Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-Perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex – xogħlijiet li saru minn Destination Management Companies
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ xogħlijiet li tqabbdu biex jagħmlu Destination Management Companies (jew operaturi simili) mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull biċċa xogħol, jista’ jgħid meta tqabbdu, fiex kien jikkonsisti x-xogħol, kemm sewa u jekk tqabbdux wara proċess kompetittiv jew b’direct order?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill Onor. Interpellant biex jikjarifika aktar l-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid minn min qed jintużaw il-vetturi li n-numru tar-reġistrazzjoni tagħhom qed jingħataw separatament?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-vetturi bin-numru tar-reġistrazzjoni kif indikat fil-mistoqsija qed jiġu ntużati kif ġej:
- L’ewwel karozza msemmija qed tintuża bħala
general use car
mis-Segretarjat Privat;
- It-tieni karozza msemmija qed tintuża miċ-
Chief Information Officer;
- It-tielet karozza qed tintuża mis-Segretarjat Privat skont il-provedimenti taċ-Ċirculari Numru OPM 4008/2003;
- Ir-raba karozza qed tintuża bħala sostitut meta waħda mill-karozzi tad-diretturi li għandhom
fully expensed car
ikollha xi ħsara.
Ministeru għal Għawdex – rimbors għall-użu ta’ karozzi privati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, qegħdin jiġi rimborsati għall-użu tal-karozza privata tagħhom fuq xogħol uffiċjali? Jista’ jgħid x’inhuma l-grad tagħhom u l-pożizzjoni li qegħdin jokkupaw, kif ukoll l-ammont ta’ flus li rċevew matul is-sena 2016 għal dan il-għan? Jista’ jgħid ukoll min ta l-approvazzjoni tiegħu għal tali rimbors f’kull każ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-Perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq Triq ta' Ċenċ fis-Sannat? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-Perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet, jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru għal Għawdex — Segretarjat Privat – Safar
Question
Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex – Ix-Xewkija – inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra — proġett
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm ġew ottenuti Fondi Ewropej għall-proġett li se jsir ġewwa l-ex-MDP u fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra, fix-Xewkija, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-proġett fl-ex-MDP u fl-inħawi magħrufa bħala tal-Ħofra ġew ottenuti €16-il miljun fondi Ewropej. Dan il-proġett ser jiġi implimentat mill-Ministeru tal-Ekonomija, Industrija u l-Intrapriżi ż-Żgħar bl-assistenza u l-kollaborazzjoni sħiħa tal-Ministeru għal Għawdex. Hu mistenni illi dan il-proġett joħloq opportunitajiet ta’ xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess.
Ix-Xewkija – Ċimiterju ta’ Santa Marija — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra bix-xogħlijiet li saru fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija, fil-limiti tax-Xewkija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena ġew esegwiti diversi xogħlijiet f’dan iċ-ċimiterju, li jinkludu :
· Manutenzjoni fuq il-kappella ta’ dan iċ-ċimiterju
· Manutenzjoni fuq l-entrattura prinċipali ta’ dan iċ-ċimiterju,
· Ġew installati żewġ liftijiet fiċ- ċimiterju biex tkun iffaċilitata aktar l-aċċessibilita’ b’mod speċjali għall-persuni b'diżabbilita’ u b' nuqqas ta' mobilita'.
· Tpoġġiet statwa artistika skolpita fil-ġebel ta’ Kristu rxoxt f’post prominenti f’dan iċ-ċimiterju.
· Żbir ta’ siġar u xogħol ta’ tindif ġenerali.
Matul din is-sena ġew iffirmati u ippubblikati minn Nutar tal-Gvern tlett mija u ħamsin (350) kuntratt ta’ bejgħ tal-oqbra ġodda li kienu inbnew fl-estensjoni li saret riċenti, kif kien stipulat f’Avviz Legali 377 tal-2007, amendata bl-avviż legali 35 tat-2013.
Ministeru għal Għawdex — persuni li m’għadhomx fis-Segretarjat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx jaħdmu fis-Segretarjat minn April 2013?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpeklant li kienu (14) erbatax l-impjegati li ma baqgħux jaħdmu mas-Segretarjat Privat tiegħi minn April 2013 sal-lum.
