Jista' l-Ministru jgħid jistax isir xi tip ta' centre strip fi Triq Manuel Dimech f'Ħal Qormi, minflok il-linji miżbugħa ma' l-art minħabba li dawn m'humiex effettivi, biex tinżamm l-ordni tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet oħra lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x'jista' jsir, madanakollu tajjeb wieħed jgħid li s-sinjali fl-art huma mezz effettiv ta` kontroll tat-traffiku.
Peress li Triq iċ-Ċawsli f'Ħal Qormi qed timtela' bl-ilma li jinżel minn Ħal-Luqa u li jgħaddi minn side street għal ġo din it-triq u allura jidher li hemm bżonn ta'sistema biex l-ilma ma jogħliex, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se ssir xi ħaġa biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li issa nbniet 'culvert' ta' l-ilma li tgħaqqad Triq Mdina għal ġol-Wied iċ-Ċawsli li tgħaddi minn Triq Ħal Luqa, il-problema fi Triq iċ-Ċawsli hi mistennija li tonqos sew.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir fil-konkret biex Triq il-Ħelsien, Ħal Qormi, li tgħaqqad fuq naħa ma' Triq l-Imdina u fuq in-naħa l-oħra ma' Triq il-Wied u l hi mimlija cross roads, tkun safe għal dawk li jaqsmu kontinwament min-naħa għall-oħra peress li sal-lum fl-ebda parti ta' din it-triq twila ma jeżistu sistemi biex jiffaċilitaw il-qsim min-naħa għall-oħra?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment qed jagħmel studju biex jara x'faċilita għal 'pedestrians' għandha ssir fiż-żona msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bus stop li hemm ħdejn it-traffic lights ġo Imsida Seafront huwiex se jiċċaqlaq għal quddiem il-flats tal-gvern li hemm ġo Marina Street, Pieta'? Jekk iva, jista' l-Minstru jgħid fejn se jipparkjaw il-vannijiet illi jkunu se jħottu l-merkanzija għall-ħwienet li hemm taħt il-flats tal-gvern?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ċ-ċaqlieq ta' l-`Bus Stop` imsemmi għadu qiegħed jiġi studjat.
Issa li għaddew xahrejn u nofs minn mindu żdiedu n-nollijiet tal-karozzi tal-linja, jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx jitwettqu xi riformi konnessi ma' dawn iż-żidiet? Japprezza li wara numru ta' ittri fil-gazzetti minn turisti rigward it-trattament tagħhom minn xufiera tal-linja għandu jsir xi ħaġa biex is-sitwazzjon tiġi rimedjata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed jiġu kkunsidrati numru ta` miżuri ġodda biex tiżdied id-dixxiplina fost l-operaturi ta dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jagħti parir lill-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku biex terġa' ssir il-venda Nru 5 f'Raħal Ġdid minħabba l-bżonn ta' din il-venda u n-nies ta' Raħal Ġdid m'humiex iħossuhom moqdija bit-trasport pubbliku minħabba li meta jgħaddu minn Raħal Ġdid, il-karozzi tal-linja jkunu diġa' mimlija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` għat-Trasport Pubbliku qed tikkunsidra bidliet fuq diversi rotot tas-servizz. Jekk tinħas il-ħtieġa ta` bidla bħal din, issir ukoll.
Jista'l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li se jitlesta x-xogħol fuq ir-roundabout ta' Mdina Road, Ħal Qormi, minħabba li issa li tneħħew il-boundaries ta' din ir-roundabout, bix-xita l-ħamrija u t-terrapien qed joħorġu fit-triq u jinżlu fit-toroq tal-qrib?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat hu parti minn xogħol ferm ikbar li qed isir fl-inħawi. Dan ix-xogħol hu mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkonsidrat li tiġi żviluppata sistema tat-traffiku ġdida biex tiġi megħluba l-konġestjoni tat-traffiku li tinħoloq fi Triq San Bastjan ġewwa Ħal Qormi għar-roundabout ta' ħdejn il-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Hal Qormi l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għadu kif approva sistema ta' 'One Way' fiz-żona ta' Triq San Bastjan biex il-konġezzjoni li tinħoloq f'din it-triq tonqos kemm jista' jkun.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' l-improvements li qegħdin isiru fil-junction magħruf bħala Ta' Alla u Ommu, l/o Naxxar? Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-permess ta' l-iżvilupp ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal dan ix-xogħol? Kemm se jiswa dan ix-xogħol? Min hu l-kuntrattur inkarigat minn dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol li qed isir bħalissa jikkonsisti fl-iffurmar tar-`Roundabout , centre strips` u bankini li qed isir b`kuntratt mogħti lill-kumpanija Calex Contractor Ltd. għas-somma ta` Lm9195.
