F'isem il-familja minn San Gwann li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, nixtieq ġentilment nirreferik għal deċiżjoni tal-qorti li tmur lura dwar att ta' akkuża nru 2866 dwar muniti prezzjużi tad-deheb, billi l-familjari tal-persuna kkonċernata s-Sur Busuttil jafu li dak iż-żmien dawn il-muniti kienu fil-pussess tal-qorti, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet llum jinsabux f'qagħda li jidentifikaw fejn għadhom jinsabu dawn il-muniti billi qatt ma ġew rritornati lill-familja konċernata? Filwaqt li napprezza l-mogħdija konsiderevoli taż-żmien mill-qtugħ ta' dik is-sentenza din il-mistoqsija qed issir għaliex tul is-snin l-familja konċernata ngħatat diversi tweġibiet konfliġenti meta ippruvat tagħmel l-indaġini minn rajha.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn eżami tal-kumpilazzjoni relattiva jirriżulta li l-muniti in kwistjoni kienu l-korp tar-reat fil-proċess tal-kawża kriminali in kwistjoni. L-akkużati f'dik il-kawża ġew misjuba ħatja li xtraw u biegħu kwantita ta' liri tad-deheb kontra l-liġi. Bħala l-korp tar-reat il-muniti in kwistjoni kienu konfiskabbli skond il-liġi u mal-kundanna saru proprjeta' tal-Gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu mill-pulizija dwar ilmenti ta' storbju eċċessiv mill-Queen's Head Pub sas-siegħat bikrin ta' filgħodu f'ittra datata 9/03/2007 lill-Kummissarju tal-Pulizija mingħand il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separament, peress li għaddew l-ġimgħat u x-xhur u l-istorbju eċċessiv għadu hemm u l-pulizija tgħid li ma tistax tieħu passi biex twaqqaf dan l-istorbju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tal-Qawra tagħmel rondi speċifiċi sabiex persuni li jiġġestixxu bar bħal Queen's Head Pub jimxu mal-liġi u fejn ikun hemm ksur ta' liġi dan jiġi mwaqqaf. Infurmat ukoll illi minn mindu ntbagħtet l-ittra fid-9 ta' Marzu, 2007, sid il-bar imsemmi nħarġulu 5 akkużi relatati ma daqq ta' mużika. Ta' min jinnota illi l-ilmenti li waslu lill-Pulizija tal-Qawra fl-eqqel tas-Sajf dwar daqq eċċessiv minn l-istess bar, daħlu b'mod anonimu u qatt ma kienu fis-siegħat bikrin ta' filgħodu iżda l-iktar bejn it-8.30pm u l-11pm.
Jista’ l-Vici Prim Ministru jgħid minn mindu ħarġu r-regolamenti l-ġodda dwar bejgħ u konsum ta’xorb liż-żgħażagħ fl-1 ta’ Lulju kemm inqabdu żgħażagħ jixorbu meta kienu taħt l-eta`? F’liema lokalitajiet? X’passi ttieħdu? Kemm kien hemm sidien ta’ ħwienet li nqabdu jbiegħu xorb lil tfal taħt is-16-il sena? Kemm hemm barranin involuti f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta daħal fis-seħħ l-Att III ta' 2007 li jipprojbixxi l-konsum ta' l-alkohol minn persuni taħt l-eta ta' sittax-il sena mill-1 ta' Lulju ta' din is-sena, sa l-aħħar ta' Settembru 2007, ma nqabdux żgħażagħ jixorbu l-alkohol.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati serq min u ta' karozzi din is-sena u kemm instabu?
Response (BORG, TONIO)
Dwar rapporti ta' serq ta' / u minn karozzi bejn Jannar u Awissu ta' l-2007 nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 24874, 24876, 24878, 25834, 27456, 27458, 27462 u 27465.