Kif kien stabbilt fl-aħħar leġiżlatura mill-Prim Ministru, fit-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 5535, dettalji personali ta’ dawn il-persuni tiġi mgħoddija lill-Onorevoli Interpellant jekk ikun hemm il-permess tagħhom.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ fibre optic alternattiv li hemm ħsieb li jitpoġġa bejn Malta u Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie stabbilit pjan ta’ ħidma flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar u l- Malta Enterprise. Saru laqgħat mal-operaturi dwar aspetti tekniċi kif ukoll dwar l-operat u l-manutenzjoni qabel jinbeda x-xogħol fuq it-tender innifsu
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett taċ-Ċittadella, u jekk rebaħx xi unuri għall-proġett li sar fih fl-aħħar erba’ snin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett taċ-Ċittadella ġibed l-ammirazzjoni tal-eluf ta’ viżitaturi li ta’ kuljum iżuru lil dan il-post storiku. Madanakollu, il-proġett ingħata wkoll għarfien uffiċċjali minn organizzazzjonijiet u entitajiet fil-qasam tal-arkitettura u tal-wirt storiku. Dawn jinkludu :
· Rikonoxximent minn Din l-Art Ħelwa permezz tal-Medalja tal-Fidda 2016 li tfisser l-aqwa unur fil-kategoriji kollha għall-kontribut distint għall-wirt storiku Malti u għall-kisbiet ta’ eċċellenza arkitettonika f’Malta permezz taċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella li huwa kkunsidrat bħala proġett kbir ta’ riġenerazzjoni.
· Rikonoxximent minn Din l-Art Ħelwa permezz tal-Prix d’Honneur 2016 (Kategorija A) għall-kontribut distint u sinifikanti għall-wirt storiku Malti u għall-kisbiet ta’ eċċellenza arkitettonika f’Malta permezz taċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella li huwa kkunsidrat bħala proġett kbir ta’ riġenerazzjoni.
· Rikonoxximent mill-Kamra tal-Periti permezz ta’ żewġ Malta Architects Award 2016 – wieħed għal binjiet pubbliċi u ieħor għal proġetti ta’ riabilitazzjoni u konservazzjoni - permezz taċ-ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella għall-aqwa disinni arkitettoriċi f’Malta bil-għan li jispiraw u jinfluenzaw l-istakeholders ewlenin tal-industrija f’Malta biex joħolqu strutturi li jsebbħu u mhux iħassru l-ambjent li jinsabu fih.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ pixxina ġdida f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li f’Novembru li għadda ġie iffirmat il-Ftehim fil-prinċipju bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija GNI Limited. Minn naħa l-oħra bħalissa qed jiġi iffinalizzat il-ftehim ta’ konċessjoni mill-Privatization Unit.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar xi proġetti hemm maħsuba għall-Marsalforn u x-Xlendi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Oner. Interpellant li għaddej il-proċess mal-Awtorita’ tal-Ippjanar għad-development brief tal-Masterplan ta' Marsalforn, b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Propjeta' tal-Gvern, l- Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Transport Malta, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità u entitajiet oħra. Dan biex ikun hemm pjan ħolistiku għal Marsalforn u jkunu jistgħu jiġu rregolarizzati l-istabilimenti u t-tined rispettivi biex ikun hemm dehra omoġenja mal-front ta' Marsalforn.
Sa Ġunju 2016 sar ħafna xogħol ta' pavimentar u tisbiħ ieħor f'Marsalforn. Din is-sena tkompla dan ix-xogħol li jinkludi wkoll l-installazzjoni ta' sistema ġdida tad-dawl mal-front.
Qed isiru wkoll l-pjanti għad-development brief tal-Masterplan tax-Xlendi, b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Propjeta' tal-Gvern, l- Awtorita' Maltija tat-Turiżmu, Transport Malta, l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b'Diżabilità u entitajiet oħra. Dan biex ikun hemm pjan ħolistiku għax-Xlendi u jkunu jistgħu jiġu rregolarizzati l-istabilimenti u t-tined rispettivi biex ikun hemm dehra omoġenja mal-front tax-Xlendi.
Għawdex – Victoria – proġett ta’ Pjazza San Franġisk
Question
Jista’ l-Ministru jelenka x’toroq ġew maħduma fil-Belt Victoria minn Marzu 2013 sal-lum u kif ukoll jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ Pjazza San Franġisk fl-istess Belt?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tat-taraġ fi Pjazza San Franġisk issa laħaq l- aħħar fażijiet tal-konstruzzjoni tiegħu u sa l-aħħar ta’ Frar 2017 kif previst għandu jitlesta x-xogħol ta’ kostruzzjoni.
