Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jsir xi tibdil fl-ispetturi li hemm iservi f'Għawdex fil-futur qarib?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet preċedenti dwar ċaqliq ta` membri tal-Korp tal-Pulizija, tali ċaqliq jsir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
25.10.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm impjegati fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar li għandhom il-pożizzjoni ta' desk officers minn Marzu 1999 sa Settembru 1999 u jistax jingħad mingħajr ma jiġu msemmija ismijiet kemm dawn kellhom applikazzjonijiet pendenti quddiemhom wieħed b'wieħed fl-ewwel ġurnata tax-xhur ta' Marzu 1999, April 1999, Mejju 1999, Ġunju 1999, Lulju 1999, Awissu 1999 u Settembru 1999?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
25.10.99
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-karozzi msemmija f'mistoqsija parlamentari numru 10472, tneħħew minn Triq il-Vlontin u tpoġġew waħda fi Triq il-Passju w l-oħra f'Triq Notabile?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s-sid tal-vetturi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, kien ġie ordnat ineħħi dawn il-vetturi u huwa kien obda l-ordnijiet tal-Pulizija u neħħihom minn fejn kienu. Pero` irriżulta li dawn tpoġġew fi triq oħra u l-Pulizija reġgħet ordnat li dawn jitneħħew. Infurmat ukoll illi ser jittieħdu proċeduri fil-Qorti kontra s-sid ta` dawn il-vetturi.
25.10.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Dipartiment ta' l-Artijiet u d-Dipartiment ta' l-Uffiċċju Konġunt isiru f'uffiċċju wieħed biex b'hekk jiġu evitati problemi bla bżonn?
Response (BORG, TONIO)
L-Uffiċċju Konġunt inħoloq permezz ta` l-Att Nru. IV ta` l-1992 dwar Proprjeta` ta` Entitajiet Ekklesjastiċi. Artikolu IV ta` dan l-Att jipprovdi għall-ħolqien ta` Uffiċċju Konġunt biex iġib fis-seħħ il-provvedimenti ta` Artiklu 16 tal-ftehim bejn is-Santa Sede u l-Istat b`dawn il-funzjonijiet:
- jamministra l-proprjeta` trasferita;
- jagħmel dak li hu neċessarju biex jiġu reġistrati u trasferita
dawn il-proprjetajiet skond il-liġi ta` Malta.
Qed isiru diskussjonijiet sabiex il-'policies' rigward proprjeta` amministrata miż-żewġ entitajiet jiġu armonizzati u mhix eskluża l-possibilita` li l-proposta tal-Onor. Membu tiġi mplimentata.
25.10.99
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 10446 u cioe': jgħid kemm twieldu tfal fl-Isptar Karen Grech taħt "unknown father" għas-snin 1997, 1998 u 1999? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan it-tagħrif li jinsab fir-Reġistru Pubbliku?
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex qatt ma ttieħdu passi kontra s-sid ta' fond f'Birkirkara li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għall-inbiħ kontinwu ta' klieb li jiġi minn din id-dar għad-detriment tar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija sarilha rapport anonimu permezz ta` ittra dwar l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Dan ir-rapport ġie nvestigat mill-Pulizija iżda sid il-fond innega li l-klieb, li huma liċenzjata mill-Pulizija, qed joħolqu xi nkonvenjent lill-ġirien.
Sabiex jittieħdu passi fil-Qorti f`ċirkostanzi bħal dawn, fejn ikun hemm allegat inkonvenjent għall-ġirien ikun neċessarju li jitilgħu jixdhu l-kwerelanti, li f`dan il-każ mhux magħrufa għax għażlu li jibqgħu anonimi. Madankollu, is-sid ġie mwissi sabiex jieħu dawk il-miżuri possibli sabiex ma jħallix il-klieb tiegħu jdejqu lill-ġirien.
25.10.99
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb li xi art/artijiet li huma meqjusa bħala wirt naturali u allura huma tal-gvern ser jiġu mogħtija lil xi għaqda volontarja? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' fejn huma dawn l-artijiet u lil liema għaqda dawn ser jingħataw? Jekk dan hu minnu x'kienu l-kriterji li uża l-gvern biex wasal għal din id-deċiżjoni meta saret l-għażla ta'l-għaqda u l-art/artijiet? X'passi se jiġu meħuda biex l-art/artijiet jibqgħu jitgawdew mill-pubbliku u mingħajr ħlas? Jekk jeżisti abbozz ta' xi kuntratt, nitlob lill-Ministru jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma sar fil-passat, meta artijiet tal-Gvern jingħataw b`titolu lil xi għaqdiet volontarji/kulturali/sportivi, dan isir permezz ta` Riżoluzzjoni Parlamentari.