Ninsab infurmat illi fl-istess perijodu ġew misjuba 148 vettura minn dawk irrapuratati misruqa.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru breathalyser tests din is-sena u kemm kienu pożittivi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn l'1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru 2007 kien hemm 111 sewwieqa ta' vetturi, li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn, 70 kellhom riżultat pożittiv.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' suwiċidju din is-sena u x'eta' kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena ġew irraportati lill-Pulizija 19-il-każ ta' suwiċidju. L-etajiet kienu jvarjaw bejn it-22 u l-74 sena.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-Pulizija tieħu passi dwar l-ilmenti ta' diversi residenti fl-inħawi dwar storbju sa tard bil-lejl u anke kmieni fil-għodu li qed jkun hemm minn tliet stabilimenti differenti ta' divertiment f'Għargħur Road, tal-Balal li qegħdin joħolqu inkonvenjent kbir?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi, għalkemm matul dawn l-aħħar xhur il-Pulizija ma rċeviet ebda ilment kif imsemmi fil-Mistoqsija, regolarment isiru spezzjonijiet fl-istabbilimenti imsemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul dawn l-aħħar 10 snin sena b'sena kemm kien in-numru ta' pompi tal-fuel/oil eċċ f'Malta u Għawdex separatament li kellhom l-permess tal-pulizija?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija.
Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex r-residenti ta' Pembroke jistgħu jgħixu bil-kwiet u dan minħabba n-nuqqas ta' liġi u enforcement fil-Sprachcaffe fejn hemm campus ta' l-istudenti u saħansitra studenti jiġġerru fit-triqat fis-sakra sal-5.00 am?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi rigward infurzar ta' liġi dwar użu mhux skond il-liġi ta' blokk bini mill-Isprachecaffe, il-Pulizija għaddiet rapport lill-Awtoritajiet kompetenti, ċioe' lill-MEPA u l-MTA.
Rigward storbju minn żgħażagħ matul il-lejl f'żoni residenzjali ġo Pembroke, ninstab infurmat illi l-Pulizija tirrispondi għal complaints li jsirulha mir-residenti u barra minn hekk, tagħmel rondi ġo Pembroke skond l-esiġenzi tal-lokal. Rigward studenti li jiġġerrew barra sas-siegħat bikrin ta' filgħodu, wieħed irid japprezza li dan ma jikkostitwix ksur ta' liġi u għaldaqstant il-pulizija tillimita ruħha sabiex trazzan il-ksur tal-buon ordni u l-paċi pubblika u tagħmel l-almu tagħha sabiex tissalvagwardja l-mistrieħ tar-residenti tal-lokal. Ir-rondi f'Pembroke ser ikomplu bħal dejjem.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema raġuni inqala inġustament l-uffiċjal, li ismu qed jidher separatament, minn Division 12 tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin li inizzja proċeduri ta' mandat ta' inibizzjoni u sussegwentement kawża kostituzzjonali fil-konfront tad-Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin u issa ġie trasferit f'St Michael's Ward fl-Isptar San Luqa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċċjal li saret riferenza għalih fil-mistoqsija ġie trasferit minn sezzjoni għal oħra għax hekk kienu jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-gwardjani tal-Ħabs jagħtu is-servizz tagħhom lill-korp dixxiplinat bħal m'hu dak tal-Pulizija u l-Armata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-uffiċjal korretiv, li ismu qed jidher separatament, ġie trasferit minn diviżjoni 11 għad-diviżjoni Yours u nqala' mix-shift tiegħu, wara li rraporta sejba ta' mobile u foil maħruġ fuq żewġ priġunieri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjal li saret riferenza għalih fil-mistoqsija ġie trasferit minn sezzjoni għal oħra għax hekk kienu jirrikjedu l-esiġenzi tas-servizz. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-gwardjani tal-Ħabs jagħtu s-servizz tagħhom lill-korp dixxiplinat bħal m'hu dak tal-Pulizija u l-Armata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma d-data ta' bidu ta' scengen visas, is-sistema li se tintuza u l-proċeduri, biex kull tour operator li diġa' jaħdem lejn Malta jkun avżat minn issa?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħsieb hu li l-pajjiżi li jiġu ċċertifikati li għandhom kollox lest biex isiru parti mix-Scengen, ikunu jistgħu joħorġu Scengen Visas sa l-aħħar ta’ din is-sena. Id-dħul ta’ dawn il-pajjiżi fis-Scengen irid jiġi approvat mill-Kunsill tal-Ministri.
