Studenti tal-Form 5 — talbiet biex jispiċċaw qabel tmien is-sena jew jilħqu s-16-il sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti li jinstabu fil-Form 5 talbu li jispiċċaw qabel it-tmiem tas-sena skolastika jew qabel jilħqu l-età ta' 16-il sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni separata għall-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja u kemm huma bniet u kemm subien?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena skolastika 2012/2013 sal-lum kien hemm żewġ (2) studenti mill-Form 5 li talbu għal eżenzjoni mill-iskola, ġuvni ta' 15-il sena u tfajla ta' 16-il sena, it-tnejn jattendu skejjel tal-Gvern.
Fondi tal-Unjoni Ewropea — xogħlijiet fl-Università ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol qed isir fl-Università ta' Malta bħalissa li għalih qed jintużaw fondi mill-Unjoni Ewropea, kemm infrastrutturali u le?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm faċilitajiet sportivi f'Malta u Għawdex li huma mmexxija mill-Gvern? Liema huma dawn il-faċilitajiet? Kemm hemm faċilitajiet sportivi f'Malta u Għawdex li huma proprjetà pubblika però huma mmexxija mill-privat jew entitajiet mhux governattivi? Liema huma dawn il-faċilitajiet, u min qed imexxi kull waħda minn dawn il-faċilitajiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel tal-istat hemm numru ta' faċilitajiet sportivi. Infurmat li d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandu 51 (wieħed u ħamsin) ftehim mal-Kunsill Malti għall-iSport għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet wara l-ħin tal-iskola. Dawn il-ftehim ikopru l-iskejjel u l-faċilitajiet sportivi li jidhru f'tabella 'A' li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Kunsill Malti għall-iSport imexxi tmien (8) faċilitajiet sportivi li huma:
Kumpless Sportiv tal-Kottonera
Kumpless Sportiv ta' Hal Kirkop
Kumpless Sportiv tal-Marsa
Kumpless Sportiv Tal-Qroqq
Ta' Qali Outdoor Gym
Ta' Qali High Ropes
Qormi Sports and Fitness Park
Msida Skating Park.
Infurmat li l-Gozo Sports Complex huwa taħt ir-responsabbilta` tal-Ministeru għal Għawdex.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa 129 biċċa art tal-Gvern qegħdin għand 119-il għaqda sportiva biex jintużaw/jiġu żviluppati f'faċilitajiet sportivi għat-taħriġ tal-atleti u/jew biex iservu ta' bini amministrattiv tal-istess għaqdiet. Id-dettalji huma kif jidher f'tabella 'B'.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — konsulenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mid-dekasteru tiegħi, l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant tħallas għal xogħol ta' konsulenza kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – job vacancies
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’job vacancies hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi:
Dok. 'A' - Direttorat għal Servizzi Edukattivi
Dok. 'B' - Universita` ta' Malta
Dok. 'Ċ' - MCAST
Dok. 'D' - jinkludi id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, id-Dipartiment tal-Eżamijiet, l-European Union Programmes Agency (EUPA), il- Malta Council for Science and Technology (MCST), in-National Commission for Further and Higher Education (NCFHE), l-Employment and Training Corporation (ETC), il-Foundation for Educational Services (FES), u l-Kunsill Malti għall-iSport (KMS).
Jista’ l-Ministru jgħid liema bordijiet ta’ għażla għal job vacancies li hemm bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, huma diġà kostitwiti? Jista’ jgħid minn min huma kostitwiti dawn il-bordijiet u f’liema kapaċita qegħdin hemm il-membri ta-bordijiet? Sar xi tibdil fil-kostituzzjoni ta’ dawn il-bordijiet? Kien hemm xi entitajiet li qabel ma kenux irrapreżentati, u issa qed jiġu rrapreżentati u viċi versa?
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-istudji internazzjonali relatati mal-edukazzjoni li l-Gvern bi ħsiebu jipparteċipa fihom? Jista’ jgħid f’liema snin skolastiċi se jsiru dawn l-istudji u ma’ liema etajiet ta’ studenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
L-istudji edukattivi internazzjonali li Malta ser tieħu sehem fihom huma Programme for International Student Assessment (PISA) organizzat mill-OECD, Trends in International Mathematics and Science Study (TIMSS), International Civic and Citizenship Education Study (ICCS), u Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS) organizzati mill-IEA.
Il-Field Test ta' PISA, TIMSS u ICCS ser isir fl-2014, u dak tal-PIRLS fl-2015. Il-Main Study ta' PISA u TIMSS ser isir fl-2015, u dak tal-ICCS u tal-PIRLS fl-2016.
L-etajiet tal-istudenti li ser jagħmlu dan l-assessjar ivarja minn madwar 9 snin u nofs fil-PIRLS, 13-il sena u nofs fit-TIMSS u fl-ICCS, u 15-il sena u nofs fil-PISA.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-ħames skejjel ġodda li se jinbnew fil-ħames snin li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li s'issa jidher l-iskejjel ġodda li hemm bżonn jinbnew huma f'Ħal Kirkop, f'San Pawl il-Baħar u l-Mosta. Hemm diskussjoni interna għaddejja mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi dwar il-kompożizzjoni tal-Kulleġġi. Ladarba din tkun definita, wieħed jista' jippjana aktar bini ta' skejjel ġodda.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ tfal li l-Ministru jaħseb li għandhom jieħdu l-iskejjel primarji u sekondarji b’mod separat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-popolazzjoni ta' studenti ġo skola jiddependi mid-daqs tal-lokalità. Skejjel kbar iż-żejjed jew żgħar iż-żejjed mhumiex ideali għat-tip ta' edukazzjoni li nixtiequ noffru. Riċerka internazzjonali turi li d-daqs ideali tal-iskejjel ikun ivarja bejn 400 u 500.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu x-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tkun taf minn żmien għal żmien dwar xi fabbriki li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Meta l-Korporazzjoni tkun taf li hemm ħaddiema li aktarx jitilfu xogħolhom, hija tintervjeni permezz ta' servizzi ta' impjieg u taħriġ. Mhuwiex għaqli li wieħed isemmi b'mod pubbliku ismijiet ta' fabbriki li jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet.