Saret ukoll sejħa għall-offerti sabiex il-partijiet tat-triq li jintużaw mit-traffiku jiġu ffurmati għall-livelli meħtieġa w asfaltati b`regulating course`. Dan ix-xogħol hu stmat li jiswa Lm17,470.
Jien infurmat li m`hemmx bżonn ta` permessi ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għal dan ix-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi x-xogħol li qed isir fit-tarf tat-telgħa ta` Alla w Ommu, in-Naxxar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku dwar il-Park and Ride Scheme?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjanijiet dwar il-`Park` and `Ride Scheme` qegħdin jiġu studjati flimkien ma possibiltajiet ta` alternattivi oħra biex jitjieb it-trasport pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt saritx talba biex isiru traffic lights quddiem il-ħanut Kojak fi Triq it-Telgħet ta' Raħal Ġdid, Paola, minħabba l-inkonvenjent tar-residenti ta' l-inħawi li jkunu jridu jagħmlu l-qadjiet tagħhom fil-qalba tar-raħal? Jekk hemm il-ħsieb li jsiru, meta se jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qatt ma kien hemm talba biex jiġu stallati `traffic lights` fi Triq it-Telgħet ta` Raħal Ġdid.
Id-Dipartiment ser jagħmel `survey` biex jiġi stabbilit il-bżonn li jiġu stallati f`din iż-żona.
Possibbli l-Ministru jieħu passi biex il-kuntrattur ikompli x-xogħol fi Triq Lia, Żabbar li nbeda, tħaffret ħofra kbira u tħalla kollox kif inhu għal bosta ġranet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed jieħu passi mall-kuntrattur biex dan ix-xogħol jitlesta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex inħass il-bżonn ta' sorveljanza kontinwa matul l-24 siegħa kuljum mill-pulizija mad-Dipartment tat-Toroq? X'qiegħed iqum dan is-servizz lid-dipartiment?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pulizija mhumiex qegħdin jagħmlu xi xogħol ta` sorveljanza fid-Dipartiment tat-Toroq. Meta sar il-ġarr għall-uffiċċju l-ġdid tqabbdet kumpanija tal-għassa biex tieħu ħsieb il-post tul il-ġurnata kollha peress li barra l-impjegati tad-Dipartiment tat-Toroq kien hemm ħafna nies u pubbliku deħlin u ħerġin fil-bini.
Issa li ħarġet sejħa għall-offerti biex dan is-servizz jitkompla fuq bażi regolari u aktar fit-tul, il-kumpanija privata ta` l-għassa ġiet mitluba tibgħat l-impjegat tagħha bil-lejl biss fil-waqt li x-xogħol ta` filgħodu qed isir temporanjament minn pulizija li jkun `off duty`.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-PC (Personal Computer) density f'Malta bħalissa?
Kif kibret tul is-snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju Ċentrali ta` l-Istatistika miċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u Djar li sar fl-1995 hija kif tidher hawn taħt:
Households li għandhom apparat wieħed 18531
żewg apparat 1185
tlett apparat 147
erba` apparat 23
ħames apparat 3
sitt apparat 6
TOTAL 19895
Din il-figura ma tinkludix il-kwantita ta` apparat fl-uffiċini, negozji etc.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-culvert fi Triq il-Batterija, Sta.Venera li ilu ppjanat għal aktar minn ħames snin? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol se jinbeda u kemm jieħu żmien biex ix-xogħol kollu jitlesta?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed iħejji l-pjani għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi xogħol ta' resurfacing f'Bormla, il-Birgu, l-Isla, l-Kalkara, il-Fgura u x-Xgħajra? Jekk fl-affermattiv, liema huma dawn it-toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Billi l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xogħol ta` `resurfacing` fil-lokalitajiet, nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jindaga għaliex Triq Paolo Schembri, ġewwa Ħal Tarxien minkejja li d-Dipartiment tat-Toroq għal dawn l-aħħar xhur qal lir-residenti ta' din it-triq li x-xogħol ta' asfaltar dalwaqt ikun lest, għadu sal-lum mhux mibdi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol fuq din it-triq huwa mdaħħal fil-programm ta` prijoritajiet li ħejja d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa d-Dipartiment tat-Toroq dwar il-magħaqad ta' l-ilma wara ħalba xita fi Great Seige Road, 'l isfel mill-Excelsior Hotel?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ser jieħu passi neċessarji biex isir `survey` ta` l-`area` u tittieħed azzjoni skond il-bżonn.