Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali – PPP ta’ latrini pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li għandhom PPP tal-latrini pubbliċi? Jista’ jgħid kif saret is-sejħa u kemm huwa s-sehem tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda Kunsill Lokali ma daħal għal PPP rigward latrini pubbliċi. L-unika xebħ li jista’ jkun hemm huwa dak tal-Kunsill Lokali Valletta, li żgur mhux l-eżempju li wieħed għandu jikkoppja. Il-Kunsill Lokali Valletta daħal għal ftehim ma żewġ kuntratturi li joperaw dawn il-latrini li għandhom fakulta li jitolbu ħlas għas-servizz li jingħata. Il-ftehim ma kienx ikopri l-ebda ħlas għar-renta u konsum ta’ dawl u ilma. Dawn jitħallsu mill-Gvern ċentrali u mhux mill-kunsill lokali. Ta min jgħid li d-Direttorat għat-tindif fi ħdan MTI qatt ma kien involut fl-ebda arranġamenti bejn il-Kunsill Lokali u l-kuntratturi. Mis-sena 2014 lil hawn id-Direttorat għat-Tindif fi ħdan MTI iddeċieda li jibda jibgħat il-kontijiet ta’ kera tal-art u dawl u ilma lill-kuntratturi rispettivi. Mhux ġust li dawn il-kuntratturi jitħallsu tas-servizz minghand il-pubbliku u l-ispejjeż jibqa jħallashom il-Gvern ċentrali.

Wasteserv — Audit fuq skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk isirux audits fuq l-ammont ta’ skart li jiddaħħal fil-faċilitajiet tal-Wasteserv biex skart jinġabar mingħand il-kunsilli lokali peress li jsiru allegazzjonijiet li xi kuntratturi jdaħħlu skart minn sorsi oħra flimkien ma’ dak tal-kunsill lokali bil-konsegwenza li l-kunsilli jispiċċaw iħallsu għall-iskart li mhux tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u l-Imsida – allokazzjoni finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-allokazzjoni finanzjarja li ġiet mgħoddija lill-Kunsilli Lokali ta’ Birkirkara u tal-Imsida separatament u rispettivament fl-2014 u fl-2015 sabiex jamministraw dawn l-imsemmija fondi f’isem il-Kumitat Amministrattiv tas-Swatar? Jista’ jgħid x’kienet in-nefqa ġewwa l-hamlet tas-Swatar mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara u tal-Imsida fl-2014 u fl-2015 mill-allokazzjoni finanzjarja li ġie mgħoddija lilhom għal dan il-għan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f’seduta oħra.

Il-Fgura – Triq A.M. Valperga – xogħlijiet fuq proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet biex ikompli x-xogħol tal-proġett fi Triq A.M Valperga Fgura kif ġie mwiegħed mis-Sindku tal-Fgura u dan anke b’kitba f’fuljett li ntbagħat fid-djar, fejn fost l-oħrajn kien jinkludi grawd tal-football u proġetti oħra bħal parking area u restawr tas-swar? Jikkonferma li dan ix-xogħol se jwassal biex ma jkomplix jinġabar ħafna ilma f’din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt il-laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Fgura datata 22 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill Lokali tal-Fgura qabel dwar pjan ħolistiku għaż-żona in kwestjoni biswit is-swar wara diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar. Ninsab infurmat illi fiż-żmien li ġej ser tkun qed issir l-applikazjoni mal-MEPA f’dan ir-rigward. Il-fuljett riferut mill-Interpellant, la kien jagħmel referenza għal proġett ta’ parking area, u wisq anqas għar-restawr tas-swar. Il-Kunsill Lokali tal-Fgura żied jgħid li Triq A.M. Valperga hija waħda wieqfa, u għaldaqstant ma jinġabar l-ebda ilma f’din t-triq.

Kunsilli Lokali – telf/dejn

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20659 u jgħid kemm kull kunsill lokali f’Malta u Għawdex għandu telf jew dejn (akkumulat sal-aħħar ta’ Settembru 2015) ? Għal liema raġuni l-kunsilli jattribwixxu d-dejn li jkollhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Mill-informazzjoni miġbura mingħand il-Kunsilli Lokali kollha jirriżulta li hemm tletin Kunsill Lokali li rrapurtaw li għandhom dejn jew telf akkumulat sal-aħħar ta' Settembru 2015. Qed inqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra. Konsistentement issemmiet l-PPP tat-toroq li saret fi żmien amministrazzjoni preċedenti bħala waħda mill-fatturi li wasslu għad-dejn. Kien hemm ukoll xi Kunsilli li sostnew li l-allokazzjoni tagħhom mill-Gvern Ċentrali m’hijiex biżżejjed. F’dan is-sens infakkar li l-Gvern preżenti żied konsistentement l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali matul dina l-leġiżlatura.