Studenti tal-Form 5 — Permess biex jitilqu mill-iskola qabel għeluq is-16-il sena
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena skolastika kemm kien hemm studenti li ngħataw permess jitilqu mill-iskola qabel għalqu s-16-il sena? Kemm kienu subien u kemm bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali? Kemm kienu jattendu fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mill-bidu tas-sena skolastika 2012/2013 sal-lum kien hemm tliet studenti li talbu biex jingħataw permess jitilqu mill-iskola qabel għalqu s-16-il sena. Dawn kienu żewġ tfajliet u ġuvni u kienu jattendu skejjel tal-Gvern. L-eżenzjoni ngħatat minħabba raġunijiet umanitarji.
Skola Primarja ta' Bormla — grawnd għar-rikreazzjoni
Question
Peress li snin ilu, l-istudenti tal-iskola primarja ta' Bormla kienu jagħmlu użu minn grawnd żgħir quddiem l-istess skola sabiex jipprattikaw il-lezzjoni tal-PE u anke joħorġu għall-break, u peress li minn xi snin 'l hawn, dan il-grawnd spiċċa jintuża bħala car park b'detriment għat-tfal li issa m'għandhom imkien fejn jirrekreaw irwieħhom, jista' l-Ministru jgħid jekk il-predeċessur tiegħu qattx ippruvat issolvi dan l-inkonvenjent? Jekk fl-affermattiv, x'għamlet fil-prattika? Jista' jgħid hux se jikkunsidra li jsir xi ħaġa għal dawn it-tfal, forsi anke jittieħed nofs l-istess parking sabiex jintuża mill-iskola?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tfal tal-iskola primarja ta' Bormla ilhom imċaħħdin mill-ispazju ta' logħob mindu ttieħed għall-parking. Qed naraw x'nistgħu nagħmlu biex nipprovdulhom spazju alternattiv.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 537 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi ż-Żgħar u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-living wage għas-settur privat u għas-self employed?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ entitajiet fi ħdan il-Ministeru tiegħi li huma kkonċernati ma' impjiegi, jiġifieri il-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ, u l-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol, mhumiex involuti f'mekkaniżmi li jistabbilixxu s-salarju jew il-living wage.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi ta' għalliema mal-Gvern bħalissa? F'liema suġġetti u f'liema livell? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li jiġu impjegati supply teachers għas-sena skolastika li jmiss u f'liema suġġetti u livelli?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bħalissa m'hemmx vakanzi ta' għalliema fl-iskejjel tal-Istat. Supply Teachers jiġu mpjegati jekk u meta jinħolqu vakanzi li ma jkunux jistgħu jimtlew minn għalliema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn child care centres fil-preżent u kemm minnhom huma tal-Gvern u mmexxija mill-Gvern stess? Fejn jinsabu dawn iċ-child care centres? Jista' jgħid jekk jintalabx ħlas għal min jagħmel użu minn dawn iċ-child care centres? Fejn huwa maħsub li jinfetħu oħrajn ġodda? X'ħin jiftħu u jagħlqu dawn iċ-ċentri li huma mħaddma mill-Gvern?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Familja u Solidarjeta' Soċjali.
Ninsab infurmat li ċ-ċentri li tmexxi l-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi jinsabu f'dawn il-lokalitajiet:-
1. Il-Birgu
2. Bormla
3. Birkirkara
4. Il-Qawra
5. Floriana
6. In-Naxxar
7. Ħal Qormi
8. Pembroke
9. Is-Siġġiewi
10. Santa Venera
11. Il-Marsa
Tintalab issir kontribuzzjoni mingħand min juża s-servizz u din tinħadem fuq sistema ta' means testing.
Skont in-National Reform Programme, child care centres ġodda għandhom jinfetħu fil-Gżira u ż-Żurrieq.
Dawn iċ-ċentri jiftħu fis-7.30 ta' filgħodu u jagħlqu fl-4.00 ta' wara nofsinhar.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' studenti, subien u bniet separatament, li daħlu fil-Higher Secondary Giovanni Curmi f'din is-sena skolastika? Kemm minnhom telqu mill-istudji tagħhom qabel ma ntemmet is-sena skolastika? Kien hemm xi studenti li tkeċċew? Jekk iva, għal liema raġuni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti universitarji Għawdxin li għażlu li jagħmlu l-eżamijiet f’Għawdex skont kull kors rispettivament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-għadd ta' studenti universitarji Għawdxin li jattendu kors f'Malta u li għażlu li jagħmlu l-eżamijiet f'Għawdex skont kull kors rispettivament. L-Universita' offriet l-opportunita' lil 383 student Għawdxi biex jagħmlu l-eżamijiet Għawdex. Minn dawn 272 aċċettaw.