Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – pożizzjoni ta’ Public Transport Manager

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11200, jista l-Ministru jgħid liema applikant mill-erbgħa msemmija ħa l-grad ta' Public Transport Manager? Xi kriterji ntużaw sabiex tiġi magħżula l-aktar persuna adattata għal din il-pożizzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li applikant nru 1 ntagħżel għal din il-pożizzjoni. Il-kriterji li ntużaw għal din il-pożizzjoni kienu dawn: - Tal-anqas 5 snin esperjenza fit-trasport pubbliku - Esperjenza u/jew kwalifiċi maniġerjali - Esperjenza u/jew kwalifiċi fl-użu ta’ Geographical Information Systems - Kriterji oħrajn bħalma huma esperjenza fuq l-użu ta’ kompjuter, livell ta’ kompetenza fl-Ingliż u fil-Malti, maturita’, familjarita’ max-xogħol li għalih inħarġet il-pożizzjoni, disposizzjoni lejn ix-xogħol eċċ.

Malta Public Transport Services – Xarabanks li joqtru l-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-kumpanija tal-Gvern Malta Public Transport Services biex ħafna mix-xarabanks ma jibqgħux joqtru l-ilma għal fuq is-seats u l-passiġġieri?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk il-ftit xarabanks li ġew innotati li kellhom din il-problema ddaħħlu għall- manutenzjoni fejn sarulhom it-tiswijiet meħtieġa.

Transport Malta – Intervisti għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11199, jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li ċ-Chairman tal-Malta Public Transport ikun fuq l-interviewing board għall-pożizzjoni ta’ Public Transport Manager? Jista’ jispjega kif għall-pożizzjoni ta’ manager ma’ Transport Malta, li hi r-regolatur tat-trasport, daħal jagħmel l-interview ċ-Chairman tal-Malta Public Transport, li huwa l-operatur tat-trasport u għaldaqstant jista’ jkun hemm kunflitt kbir ta’ interess? Jista’ jgħid hix il-prassi li waqt interviewing boards ikun hemm uffiċjali li mhumiex impjegati ta’ Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x’kienu l-pożizzjonijiet l-oħra li għalihom daħlu f’interviewing boards uffiċjali mhux impjegati ta’ Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-persuna li kienet fuq l-interviewing board qed isservi l-irwol ta’ Chairman tal-Malta Public Transport Services Ltd., li hija wkoll entita’ tranżitorja tal-Gvern. Il-persuna imsemmija għandha kemm esperjenza kif ukoll hija ikkwalifikata fil-qasam tal-Management. Għalkemm il- prassi hija li l-interviewing boards ikunu komposti kemm jista’ jkun minn impjegati ta’ Trasport Malta, nħass li l-inklużjoni ta’ din il-persuna fl-interviewing board tkun tista’ tiffaċilita il-proċess aktar bilanċjat sabiex issir l-aħjar għażla.

Malta Public Transport Services — penali

Question

B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11196, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li ma jridx ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-penali maħruġa lill-Malta Public Transport? Jista’ jgħid għaliex il-pubbliku ġenerali m’għandux ikun jaf x’qed isir minn din il-kumpanija, speċjalment minħabba l-fatt li l-operat ta’ din il-kumpanija qed jitħallas mit-taxxi tal-poplu? Jista’ jgħid sas-27 ta’ Lulju kemm mill-ammont imsemmi ġie imħallas? Hemm xi restrizzjoni li tindika dawn il-penali sa meta għandhom jitħallsu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn aktar x’ inżid mat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 11196.

Trasport Pubbliku — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vettura qed tintuża fuq it-trasport pubbliku ta’ kuljum? Jista’ jikkonferma li l-vetturi użati fuq is-servizz tat-trasport pubbliku huma kollha mgħammra b’air conditioning system skont kif stipulat li suppost ikunu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li fil-preżent il-Malta Public Transport qed topera s-servizz tat-trasport pubbliku b’massimu ta’ 308 vetturi. Dan l-ammont jinkludi l-vetturi li huma propjeta’ tal-Malta Public Transport, vetturi li ġew mikrija mill-istess kumpanija, kif ukoll vetturi li qegħdin joperaw fuq is-servizz bħala sub contractors. L-ammont ta’ 308 vetturi jinkludi fih il-vetturi li joperaw vjaġġi żejda fil-ħinijiet ‘peak’ ta’ filgħodu, kif ukoll vetturi illi jkun qegħdin għall- manutenzjoni. Infurmat ukoll illi kull vettura użata fuq ir-rotot tat-trasport pubbliku hija mgħammra b’arja ikkundizzjonata.