San Ġwann – Triq Wied Għollieqa – Lukanda — skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux hu l-Ministru kkonċernat biex iwieġeb mistoqsija parlamentari 20656 u ċjoè jgħid kif se jassigura li lukanda fi Triq Wied Għollieqa fil-Kappara (San Ġwann) ma tħallix il-garbage bags tagħha barra t-triq minflok tpoġġihom f’kamra li għandha apposta bħalma jiġri ta’ spiss sakemm dawn jinġabru mill-kollettur privat tal-lukanda? Jekk le, jista’ jgħid liema Ministru hu kkonċernat?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li l-Kunsill kien għamel żewġ rapporti lill-Pulizija u anke lid-Dipartiment tas-Sanità dwar dan il-każ. Intant hekk kif waslitli din l-informazzjoni d-Dipartiment għall-Gvern Lokali rrefera dan il-każ lill-Aġenżija tal-Infurzar Lokali, LESA.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u kwalunkwe entità oħra illi taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu (għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għanda tittieħed illi tinkludi kemm dawk fuq it-tv, kemm dawk fuq ir-radio, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-1 ta’ April 2015 sad-data illi fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami illi għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont illi tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tal-Gvern Lokali – kunsilli lokali — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid matul l-2014 u l-2015 sal-lum liema kunsilli lokali f’Għawdex ibbenefikaw minn skemi maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u li permezz tagħhom ħadu fondi addizzjonali? Jista’ jelenka taħt liema skemi ħadu l-għajnuna dawn il-kunsilli lokali f’Għawdex u kemm kienet l-għajnuna f’kull każ u għal liema proġett jew inizjattiva ngħatat?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – ħaddiema li rtiraw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20071 u jgħid kemm irtiraw nies minn kull dipartiment u entità li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġew impjegati nies ma’ kull entità u dipartiment li jifformaw parti mill-Ministeru fl-istess perjodu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli lokali – memo dwar l-Ambaxxatur Lokali taż-Żgħażagħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li minn mindu ħarġet il-Memo baqgħu ma kellhomx Ambaxxatur Lokali taż-Żgħażagħ? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni u x’passi qed jieħu jew se jieħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 53 Kunsill Lokali li għandhom ambaxxatur taż-żgħażagħ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif ukoll id-dettalji bir-raġuni il-għala xi wħud mill-Kunsilli Lokali m’għandhomx ambaxxatur taż-żgħażagħ.

