Legislature:
Category:
Reset
Active:

Housing

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 21960, għaliex ma ġiex inkluż il-block ta' appartamenti bl-indirizz 46, Triq Sant'Anna, Floriana, peress li r-residenti konċernati applikaw quddiem l-Awtorita' tad-Djar bl-iskema rilevanti primarjament minħabba li fosthom hemm persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post jirriżulta li s-sistema tal-lift ma tistax tiġi nstallata minħabba l-ispazju ristrett tal-post.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Minstru jara li block ta' Scheme 3, Paola Hill, Raħal Ġdid, jiġi mbajjad peress li jinsab fi stat ta' abbandun? Jista' jara li l-appramorta ta' shaft ta' l-istess plot tiġi mkaħħla peress li hija perikoluża u jiġi rranġat ukoll id-drain ta' l-istess shaft?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba tal-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

SVPR — Anzjani

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22020?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-uniku tibdil li kien hemm minn Settembru 1998 sallum fil-policy dwar il-flus li jinġabru mid-dħul tal-pensjoni u depożitu fil-bank ta' l-anzjani li joqgħodu fir-Residenza San Vinċenz de Paule, huwa dak stipulat fl-Avviż Legali Nru 59 u 60 tas-sena 2000. Filwaqt illi għas-sena 1999, inġabret is-somma ta' Lm502,089, għas-sena 2000 huwa stmat li għandu jinġabar Lm964,591.68. Id-dħul għas-sena 2001 ma jistax jiġi kkalkulat qabel ma r-residenti f'SVPR jissottomettu d-dikjarazzjoni tad-dħul tagħhom għal dik is-sena.

Benefiċċju Soċjali — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li d-dipartiment sab li kienu qed jabbużaw minn xi benefiċċju? Jista' jagħti dan it-tagħrif separat għal kull benefiċċju soċjali? Jista' jgħid wkoll dawn l-istess persuni meta bdew jieħdu dawn il-benefiċċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Post tax-Xogħol — Inkwiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija nru. 19094, jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti l-figura għas-sena 2000 ukoll? Jista' jgħid wkoll mill-1995 sas-sena 2000 kemm minnhom kienu żgħażagħ taħt id-29 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara u jagħti spjegazzjoni bil-miktub lill-pensjonant li l-partikolaritajiet tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament peress li qiegħed jgħid li qed jieħu Lm4.00 fil-ġimgħa inqas mill-pensjoni tiegħu, komparat ma' ħaddiema li ħadmu bħalu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Membru li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-pensjonant li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament jiġi verifikat jekk hux jieħu it-2/3 tal-paga li kellu fil-pensjoni tiegħu? Jista' dan l-individwu jiġi infurmat personalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22849 f'Seduta 473, ninfurmah li l-persuna ndikata ġiet infurmata separatament dwar il-proċess ta' reviżjoni fil-pensjoni tagħha.

Għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-dipartiment tas-sigurta' soċjali joħroġ il-ħlas dovut ta' unemployment benefit lill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament peress li jinsab bla ebda dħul ieħor? Jista' l-Viċi Prim Minisru jgħarraf bl-aħħar żviluppi lill-persuna konċernata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet infurmata mid-Dipartiment aktar kmieni dan ix-xahar dwar id-dritt tagħha għall-benefiċċju, filwaqt li kellha wkoll kuntatt personali ma' uffiċċjali tad-Dipartiment dwar xi drittijiet oħra.