San Pawl il-Baħar – Triq it-Turisti — Tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10929 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga r-raġuni li għaliha l-ispazju li hemm wara l-binja ta' Flats Indipendenza, fi Triq it-Turisti San Pawl il-Baħar (Buġibba/il-Qawra), u t-triq li hemm fl-istess spazju mhumiex mogħtija wiċċ bit-tarmak, bil-konsegwenzi kollha li jkollhom ibatu dawk li joqogħdu f’dawk l-inħawi jew jgħaddu minn hemm? Jista’ l-kunsill lokali, li hu responsabbli minn din l-area, jieħu l-passi neċessarji biex dan il-post jingħata t-tarmak? Jista’ jagħti tagħrif dwar min hu responsabbli mit-triq imsemmija u ċjoè Triq it-Turisti li tinsab f’nofs il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, ladarba ma taqax taħt il-Kunsill Lokali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed nifhmu li qed jirreferi għall-parti minn Triq il-Fliegu. Fil-parti li hija ffurmata skont l-iskema tal-MEPA, l-asfaltar huwa responsabilta’ ta’ Transport Malta u għalhekk tinsab fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru mill-Awtorita’. Għat-tieni parti tal-mistoqsija, peress li l-istess mistoqsija tindika ċar li qed issir lill-Kunsill Lokali, mhux il-lok li nirrispondi jien.

Ħaż-Żebbuġ — triq Ħali - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex Transport Malta tintervjeni f'xogħlijiet ta' bini jew kisi mill-ġdid ta' Triq Ħali f'Ħaż-Żebbuġ li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għar-residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq u l-manutenzjoni tagħha ma taqax taħt ir-responsabilta’ ta’ Transport Malta. Għaldaqstant l-interventi isiru skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Trasport pubbliku — diskussjonijiet mal-preferred bidder biex jipprovdi s-servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet mal-preferred bidder l-Autobuses De Leon sal-ġurnata li fija tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11215.

Servizz tat-trasport pubbliku –sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-piż tat-trasport pubbliku fuq it-taxxi tal-poplu hux se jiżdied billi jiżdied is-sussidju li se tingħata l-kumpanija l-ġdida li se tibda topera s-servizz tat-trasport pubbliku? Dan se jkun aktar minn €10 miljuni, li hu l-ogħla ammont ta' sussidju li qatt ingħata minn kull Gvern lill-kumpanija privata biex tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għan ewlieni ta’ dan il-Gvern huwa li jassigura li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku ikun jista’ jopera servizz b’mod li jkun sostenibbli u effiċċjenti, filwaqt li t-tariffi għall-poplu jkunu affordabbli. In-nefqa għall-operat tat-trasport pubbliku diġa żdiedet b’mod konsiderevoli mat-tnaqqis fit-tariffi ta’ passiġġieri li m’humiex ta’ nazzjonalita’ Maltija, u ser tkompli tiżdied la darba jiġu introdotti ir-rotot il-ġodda li diġa ġew imfassla wara konsultazzjoni mal-pubbliku u li b’riżultat ta’ dan ser ikun hemm żieda fil-kilometraġġ. Għaldaqstant, mhix realistika li wieħed jgħid li s-sussidju mogħti lill-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku għandu jibqa l-istess meta l-ispejjeż ser ikomplu jiżdiedu sabiex jintleħaq l-għan li l-pubbliku jiġi moqdi bl-aħjar mod possibbli. Il-mira li trid tintleħaq hija dik li l-pubbliku jibda jagħżel li juża it-trasport pubbliku minnflok il-karozza privata tiegħu. B’dan il-mod, fost affarijiet oħra, inkunu qed innaqqsu il-konġestjoni tat-traffiku mit-toroq tagħna u għaldaqstant ingawdu minn arja aktar nadifa.