Matul il-perjodu Marzu 2013 sal-lum saru wkoll dawn it-toroq, Triq Vajrinġa, parti minn Triq Għajn Qatet, Triq il-Wieħed u Tletin ta' Marzu 1979, Triq Sant’ Orsla, parti minn Triq Kerċem, Triq Gedrin, Triq Tomba, Triq il-Wied, Triq Qasam San Ġorġ, Triq Antonio Mallia, partijiet minn Pjazza San Franġisk, Triq Enrico Mizzi, Triq Putirjal, Triq Santa Dminka, Triq ir-Repubblika, Triq il-Kastell, Triq Ninu Cremona, parti minn Triq l-Imgħallem u Triq id-Dawwara.
Jista’ l-Ministru jelenka ż-żieda fl-impjiegi li esperjenza Għawdex fl-2016 hekk kif ipparagunat mal-2012?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba, qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din tinkludi ż-żidiet fin-nies li effettivament ħadmu f’Għawdex u Kemmuna mill-2011 sal-2015. żidiet sostanzjali ġew irreġistrati mill-2013 sal-2015. Hekk kif infurmat, l-informazzjoni għall-elfejn u sittax għadha mhix disponibbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Ministeru għal Għawdex – uffiċjali mhux regolati b’kuntratt
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm uffiċjali fil-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u li x-xogħol tagħhom mhux regolat b’kuntratt, irċevew xi tip ta’ kumpens għas-servizz telefoniku permezz ta’ amenda fis-salarju rispettiv tagħhom jew permezz ta’ rimbors jew inkella permezz ta’ għotja ta’ top up mobile cards? Jista’ jgħid min kienu dawn l-uffiċjali kif ukoll jispeċifika r-raġuni u fiex kien jikkonsisti l-kumpens f’kull każ, inkluż l-ammont rispettiv u jagħti dan it-tagħrif minn Marzu 2013 sal-lum, maqsum sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex – Victoria – Triq George Borg Olivier – proġett ta’ bini ta’ Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jaġġorna lil din il-Kamra dwar il-proġett ta’ bini ta’ qorti ġdida fi Triq George Borg Olivier, Victoria, Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li wara li nħarġu l-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet kif ukoll saru l-istudji fuq is-sottoswol, din il-ġimgħa ser tiġi ppublikata s-sejħa għall-offerti għat-taħmil u bini ta' parkeġġ taħt l-art.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tal-Qala minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li minn Marżu 2013 sal-lum ġewwa l-Qala ġew asfaltati Triq Mġarr, Triq il-Forn, Triq il-Vittorja u Triq Dun Ġuzepp Vella. Barra minn hekk twettaq il- progett ta’ tisbiħ tal-bajja ta’ Hondoq ir-Rummien - fejn irranġajna il-latrini, għamilna walkway ġdida u twaħħlu numru ta’ doxxi. Dan bil-ħsieb li minn Beach of Quality din tingħata l-istatus ta’ Blue Flag Beach.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità Ta’ Sannat minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi f’dan il-perjodu saru mill-ġdid Triq Gruwa, Triq ta’ Ċenċ, Triq it-Tempju ta’ l-Imramma, parti minn Triq Sannat, Triq Dun Luqa u Pjazza ta’ Ċenċ.
Jista’ l-Ministru jelenka t-toroq u l-proġetti kollha li l-istess Ministeru għamel ġewwa l-lokalità tax-Xewkija minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat illi matul it-2016 ġiet restawrata binja fi Triq Santa Katerina, inbnew magħha kmamar għall-konvinjenza pubblika u lift u inħolqot u sar tisbiħ fi Pjazzetta l-Għammiedi, Xewkija, biex tkun tista’ tintuża mill-pubbliku. Waħda mill-kmamar qed tintuża bħala sala tal-wirjiet. Matul il-perjodu Marzu 2013 sal-lum saru ukoll dawn it-toroq, Triq San Bert, Pjazza San Gwann Battista, Triq San Zakkarija, Triq Torri Tingi, Triq San Andrija, Parti minn Triq Gruwa, Triq il-Mitħna, Triq it-Tessuti u parti minn Triq Taflija.