Djar — Xiri ta' appartament

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jimxi l-proċess ta' xiri ta' post tal-gvern li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista jgħid x'inhu jżomm li jsir il-kuntratt wara li sar il-konvenju fil-5 ta' Jannar, 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li jumejn wara li ġie ffirmat il-konvenju, l-Awtorita' tad-Djar talbet lid-Dipartiment responsabbli l-informazzjoni meħtieġa dwar il-provenjenza tal-post. Din l-informazzjoni waslet għand l-Awtorita' fit-28 ta' Novembru 2000 u fil-5 ta' Diċembru 2000, l-Awtorita' ħadet passi biex jiġi ppublikat l-Avviż Legali meħtieġ biex tingħata t-titolu legali fuq il-proprjeta'. Wara li jiġi ppublikat l-imsemmi Avviż ikun jista' jiġi konkluż il-kuntratt mal-persuna ndikata.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li f'każ li inkwilina armla ta' post tal-gvern tiżżewweġ barrani dan ma jkollu ebda effett negattiv fuq il-kirja tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi jekk il-post fejn toqgħod hu suġġett għar-reviżjoni tas-sussidju kull sentejn, u r-raġel ikollu xi dħul, allura dan id-dħul jittieħed in kunsiderazzjoni fir-reviżjoni li jmiss.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern fuq relief is-sena l-oħra? Jista' jagħti breakdown tal-flus li ħareġ il-gvern lil kull kategorija ta' persuni li huma intitolati għal relief?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somma ta' flus li l-Gvern ħareġ matul is-sena 2000 fuq l-Għajnuna Soċjali kienet ta' Lm15,446,005.40. Skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, l-Għajnuna Soċjali fil-forom kollha tagħha titħallas skond il-provedimenti ta l-Artiklu 30. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika ta' l-ammonti li jitħallsu separatament.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' unmarried mothers fuq ir-relief illum u kemm kien in-numru kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għandu l-informazzjoni kif mitluba għas-snin 1995-2000. In-numru ta' ommijiet li mhumiex miżżewġa li kienu jieħdu Għajnuna Soċjali fl-aħħar tas-snin indikati huwa kif jidher aktar 'l isfel. 1995 422 1996 443 1997 466 1998 520 1999 749* 2000 839 * L-istatistika kienet ġiet aġġornata wara eżerċizzju ta' verifika ta' l-istat ċivili ta' min kien qiegħed jieħu dan il-benefiċċju.

Single Parent Families

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn single parent/families illum? Kemm minn dawn huma single parent minħabba separazzjonijiet, divorzju, unmarried jew minħabba mewt ta' xi ġenitur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ebda wieħed mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika dwar l-informazzjoni mitluba.

ETC — Unemployment

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li spiċċaw bla xogħol is-sena l-oħra minħabba redundancy? X'tip ta' xogħol kienu jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fuq il-persuni li spiċċaw bla xogħol minħabba redundancy is-sena l-oħra (sena 2000) u minn liema settur kienu ġejjin.

Impjegati — Turiżmu

Question

Jista'l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni jaħdmu full-time fil-qasam tat-turiżmu llum u kemm hemm part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Novembru 2000 in-numru ta' persuni li jaħdmu full-time fil-qasam tat-turiżmu kien ta' 9,650 filwaqt li dawk il-persuni li jaħdmu fuq bażi part-time kien ta' 8,933.

SVPR — Suor Aldejonda

Question

Billi hu maħsub li jinfetħu xi swali ġodda fl-SVPR jikkunsidra l-Ministru li sala minnhom tissemma għal Suor Aldejonda tal-kontribut kbir fin-nursing school for nurses u lill-professjoni tan-nurses Maltin? Billi s'issa s-swali li ssemmew f'St Lukes isemmew kollha għal tobba, jikkunsidrax l-Ministru li sala fl-SVPR tissemma għal din is-soru li mijiet ta' nurses Maltin jafu t-taħriġ u l-formazzjoni tagħhom lilha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt lill-awtoritajiet konċernati biex jikkunsidra l-proposta tiegħek. Madankollu naħseb li "isem" għandu jingħata lill-blokk kollu aktar milli lill-wards individwali

Parkeġġ — Sticker Blue

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru ġentilment jinforma l-Kamra jekk il-post/postijiet għall-parkeġġ ta' karozzi bl-isticker blue ta' persuni bi bżonnijiet speċjali li jinsabu quddiem iċ-ċentru żgħażagħ Karmelitani, Triq it-Torri, Sliema humiex riżervati għal xi individwu / individwi jew inkella għall-użu ta' kulmin għandu sticker blue?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-reserved parking kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk li jsiru quddiem residenzi privati jingħataw mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u għalhekk il-mistoqsija trid issir lill-Ministru konċernat. Ir-reserved parking quddiem residenzi privati jsiru fuq rakkomandazzjoni tal-KNPD. Hi l-fehema tal-Kummissjoni li jekk hemm reserved parking/s pubbliċi li tant qiegħdin jintużaw li hemm persuni b'diżabilita' li regolarment mhumiex jinqdew, għanda ssir talba biex jiżdiedu il-faċilitajiet ta' reserved parking f'dawn il-postijiet.