Karozzi tal-Linja – nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus, ġimgħa ġimgħa, f'manutenzjoni, inkluż materjal, tal-karozzi tal-linja minn Jannar 2014 sa Settembru 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont informazzjoni provduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku, l-ispejjeż li ntefqu f’manutenzjoni inkluż materjal tal-karozzi tal-linja bejn Jannar u Lulju 2014 kienu is-sussegwenti: Xahar € Jannar 2014 € 401,487.00 Frar 2014 € 473,494.00 Marzu 2014 € 387,542.00 April 2014 € 402,201.00 Mejju 2014 € 395,626.00 Gunju 2014 € 351,540.00 Lulju 2014 € 446,014.00 Total ta’ 7 xhur € 2,857,904.00 Il-figuri ta’ Awwissu u Settembru 2014 għadhom qegħdin jiġu ivverifikati. Din l-ispiża tikkontrasta bil-kbir maċ-ċifri mgħoddija lili għall-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2013 fejn in-nefqa għall-manutenzjoni tal-karozzi tal-linja kienu hekk kif ġej :- Xahar € Jannar 2013 € 533,000.00 ċ Frar 2013 € 670,000.00 Marzu 2013 € 562,000.00 April 2013 € 702,000.00 Mejju 2013 € 658,000.00 Total ta’ 5 xhur € 3,125,000.00 L-ispiża għax-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2013 mhix disponibbli, liema informazzjoni kienet tinżamm mill-operatur ta’ dak iż-żmien, jiġifieri mill-ARRIVA Malta Ltd. Kif wieħed jista jinnota, matul din is-sena, jiġifieri fl-2014, l-ispiża tnaqqset drastikament, avolja il-frekwenza ta’ manutenzjoni tal-karozzi tnaqqset minn 12-il ġimgħa għal 6 ġimgħat u nofs.

Trasport pubbliku – inkjesti dwar ħruq ta’ karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-inkjesti dwar ħruq ta' karozzi tal-linja minn meta l-operat tat-trasport pubbliku ġie f’idejn il-Malta Public Trasport Services, jiġifieri minn Jannar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali fuq il-ħruq tal-korazza tal -linja, li ġrat fi Triq Burmarrad, Burmarrad, nhar l-20 ta’ Jannar ta’ din is-sena hija konkluża. Jirriżulta li il-ħruq kien ikkaġunat aċċidentalment minn wire ta’ tyre li inqabad bejn id-differential tan-naħa ta’ ġewwa tad- double wheels tax-xellug, bejn ir-rim u d-drum tal-brejkijiet.

Il-Kappara – tender għall-kostruzzjoni tal-junction

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'wassal għad-dewmien biex ħarġet it-tender għall-kostruzzjoni tal-junction tal-Kappara meta skont risposta għall-mistoqsija parlamentari li kien ta l-Onor. Ministru stess, din kellha toħroġ f'Settembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm dewmien fuq il-ħruġ tat-tender għall-kostruzzjoni tal-junction tal-Kappara minħabba li kien ġie deċiż li t-tender inkwistjoni jerġa’ jgħaddi minn proċessi ta’ awditjar u diversi reviews tekniċi u legali u allura dan iż-żmien intuża wkoll biex tittejjeb il-kwalita’ tal-istess tender u jiġi kkonsolidat aħjar il-kontenut tiegħu.

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana – tarmak fit-triq il-ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex triq ġdida fi Triq Annetto Caruana, eżatt wara l-knisja tal-Qawra, tiġi mogħtija t-tarmak għaliex hi mibnija u mimlija residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta kienet ħarġet tender għall-kostruzzjoni ta’ din it-triq. Dan it-tender qiegħed fl-istadju ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-futur qrib.