Kunsilli Lokali – aġġudikazzjoni tal-proġetti maġġuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proċeduri addottati mill-kunsilli lokali fl-aġġudikazzjoni ta’ proġetti maġġuri? Jista’ jgħid kif jintgħażlu l-membri ta’ aġġudikazzjoni u jekk hemmx il-ħsieb li s-sistema tkun riveduta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali jimxu mar-Regolamenti u Proċeduri dwar Kunsilli Lokali (Offerti), li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk l-Att dwar il-Kunsilli Lokali KAP 363 jistipula illi: “40. (1) Meta Kunsill joħrog għall-offerti jew għallkwotazzjonijiet xi xogħlijiet, oġġetti jew servizzi li jkollhom x’jaqsmu mal-funzjonijiet tiegħu, jew għat-trasferiment ta’ xi art, dan għandu jagħti avviż tal-ħsieb tiegħu billi jippubblika avviż fil-Gazzetta. B’żieda ma’ din il-ħtieġa, Kunsill jista’ ukoll jagħti avviż tal-ħsieb tiegħu billi jippubblika avviż fil-Gazzetta u f’gazzetta waħda ta’ kull jum. Ir-regolamenti dwar il-pubblikazzjoni talofferti u kwotazzjonijiet għandhom isiru mid-Direttur u jiġu kkomunikati lill-Kunsilli Lokali. Avviż bħal dan għandu jkun fih dan l i ġej: (a) deskrizzjoni fil-qosor tax-xogħol; (b) dikjarazzjoni li matul perijodu speċifikat fl-avviż kull persuna tista’ mingħajr ħlas tispezzjona speċifikazzjoni dettaljata tax-xogħol f’post u ħin speċifikati fl - avviż; (ċ) dikjarazzjoni taż-żmien li matu lu għandu jsir ixxogħol; (d) dikjarazzjoni li matul dak il-perijodu kull persuna li titlob tingħata kopja tal-ispeċifikazzjonijiet dettaljati bi ħlas kif ikun speċifikat fl-avviż; (e) dikjarazzjoni li kull persuna li tkun tixtieq tagħmel ixxogħol għandha t avża dan il-fatt lill-Kunsill fiż-żmien speċifikat fl-avviż; u (f) id-data u l-post fejn l-offerti kollha jkunu se jinfetħu fil-pubbliku; (g) fil-każ ta’ trasferiment ta’ xi art, deskrizzjoni tagħha inklużi s-sit u l-medda tagħha u kull restrizzjoni li tista’ ssir dw ar l-użu tagħha, kif ukoll kull kondizzjoni li t-trasferiment jista’ jkun suġġett għaliha. (2) Il-Kunsill għandu - (a) iqiegħed għad-disposizzjoni ta’ kull persuna interessata, kopji tal-offerti kollha u dokumenti li jkollhom magħhom bi prezz xieraq; (b) jaħtar data u post fejn jisma’ s-sottomissjonijiet mingħand kull persuna interessata fuq l-offerti kollha li jkunu saru jew uħud minnhom; (ċ) jippubblika d-deċiżjonijiet tiegħu flimkien marraġunijiet għali ex ikun ħadhom u jipprovdi lil kull persuna interessata kopja tagħhom bi prezz xieraq. 41. F’każ ta’ proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea, ilproċeduri tal-offerti għandhom ikunu skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea u dawn għandhom ikunu regolati mid-D ipartiment tal- Kuntratti.” Il-membri tal-Bord tal-aġġudikazzjoni jintgħażlu skont P3.05 tal-Proċeduri dwar Offerti estratta hawn taħt. “P3.505 E żami tal-Offerti Il-proċess, l-evalwazzjoni u d-deċiżjoni fuq l-offerti jsiru jew mill-Kunsill jew minn kumit at maħtur apposta mill-Kunsill sabiex jiddeċiedi fuq l-offerti li jkunu ntefgħu. Il-Kumitat jista’ jaħtar assistenza minn barra jekk ikunu meħtieġa pariri tekniċi jew xort’oħra.” Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet sabiex il-proċess ta’ procurement jiġi revedut kollu, liema proċess ser jiġi in linea mal-Public Procurement Regulations. Ser jintbgħatu linji gwida lill-Kunsilli Lokali meta d-diskussjonjiet jiġu konklużi u jiġi maqbul fuq dokument finali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar- Regolamenti dwar Offerti lill-Kunsilli Lokali

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — nefqa f'konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’konsulenti fil-Ministeru tiegħu nkluż dipartimenti u entitajiet bejn l-2008 u Marzu 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat, illi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali nefqu b’kollox is-somma ta’ €687,199.29 f’konsulenzi bejn l-2008 u Marzu 2013.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali – reklamar dwar il-Budget 2016

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew ir-reklami dwar il-Budget 2016, kemm dawk fuq it-television, kemm dawk fuq ir-radju, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals kif ukoll dawk bħala google adverts, sew jekk diġà dehru u kemm jekk għad iridu jidhru, in konnessjoni ma’ materja li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Għawdex – Kunsilli Lokali — allokazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20674, jista’ l-Ministru jara li l-allokazzjoni li se tingħata kull kunsill lokali tiġi komunikata qabel ir-raba’ ġimgħa ta’ Diċembru u dan stante li din is-sena l-budget sar aktar minn xahar qabel is-soltu kif ukoll stante li s-sena finanzjarja tal-kunsilli lokali tibda fl-1 ta’ Jannar u allura jekk din tiġi komunikata fir-raba’ ġimgħa ta’ Diċembru, kull kunsill lokali ma jkollu l-ebda ċans li sal-bidu tas-sena finanzjarja jippjana u jħejji l-budget neċessarju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir evalwazzjoni tal-workings. Hu pjaċir tagħna li din is-sena kien hemm żieda ulterjuri ta’ miljun ewro (€1M), minn €32M għal €33M. Kif il-workings ikunu kompluti u approvati, nikkomunikaw mal-Kunsilli Lokali kollha u nippubbliċizzaw ukoll dina l-komunikazzjoni fuq is-sit www.dlg.gov.mt.

