Legislature:
Category:
Reset
Active:

News release tal-NSO

Question

B'referenza għan-news release tal-NSO rigward l-ispiża fil-benefiċċji ta-sigurta' soċjali minn Jannar sa Diċembru 2006, numru 54/2007, fejn jindika li kien hemm żieda ta' 6.8% fuq is-sena 2005, dwar benefiċċji kontributorji, tista' l-Ministru tagħtina breakdown dettaljat li juri: Kemm kien hemm żieda ta' pensjonanti, nisa/rġiel, għall-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol u tal-invalidita'? U kemm jikkwantifikaw f'ammonti ta' flus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-tabella li qed inpoggi fuq il-mejda tal-kamra.

Pensjonijiet

Question

B'referenza għall-miżuri tal-budget 2007, kemm kienu l-benefiċċjari u kemm laħqet l-ispiża sal-ewwel sitt xhur tal-2007, rigward: Romol li żżewġu u ser jibqgħu jibbenefikaw mill-pensjoni għall-ħames snin ta' wara ż-żwieġ; Romol li ser jibqgħu jaħdmu bil-paga ta' iżjed mill-paga minima nazzjonali wara li t-tfal laħqu l-eta'; Persuni li jibbenefikaw minn pensjoni tad-diżabilita' li żżewġu u mhux se jittieħdilhom in konsiderazzjoni id-dħul tal-konjuġi għall-komputazzjoni tal-benefiċċju, għal ħames snin ta' wara ż-żwieġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għaddej b'eżerċizzju biex jiddentifika l-benefiċċjarji li ser jibbenefikaw mill-miżuri tal-budget 2007. Qed isir ukoll it-tibdil neċessarju fis-software tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali biex ikun jista' jakkomoda dawn il-benefiċċji ġodda fil-proċess ta' ħlas. Għaldaqstant għalissa għad m'hemmx in-numru u l-ammont tal-ispiża involuta kif mitluba mill-Onor. Interpellanti.

Kontijiet għoljin

Question

Tista' l-Ministru tagħti spejgazzjoni lil anzjana xebba li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li din qegħda tirċievi kontijiet għoljin u biex tara x'tip ta' sussidju għandha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata biex tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Sussidju fuq surcharge

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġi spjegat lill-familja li qiegħda fuq ir-relief li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandhom tifel b'diżabilita' u jixtiequ jkunu jafu x'tip ta' sussidju għandhom fuq is-surcharge? Jistgħu jiġu nfurmati bil-miktub?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Pensjoni Supplimentari

Question

Tista' l-Ministru tagħti spejgazzjoni għaliex is-sinjur li d-dettalji dwaru qed jinbagħtu separament qatgħulu l-pensjoni supplimentari? Jista' jiġi infurmat għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Tiswija ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġi rranġat is-saqaf tad-dar tas-Sinjura separata li d-dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, peress li dan is-saqaf kellu jiġi rranġat f''Ġunju u s'issa dan ix-xogħol għadu ma bediex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Tibdil ta' soqfa

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, biex jibdlulha s-soqfa tad-dar peress li dawn qed jaqgħu? Jista' dan ix-xogħol isir fis-sajf peress li fix-xitwa ikun diffiċli li jinbidel u din l-anzjana tkun beżgħana għall-fatt li l-post ikun bla saqaf? Jista' jinforma lil din l-anzjana meta ser isir dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata biex hi jew xi hadd ghan-nom taghha jmorru t-taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar biex jingħataw l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Children's allowance

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26744 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u issa ġiet riferuta lilha u ċioe: Fid-dawl tal-fatt li l-allowance tat-tfal naqset (għal raġuni jew oħra) b'madwar 35% matul dawn l-aħħar 10 snin, x'inhu jagħmel l-ministeru sabiex jassigura li dawk il-familji li għandhom aktar minn wild wieħed ma jiġux ntaxxati inġustament bis-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u dan fl-ispirtu li din is-surcharge hija maħruġa b'mod lineari, hija taxxa tal-konsum u familji numerużi bilfors jikkonsmaw aktar dawl u ilma? Peress li għandna tnaqqis fir-rata' tal-fertilita', kif jista' l-Gvern jinkoraġġixxi lill-koppji Maltin ikollhom aktar ulied, b'din il-miżura anti-familja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jidher li minkejja d-diversi stqarrijiet pubbliċi li jien għamilt, inkluż f’din il-Kamra, l-Onor. Interpellant għadu ma fehemx li l-Benefiċċju ta’ l-Enerġija, li ġie mniedi minn dan il-Gvern aktar kmieni din is-sena, qed jiġi kkalkulat fuq id-dħul tal-familja kif ukoll fuq il-konsum tipiku ta’ l-enerġija tal-household, jiġifieri li jieħu in konsiderazzjoni n-numru ta’ persuni, inkluż in-numru ta’ tfal, fil-familja. Dan biex propju jindirizza l-fatt li familji numerużi jikkunsmaw aktar dawl u ilma u għalhekk ir-rata ta’ dan il-Benefiċċju tkun għola. Inżid ngħid li dawk il-familji li jikkwalifikaw fuq bażi umanitarja, għaliex xi persuna fid-dar issofri minn xi marda jew kundizzjoni li jenħtieġu użu qawwi ta’ dawl jew ilma, ma jaqax fil-kalkolu tal-konsum tipiku għax il-konsum f’dawn il-każijiet ikun ġeneralment għola min-normal. Fit-tifsil ta’dan il-benefiċċju l-Gvern wera biċ-ċar is-serjeta’ u l-għaqal biex jisgura sostenn lil dawk il-familji li għandhom bżonn. Ta’ min ifakkar li numru ta’ familji eliġibbli għall-benefiċċju ta’ l-enerġija telgħa minn 13,000 għal 30,000 u l-Vot biex ikopri din l-ispiża żdied minn Lm800,000 għal Lm3.3 miljun.