Wara xhur fejn il-Kappara reġgħet ġiet minsija mil-lat ta' ġnien Camilleri, toroq bil-ħmieġ, ħaxix ħażin ma' kullimkiern, plots miftuħin u periklu ta' saħħa minn dubbien, u ma ngħataw l-ebda risposti mill-kunsill lokali, jista' l- Viċi Prim Ministru l-ewwel jagħmel enfasi fuq il-kunsill li l-flus tal-gvern ċentrali qegħdin imorru verament lejn il-Kappara? Jaħsibx li verament wasal iż-żmien għal kunsill tal-Kappara apparti, ġaladarba hemm tant differenza bejn San Ġwann u l-Kappara?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jevalwa l-istat ta' effiċjenza fis-servizzi mogħtija mill-Kunsill Lokali San Ġwann ġewwa l-Kappara. Flimkien ma' dan, qed ikun mistħarreġ xi flus ġew allokati mill-Kunsill Lokali San Ġwann speċifikament għar-raħal żgħir (hamlet) tal-Kappara u l-mod kif intefqu dawn il-flus, sabiex jiġi assigurat li l-hamlet tal-Kappara tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.
Risposta dettaljata tingħata f'xi seduta oħra wara li jkun sar l-eżerċizzju msemmi hawn fuq.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm immigranti llegali ngħataw permess biex iġibu qraba tagħhom f'Malta? Jista' jgħid kemm hu t-total ta' qraba li ġabu dawk li ngħataw il-permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l'informazzjoni rikjesta ma tinżammx b'mod elettroniku u għalhekk mhux possibli li tingħata din l-informazzjoni.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm immigranti llegali li ħarbu minn Malta u reġgħu nstabu lura Malta? Jekk fl-affermattiv kemm kien hemm minn dawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi din is-sena ma kienx hemm każijiet irrapportati fejn immigranti rregolari ħarbu minn Malta u reġgħu nstabu li kienu Malta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tneħħitx iċ-ċittadinanza jew dritt li jgħixu Malta lill-barranin li nstabu li kienu kisbu dawn id-drittijiet għax iżżewġu Maltin u wara nstab li ż-żwieġ kien wieħed ta' konvenjenza f'dawn l-aħħar 5 snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ħames snin kien hemm tliet persuni li nħarġet ordni fir-rigward tagħhom li kienet tipprivahom miċ-ċittadinanza Maltija skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-artikolu 14 ta’ l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188), wara li kien irriżulta li l-għan taż-żwieġ ta’ dawn il-persuni kien sabiex ikunu jistgħu joqogħdu Malta u jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija b’reġistrazzjoni.
Fl-istess perjodu ma nħarġet ebda ordni, skond l-artikolu 4(2) ta’ l-Att dwar l-Immigrazzjoni (Kap. 217), fejn kien iddikjarat li xi persuna barranija miżżewġa mara Maltija jew raġel Malti m’għadhiex tgawdi l-istatus ta’ ‘persuna eżenti’ taħt is-sub-artikoli 4(g) jew (h), liema status jagħtiha d-dritt li toqgħod u taħdem f’Malta.
Inżid ngħid iżda li persuna barranija miżżewġa raġel jew mara Maltija titlef awtomatikament l-istatus ta’ ‘persuna eżenti’, sempliċiment jekk ma tibqax tgħix mar-raġel jew mal-mara – sew jekk kien żwieġ ta’ konvenjenza jew le. Meta l-Awtoritajiet ta’ l-Immigrazzjoni jsiru jafu li tali koppja m’għadhomx jgħixu flimkien, jieħdu l-passi meħtieġa sabiex ikun ikkonfermat lill-persuna barranija konċernata li m’għadhiex tgawdi dan l-istatus. Matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm diversi konfermi f’dan ir-rigward, iżda ma tinżammx statistika dwar dawn il-każi.