Il-Furjana –reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reserved parking spaces fil-lokalità tal-Furjana matul is-snin 2012, 2013 u 2014? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati u f’kull każ f’liema triq?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li fil-lokalita’ tal-Furjana kien hemm ħdax-il talba għal parkeġġ riżervat għar-residenti matul is-snin 2012, 2013 u 2014. L-informazzjoni dwar dawk li t-talbiet li ġew approvati huwa kif ġej: ISEM TAT-TRIQ DATA TAL-APPROVAZZJONI Triq il-Fosos 09/08/2012 Pietri Floriani Street 10/09/2012 Pjazza San Kalċedonju 29/07/2013

Il-Belt Valletta –reserved parking spaces

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal reserved parking spaces fil-lokalità tal-Belt Valletta matul is-snin 2012, 2013 u 2014? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew approvati u f’kull każ f’liema triq?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li fil-lokalita’ tal-Belt Valletta kien hemm ħamsa u erbgħin talba għal parkeġġ riżervat għar-residenti matul is-snin 2012, 2013 u 2014. L-informazzjoni dwar dawk li t-talbiet li ġew approvati huwa kif ġej: ISEM TAT-TRIQ DATA TAL-APPROVAZZJONI Triq it-Turgien 02/02/2012 Triq il-Punent 02/09/2013 Old Bakery Street 11/05/2013 Lascaris Wharf 11/05/2013 Triq ir-Repubblika, 29/04/2014 Triq il-Merkanti 29/04/2014

Ħ’Attard, Ħal Balzan u l-Mosta – toroq asfaltati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq ġewwa Ħ’Attard, Ħal Balzan u l-Mosta huma pprogrammati li jiġu asfaltati minn Transport Malta, jekk hemm, sa l-aħħar tal-2015?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-lokalitajiet msemmija Transport Malta tasfalta t-toroq li jaqgħu taħt ir-responsibilta’ tagħha u skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Raħal Ġdid — Qtugħ ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10901 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima u li issa ġiet riferuta lilu u jibgħat lil xi ħaddiema biex jaqtgħu s-siġar ta’ maġenb ix-showroom tal-kmamar tal-banju fi Triq l-Arkata, Raħal Ġdid, għax kibru ħafna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex issir iż-żabra tas-siġar imsemmija.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.

Rotta X7

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm talba ukoll minn numru ta' studenti tal-MCAST biex l-X7 tieqaf quddiem l-istage ta' Raħal Ġdid bħal ma jagħmlu l-X2 u l-X3?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat illi l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament ġie ikkuntatjat minn uffiċjal ta’ Transport Malta. Infurmat ukoll illi it-talba sabiex ir-rotta X7 tieqaf fuq il-bus stop “Lourdes” fi triqitha lejn Ħal-Għaxaq ser tiġi indirizzata f’qasir żmien.

Trasport Pubbliku — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti garanzija lill-ħaddiema kollha li bħalissa jaħdmu mal-kumpanija li qed tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku illi appena tidħol fl-operat il-kumpanija privata li ser tkun magħżula biex tipprovdi dan is-servizz, ħadd ma jitlef xogħolu? Jista’ jagħti garanzija lil dawn il-ħaddiema illi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u l-pagi ser jitjiebu u mhux imorru għal agħar?

Response (MIZZI, JOE)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li meta s-sena l-oħra ġejna iffaċċjati bil-problema ta’ falliment tat-trasport pubbliku f’pajjiżna, ħadna ħsieb li l-impjiegi ta’ dawn il-ħaddiema ma jintilfux, li s-servizz jibqa’ għaddej u li jispiċċa tberbieq żejjed. In-network tat-trasport il-ġdid se tkun akbar minn dak li kellna u dan se jikkontribwixxi għal żieda fl-impjiegi fis-settur u mhux tnaqqis kif ilu jipprova jallega l-istess Onor. Interpellant. Ninfurmah ukoll li meta l-operat jgħaddi f’idejn il-privat, il-kundizzjonijiet tax-xogħol preżenti mhux mistennija li jmorru għall-agħar u għaldaqstant il-ħaddiem mhux se jitlef il-kundizzjonijiet li għandu illum. Lill-Onorevoli Interpellant nitolbu jkun infurmat ukoll li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-Trasport Pubbliku huma regolati bi Ftehim Kollettiv bejn il-Management u l-Union rappreżentattiva tal-impjegati.