Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 2086 u cioe' jgħid fejn waslet it-talba ta' armla b'erbat itfal - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - għal post alternattiv? Jista' jgħid jekk hijiex intitolata għal post tal-gvern minħabba li hi sit ta' dan l-istess fond?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Female participation rate

Question

Il-gvern qiegħed jikkontempla xi miżuri konkreti biex iżid il-female participation rate fl-ekonomija tal-pajjiż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan il-Gvern diġa’ ħa passi konkreti biex tiżdied ir-rata tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol, fosthom billi ħoloq qafas ġdid leġislattiv li jipprovdi diversi miżuri maħsuba biex tiżdied din il-parteċipazzjoni billi jgħinu lin-nisa jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u biex jeliminaw id-diskriminazzjoni bejn is-sessi. Il-Gvern ħa passi wkoll biex jirriforma s-sistema tat-taxxa biex inaqqas il-piż tat-taxxa fuq id-dħul fejn il-mara u r-raġel ikunu jaħdmu t-tnejn. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi wkoll għad-dokument Gender Equality Action Plan 2003-2004, ippubblikat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, li jelenka diversi miżuri oħra maħsuba biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-kamp tax-xogħol.

Gender pay gaps

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jintlaħqu t-targets tal-UE biex il-gender pay gaps jiġu eliminati għal kollox?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn studju li sar jirriżulta li n-nisa jirċievu erba minn ħamsa tad-dħul ta’ l-irġiel li jaħdmu f’xogħol simili. Din l-istatistika tikkumpara ma’ dik tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropea. It-targets ta’ l-Unjoni dwar il-gender pay gaps hi li dawn jonqsu bin-nofs f’kull Stat Membru sal-2010. Minbarra li pprovda qafas leġislattiv li jipprovdi speċifikament li mpjegati fl-istess klassi ta’ impieg għandhom id-dritt għall-istess rata ta’ remunerazzjoni għal xogħol ta’ valur ugwali, l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ mistennija tippubblika linji ta’ gwida biex tissensibiliżża l-impjegati, min iħaddem u l-unions dwar is-suġġett.

Sigurta' soċjali — Applikazzjoni għal karta r-roża

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna - id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament - ma ġietx aċċettata biex tibda tagħmel użu mill-karta r-roża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.

Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum, l-awtorita' tad-djar kemm xtrat units/proprjeta' mingħand il-privat? Meta saru l-kuntratti ta' kull proprjeta'? Min kien/u n-nutar/a? Min kienu s-sidien privati? Kemm kien il-valur ta' kull proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar xtrat dawn is-segwenti proprjetajiet mingħand il-privat: · 15-il flat u 14-il garaxx fi Triq Dun Karm Sant Tarxien mingħand Andrew Bartolo, Carmel Muscat u Anthony Camilleri. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm298,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 21 ta’ Novembru 2000. · 2 flats fi Triq il-Kurunell Mas Tarxien mingħand Fenech Azzopardi (Styles) Ltd. Dawn inxtraw fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm36,500 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 9 ta’ Jannar 2001. · 2 maisonettes u basement garaxx fi Triq Zurki Zurrieq mingħand Anthony Ellul fi stat ta’ shell form bil-prezz ta’ Lm54,000 skond kuntratt ippubblikat fl-atti tan-Nutar Franco Pellegrini datat 14 ta’ Awissu 2001.

Awtorita' tad-djar — Xiri ta' proprjeta' mingħand il-privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li fil-futur, jiġifieri mil-lum sa sentejn oħra, jagħmel skema sabiex l-awtorita' tad-djar tixtri proprjeta' mingħand il-privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għalissa l-Awtorita’ tad-Djar m’għandiex ħsieb li toħroġ xi skemi sabiex tixtri proprjeta’ mingħand il-privat.

Isla — Triq San Filippu - fond nru. 19

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsiru t-tiswijiet fil-fond nru. 19, San Filippu, l-Isla li ġew kaġunati bix-xogħol li qed jagħmel il-gvern fil-binja l-ġdida li qed tinbena fl-istess triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li dan ix-xogħol diġa’ tlesta’ mill-kuntrattur.

Kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera — Rapport

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-kummissjoni għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera ma ppreżentatx ir-rapport tagħha? X'passi se jieħu l-ministeru biex dan ir-rapport jiġi ppreżentat? Min kien fuq il-kummissjoni? Kemm tħallsu? Il-gvern għandu ħsieb iwaqqaf kummissjoni oħra għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kera?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minkejja kull sforz li sar matul il-leġislatura l-oħra, inkluż interventi ripetuti minni personalment, biex il-Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera tikkonkludi x-xogħol tagħha u tippreżentali r-rapport, dan ir-rapport qatt ma wasal. Dan minkejja li jien iltqajt maċ-Chairman tal-Kummissjoni diversi drabi u kien hemm qbil li x-xogħol jiġi konkluż. Il-Kummissjoni ġiet maħtura f’Ġunju 1997 u kienet komposta kif ġej: Chairperson Dott. Joseph R Micallef LL.D. Membri L-Onor. Sinj. Maria Camilleri M.P. Dott. Evelyn Caruana Demajo LL.D Dott. Peter Grech LL.D. Dott. Tonio Mallia LL.D. Dott. Philip Sciberras LL.D. Perit Alfred Valentino A.&C.E. Segretarju Eżekuttiv Is-Sur Alfred Fiorini Lowell Ninsab infurmat li fl-14 ta’ Settembru 1998, ftit ġranet biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ dik is-sena, iċ-Chairperson tħallas Lm600 u l-membri tħallsu Lm500 kull wieħed. Is-Segretarju Eżekuttiv ma rċieva ebda remunerazzjoni. Għad trid tittieħed deċiżjoni jekk għandiex titwaqqaf jew le kummissjoni oħra fuq is-suġġett.