Wied iż-Żurrieq — promenade

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsiru CCTV cameras fit-tul tal-Promenade ta' Triq Wied iż-Żurrieq, Żurrieq/Qrendi biex il-vandaliżmu fuq din il-Promenade jonqos?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsilli Lokali tal-Qrendi u taż-Żurrieq li ser jiddiskuti t-talba fil-laqgħa li jmiss.

Ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali f’kull wieħed mill-ħames reġjuni, fis-sena 2012, 2013, 2014 u 2015 sal-lum? Jista’ jgħid kemm daħħal kull reġjun minn dawn iċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-gwardjani lokali f’kull sena indikata?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għaż-żmien mill-2012 sal-aħħar ta’ Settembru 2015, peress li fl-1 ta’ Ottubru 2015 id-delega tal-infurzar legali għaddiet mingħand ir-Reġjuni għal għand l-aġenzija LESA.

Kunsilli lokali/reġjuni jew Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali – applikazzjoni għal kofinanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw kunsilli lokali/reġjuni jew Assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali għall-kofinanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea matul l-aħħar sena, jiġifieri minn Ġunju 2014 sa Ġunju 2015? Jista’ jgħid kemm minnhom ibbenefikaw matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid jekk kienx hemm xi talba li kienet irrifjutata minħabba nuqqas ta’ fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ applikazzjonijiet mill-Kunsilli Lokali/Reġjuni/Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għall-Ko-finanzjament tal-proġetti tal-Unjoni Ewropea fil-perjodu bejn Ġunju 2014 u Ġunju 2015 hu kif ġej: Applikazzjonijiet li daħlu minn Ġunju 2014 – Ġunju 2015 Kwantitá Ibbenefikaw Irrifjutati minħabba nuqqas ta’ fondi Kunsilli Lokali 11 10 0 Reġjuni 0 0 0 Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali 11-il applikazzjoni 8 applikazzjonijiet 0 Hemm Kunsill Lokali li għadu ma ffirmax il-Kuntratt u għalhekk għadu ma bbenifikax minn dawn il-fondi. Nixtieq nieħu l-opportunità biex inħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea u l-parti li ma tikkwalifikax għal fondi tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsilli Lokali jagħmlu użu minn dawn il-fond li l-Gvern Malti qed jalloka kull sena ħalli jgħin dejjem aktar lill-Kunsilli Lokali.

Kunsilli lokali – servizz ta’ kupuni b’xejn għall-persuni bil-kundizzjoni ta’ Coeliac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li kienu mitluba sabiex joffru s-servizz ta’ kupuni b’xejn mill-uffiċini tagħhom lil dawk il-persuni li għandhom kundizzjoni ta’ Coeliac (gluten-free)?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsilli Lokali li huma kollha joffru servizz ta’ kupuni b’xejn mill-uffiċini tagħhom lil dawk il-persuni li għandhom kundizzjoni ta’ Coeliac (gluten-free).

Kunsilli Lokali – skemi ta’ Life Long Learning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kunsilli lokali li mis-sena 2012 sal-2014 qegħdin jieħdu sehem fl-iskema tal-Life Long Learning? Liema huma dawn il-kunsilli lokali? Kemm hu l-ammont ta’ sussidju li qegħdin igawdu minnu l-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Kien hemm 25 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema tal-Life Long Learning fis-sena 2012/2013 u kien hemm 1020 persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 77 kors differenti. Il-lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali bejniethom jammonta għal total ta’ € 23,317.00 Għas sena 2013/2014 kien hemm 23 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema u 642 il-persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 49 kors differenti. Il-lista ta’ dawn il-Kunsilli Lokali qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali bejniethom jammonta għal total ta’ € 16,010.00 Għas sena 2014/2015 kien hemm 22 Kunsill Lokali li ħadu sehem fl-iskema u 719 il-persuna li applikaw. Għal dawk li applikaw ġew organizzati 55 kors differenti. Il-lista ta’ dawk li applikaw għas sena 2014/2015 qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ sussidju li ħadu l-Kunsilli Lokali huwa ta’ € 15,278.00.