25.10.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 8610, jista'l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn dak iż-żmien 'il hawn mill-Awtorita'ta'l-Ippjanar dwar iż-żewġ każijiet msemmija?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari preċedenti numru 10518 li għamiltlu dwar jekk jistax jagħti lista tal-ħlasijiet speċjali u/jew allowances oħra mogħtija wara s-6 ta' Settembru, 1998 lill-uffiċjali fil-ministeru/dekasteru tiegħu għal servizzi mogħtija qabel dik id-data u dan b'deċiżjoni speċifika tal-gvern preżenti, skond kull każ? Jista' jagħti r-raġunijiet f'kull każ għall-ħlasijiet li jsiru/jew saru?
Response (BORG, TONIO)
M`għandi xejn x`inżied ma` dak li jien indikajt fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 10518, ħlief li fil-każ ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma kienx hemm ħlasijiet speċjali u/jew allowances mogħtija wara s-6 ta` Settembru 1998 lill-impjegati fl-Awtorita` għal servizzi mogħtija qabel dik id-data.
25.10.99
Peress li l-kuntratt bejn il-Gvern u Eureka Services Ltd impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra jinkorpora fih dokumenti approvati mid-dipartimenti konċernati, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parir ta' l-Avukat Ġenerali dwar l-istess kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Matul il-perijodu tat-trattattivi l-Avukat Ġenerali ġie konsultat kontinwament. L-Avukat Ġenerali ma tax pariri bil-miktub iżda niżżel diversi suġġerimenti tiegħu fuq l-abbozz tal-kuntratt, liema suġġerimenti ġew addottati kollha.
25.10.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-persuni li tresqu l-qorti mill-pulizija akkużati bi stupru matul is-snin 1993, 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 sena b'sena?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom inqatgħetilhom il-kawża u kemm minnhom instabu ħatja u ġew ikkunndannati priġunerija?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika komputerizzata, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-persuni li tressqu l-qorti mill-pulizija akkużati bi traffikar tad-drogi matul is-snin 1993, 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 sena b'sena?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom inqatgħetilhom il-kawża u kemm minnhom instabu ħatja u ġew ikkundannati priġunerija?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika komputerizzata, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jammontaw il-persuni li tresqu l-qorti mill-pulizija akkużati b'attentat ta' qtil matil is-snin 1993, 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998 sena b'sena?
Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom inqatgħetilhom il-kawża u kemm minnhom instabu ħatja u ġew ikkundannati priġunerija?
Response (BORG, TONIO)
Peress li l-informazzjoni li qed tintalab mhix miġbura f`forma ta` statistika komputerizzata, din l-informazzjoni tinħtieġ ċertu żmien biex tinġabar u għalhekk l-informazzjoni tingħata meta din tiġi miġbura.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni ta' taħt is-16-il sena din is-sena l-Qorti? X'allegatament għamlu dawn it-tfal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul din is-sena tressqu quddiem il-Qorti 125 persuna taħt is-16-il sena. Fost l-offiżi li dwarhom tressqu quddiem il-Qorti hemm ksur tar-regolamenti tat-traffiku, ksur ta` bon ordni, offiżi fuq il-persuna, kliem oxxen, insulti, dħul f`postijiet ta` divertiment u droga.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena kemm inqabdu nies jitlajjaw għal skop ta' prostituzzjoni? F'liema lokalitajiet? Kien hemm persuni taħt it-18-il sena li nqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-ewwel disa` xhur ta` din is-sena l-Pulizija qabdu 278 persuna, li 2 minnhom kienu taħt it-18-il sena, f`ċirkostanzi li setgħu jagħtu wieħed x`jifhem li kienu jitlajjaw għal skop ta` prostituzzjoni. Dawn inqabdu f`dawn il-lokalitajiet : Ħal Qormi, Gżira, Msida, Ta` Xbiex, Marsa, Qala.
20.10.99 (p.m.)
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 9862, għalkemm ingħata permess tat-Traffic Control Board biex it-triq ħdejn is-Centenary Stadium issir "No Parking" dan qed joħloq inkonvenjent kbir għal dawk li jmorru għal-logħob fl-Istadium Nazzjonali u fis-Centenary Stadium stess, għaliex ma sarux "No Parking" signs fuq naħa waħda biss ta' din it-triq u b'hekk tittaffa l-problema. Jista' l-Ministru jitlob il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex jerġa' jikkonsidra d-deċiżjoni tiegħu ħalli l-pubbliku in ġenerali jkun moqdi?
Response (BORG, TONIO)
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma jaqgħax taħt il-Ministeru ta` l-Intern, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi t-talba tiegħu lill-Ministru konċernat.
20.10.99 (p.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux x'investigazzjonijiet dwar imwiet li seħħew fl-Isptar San Filep tul ix-xahar ta' Ottubru 1999? F'kull każ saru investigazzjonijiet dwar jekk il-katavru tal-persuna mejta ċċaqlaqx mnejn instab qabel waslu l-pulizija? X'investigazzjonijiet qed isiru wara r-riżultati ta' l-awtopsja ta' l-imwiet fl-iSptar San Filep?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-isptar li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, il-Pulizija kellha rapport wieħed ta` mewt li ġara fl-4 ta` Ottubru, 1999.
Kien ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa u l-inkjesta dwar il-każ għadha mhix konkluża.
20.10.99 (p.m.)