċekkjati C.D.'s, C.D.R.'s u video tapes li jinġiebu lill-priġunieri. Minbarra dan, jintuża ukoll mas-sistema ta' sigurta'

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'sar minnhom it-tlett monitors u video recorders li kienu ngħataw lit-taqsima ta' l-edukazzjoni fil-Faċilita' Korretiva ta' Kordin fl-1997? Jekk dawn ġew maħsuba biex jaqdu esiġenzi oħrajn fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ma jaħsibx li dawn għandhom jiġu sostitwiti b'apparat ieħor f'din it-taqsima?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi dawn l-oġġetti imsemmija mill-Onor. Interpellant ma kienux qegħdin jintużaw fis-sezzjoni edukattiva u għaldaqstant ingħataw għal użu mill-priġunieri fid-diviżjonijiet. Tħalla sett wieħed fl-iskola. Qatt f'dawn l-aħħar snin il-Co-Ordinator ta' l-iskola ma talab biex jiżdied dan l-apparat.

CCF — Taqsima ta' l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex fit-taqsima ta' l-edukazzjoni tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin is-servizz tat-telefon dam 12-il ġurnata biex jissewwa u dan b'periklu kbir għall-għalliema li jkunu weħidhom mar-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħsara ġiet irrapurtata lill-uffiċjal responsabbli ħames t'ijiem wara li seħħet. Din ġiet imsewwija l-għada. Jumejn wara reġgħet ġrat l-istess ħsara li ġiet imsewwija dak in-nhar stess. Tajjeb wieħed jgħid li fiż-żewġ okkażjonijiet kienet ħsara ta' vandaliżmu (tqaċċiet tal-wire mit-terminal).

CCF — Għalliema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu fil-konfont ta' dawk l-uffiċjali tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li deliberatament qaflu għalliema f'kamra mar-residenti u sofriet minn xokk kbir minħabba l-inċident?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-ħabs qatt ma irċeviet xi rapport kemm uffiċjali jew le fuq dak li hemm allegat fil-mistoqsija.

Qrati — Reati konnessi mad-droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid ġentilment kemm kienu l-persuni mressqa dwar reati in konnessjoni mad-droga matul is-snin 2003 u 2004 kull xahar separatament, u jgħid l-eta' u s-sess tagħhom, jgħid kemm minn dawn instabu ħatja u kemm minn dawn ġew ordnati mill-qorti jsegwu programm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija. L-informazzjoni dwar Għawdex għadha qed tinġabar.

Qrati — Reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid kemm kienu dawk il-persuni taħt it-30 sena li tressqu l-qorti f'dawn l-aħħar sentejn? In oltre, jista' jgħid ukoll kemm minn dawn ġew ikkundannati u jgħid ir-reati x'kienu u jindika n-numru ta' persuni u l-etajiet rispettivi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti għall-ewwel parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika tat-tagħrif hekk kif mitlub. L-informazzjoni dwar Għawdex għadha qed tinġabar.

Qrati — Kawżi pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jkun daqstant ġentili u jgħid kemm kull imħallef u maġistrat kellu kawżi pendenti quddiemu fl-20 ta' Awissu, 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' kawżi pendenti li għandhom quddiemhom kull Imħallef u kull Maġistrat, sal-20 t'Awissu 2004 huwa kif indikat fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Paceville — Ħwienet tax-xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindaga għaliex qed jiġi permess li xi ħwienet tax-xorb f'Paceville qed jitħallew ibiegħu buqari (pitchers) mimlija bil-vodka mħallat mar-Redbull għall-prezz ta' bejn il-Lm5 u Lm6? Jafu l-pulizija li ġieli dan jinbiegħ lil żgħażagħ li jkunu għalqu 16-il sena u jinxtorob minn dawk taħt l-eta' eżatt barra l-ħwienet u xi drabi quddiem il-pulizija li jkunu għaddejja minn hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm il-bejgħ ta' alkoħol lill-persuni taħt is-sittax-il sena huwa reat, il-konsum ta' alkoħol minn persuni ta' din l-eta' mhux. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed tagħmel ħilitha sabiex kemm jista' jkun ma jkunx hemm tali konsum, speċjalment f'lokalitajiet fejn ikun hemm konċentrazzjoni ta' żgħażagħ, billi fejn jiġu osservati żgħażagħ li jkunu qed jixorbu l-alkoħol, dawn ikunu mitkellma sabiex isir magħruf minn fejn ikun inkiseb l-alkoħol. Pero' bħal ma naħseb japprezza l-Onorevoli Interpellant, il-Pulizija trid topera fil-parametri tal-liġi.

Postijiet ta' divertiment — Sorveljanzi mill-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija li tkun għassa f'lokalitajiet ta' divertiment bħal Paceville, Buġibba, Wied il-Għajn u postijiet oħrajn, għandhomx l-obbligu li jwaqqfu lil żgħażagħ, speċjalment jekk ikun ċar li jkunu taħt l-eta' u li jkunu qed jixorbu l-alkoħol? Il-pulizija għandha l-obbligu li titlob informazzjoni minn dawn iż-żgħażagħ bħal minn fejn inxtara x-xorb u tieħu l-passi? Jekk fl-affermattiv, dan qed isir?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 8703 f'din l-istess Seduta.