Ex-ħaddiema ta' Gasan — Żieda fil-pagi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iż-żieda dovuta lill-ex-ħaddiema ta' Gasan (illum pensjonanti) li tirriżulta mill-ftehim kollettiv li sar f'Jannar li għadda tingħata mill-aktar fis possibbli? Jista' jgħid dawn meta se jingħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali preżentement għaddej bi proċess ta’ reviżjoni ta’ pensjonijiet li jirriżultaw minn xi ftehim kollettiv ta’ l-organiżżazzjonijiet li kienu mpjegati magħhom il-pensjonanti kurrenti, inkluż l-ex impjegati tal-kumpannija li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għalkemm f’dan l-istadju d-Dipartiment ma jistax jagħti data preċiża meta dan l-eżerċizzju ser jitlesta, ninsab infurmat li qed isir dak kollu possibbli biex dan isir fl-aqsar żmien possibbli.

Anzjani — Servizz ta' home help

Question

Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba t-titjib li ngħataw il-home helpers fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, fosthom leave, sick leave, etc. inħolqot sitwazzjoni fejn anzjani tnaqqsilhom is-servizz li kien jingħata qabel minħabba short staff u dan qed joħloq tbatija għall-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ qiegħed fil-proċess li jirrekluta Part-time Social Assistants ġodda biex jissostitwixxu l-PTAs eżistenti meta dawn ikunu bis-sick jew vacation leave.

Persuni b'diżabilita' — Pensjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispeċifika d-dettalji tat-test tal-mezzi ta' persuni b'diżabilita' u cioe' jgħid x'inhu l-limitu fuq l-ammont ta' dħul li jrid ikollha koppja miżżewġa li waħda minnhom tkun tbati bl-epilessija, sabiex ta' l-aħħar tkun tista' tikkwalifika għall-pensjoni tad-diżabilita' li tammonta għal Lm25.05 fil-ġimgħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tat-test tal-meżżi biex tingħata l-pensjoni ta’ Diżabilita’ huma dawk elenkati fil-Parti V tat-Tieni Skeda ta’ l-Att Dwar is-Sigurta Soċjali (Kap. 318).

Floriana — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' l-applikanta - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, peress li l-applikanta tallega li dan il-fond ġie mogħti lilha wara li l-inkwilini ta' qabilha kienu pprovduti b'post alternattiv minħabba l-kondizzjonijiet ħżiena ta' l-imsemmi fond? X'tama hemm li din l-applikanta tiġi allokata fond alternattiv fil-binja l-ġdida li qed tinbena fi Triq il-Kapuċċini, fil-Floriana li hija ppjanata li takkomoda lill-anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna ndikata m’għandhiex applikazzjoni mad-Dipartiment.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li l-applikanta tiġi allokata fond? Kemm għandha punti? Kif inħadmet is-sistema tal-punti vis-a-vis din l-applikanta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-persuna ndikata m’għandiex applikazzjoni pendenti mad-Dipartiment.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - li tixtieq tibdel ma' post ieħor tal-gvern? X'tama hemm li l-applikanta tibdel ma' post ieħor tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva lill-persuna li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? X'tama hemm li l-applikant li hu ġuvni u bi problema ta' mard jiġi allokat fond? Kemm għandu punti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m’oħrajn simili.

Kalkara — Qasam tad-Djar ta' Bighi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-ħsibijiet tal-gvern rigward il-housing estate ta' Bighi, fil-Kalkara u x'futur għandhom ir-residenti li jibqgħu jgħixu hemmhekk?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed jikkunsidra proġett ta’ żvilupp ta’ djar b’użu aħjar ta’ l-ispazju li hemm illum.

Pensjonanti — Benefiċċji tal-mard

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'benefiċċji għall-mard hemm għal dawk il-pensjonanti li d-dħul tagħhom huwa ta' madwar Lm73 fil-ġimgħa għal tlett persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna tal-Mard imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Il-ħlas ta’ din l-Għajnuna, minbarra l-aspett mediku, hu suġġett għat-test tal-meżżi, kemm kapitali kif ukoll ta’ dħul fil-ġimgħa, kif stabbilit fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-imsemmi Att.

Postijiet tal-gvern — Stallazzjoni ta' lifts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema dipartimenti tal-gvern u/jew awtoritajiet kienu nkarigati biex jiġu nstallati lifts f'postijiet tal-gvern tal-housing qodma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita’ tad-Djar tamministra l-iskema u hi responsabbli għall-installar ta’ lifts fi blokki qodma tal-Gvern fejn jgħixu persuni b’diżabilita’ ta’ mobilita’.