Lift ma jaħdimx

Question

Tista' l-Ministru tara li l-lift li hemm installat fl-indirizz li qed jintbagħat separatament u li ilu wieqaf is-snin jerġa' jibda jitħaddem immedjatament, għall-benefiċċju tal-familja residenti fuq nett, peress li din għandha membru b'diżablita'? Ma jistax ikun li din il-familja tibqa' tgħix f'din is-sitwazzjoni minħabba l-irresponsabilita' ta' l-inkwilini l-oħrajn.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Dawl u ilma — Sussidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma dawk il-persuni li huma ntitolati għal sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24884 f’Seduta Numru 521.

Segretarjat Privat

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-membri tas-Segretarjat Privat? X'inhi l-kariga li jokkupaw u x'inhu s-substantive grade tagħhom? Kemm minnhom huma impjegati tal-Gvern u kemm minnhom bil-kuntratt? Fuq liema kriterji ntgħażlu? Hemm xi paga speċjali għal dawn l-impjegati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. L-għażla ta' dawn il-persuni ssir skond il-prassi li normalment tintuża f'dawn il-każijiet. Il-pagi ta' dawn l-uffiċjali huma kif indikat fil-"Guidelines for the Engagement of Staff for Ministers' Private Secretariats" li tpoġġa fuq il-Mejda ta' din il-kamra. Ma nara ebda raġuni valida għalfejn għandi nsemmi l-ismijiet ta' dawn l-uffiċjali.

Birgu — Ġnien

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex waslu x-xogħlijiet sabiex ġnien imwiegħed li kellu jsir fuq l-appartamenti ta' Sant' Anġlu l-Birgu jibda jitgawda mir-residenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ġnien li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant mhux wieħed mill-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ Dipartiment jew entita’ taħt il-Ministeru tiegħi.

Persuna b'diżabilita'

Question

Tista' l-Ministru tara x'inhi r-raġuni għaliex persuna b'diżabilita', li isimha qed jintbagħat separatament, qed ikollu jħallas aktar minn Lm20 fix-xahar tat-trasport ta' Dar il-Kaptan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Respite Care, li topera minn Dar il-Kaptan u li hi Organizazzjoni mhux Governattiva, tipprovdi servizz ta' trasport, mid-dar għal fejn iridu jmorru u lura, lil persuni li, minħabba d'diżabilita' tagħhom ma jistawx jużaw trasport ieħor. Kull sena l-Gvern iħallas is-somma ta' Lm22,500 lill-Fondazzjoni msemmija bħala sussidju għal dan is-servizz. Ninsab infurmata li biex tkopri l-ispejjez ta' dan is-servizz, li hu wieħed individwalizzat, il-Fondazzjoni titlob kontribuzzjoni minn dawk li jużawh u l-ammont tagħha jiddependi jekk il-klijent ikun jaħdem jew le.

Skema ta' Care and Repair

Question

Tista' l-Ministru tivverifika jistax isir xi ħaġa sabiex l-armla bi tfal żgħar, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat sabiex ikollha darha rranġata, tibbenefika mill-iskema Care and Repair? Jista' jerġa' jsir stħarriġ fuq l-assi tas-Sinjura, u dan peress li qed jgħixu f'sitwazzjoni fejn għandhom bżonnijiet li ma jistgħux ilaħħqu magħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Customer Care ta' l-Awtorita' tad-Djar biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Reserved Parking

Question

Tista' l-Ministru tara li terġa' tiġi kkunsidrata t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex ikollha reserved parking viċin ir-residenza tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talbiet għal reserved parking quddiem jew viċin ir-residenza ta' persuna b'diżabilita' huma amministrati mill-Awtorita' dwar it-trasport. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mard kroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hija l-kwota ta' persuna sabiex tkun intitolata għal għajnuna dwar il-mard kroniku? Tista' tgħid jekk id-dipendenti jew persuni oħra li jkunu jgħixu fl-istess dar għandhomx x'jaqsmu jew le? Kemm huwa l-ammont ta' flus l-bank li persuna jista' jkollha depożitati u jekk hemmx xi assi oħra bħad-dar li tittieħed in konsiderazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li persuna li ma taħdimx bi qliegħ tkun intitolata għall-Għajnuna tal-Mard, imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jekk ikollha kapital li ma jaqbiżx is-LM6,000 fil-każ ta’ persuna waħedha jew l-LM10,000 fil-każ ta’ koppja miżżewġa. Id-dħul tal-familja fil-ġimgħa, ikkalkulat skond il-provedimenti tat-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-imsemmi Att, ma jridx jaqbeż LM9.30 fil-ġimgħa għal persuna waħedha u LM12.80 fil-każ ta’ koppja. Fejn fil-familja jkun hemm persuni dipendenti li ma jaħdmux, ir-rati ta’ dħul imsemmija hawn fuq jiżdiedu bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull persuna dipendenti. F’każ ta’ dipendenti jew persuni oħra li jgħixu fl-istess dar u jaħdmu, dawn jiġu esklużi mill-familja u għalhekk il-kapital u d-dħul tagħhom ma jiġix ikkalkulat. Il-kapital ikkunsidrat jinkludi investimenti f’banek, stocks u shares, f’Malta u barra minn Malta, kif ukoll assi oħra bħal propjeta, bini li mhux jintuża (vojta) u flus miżmuma d-dar. Il-valur tad-dar tar-residenza u dik tas-sajf ma jiġix ikkunsidrat.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Karozza Uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul l-2006 kienx qed jinkera xi garaxx biex fih tinżamm il-karozza uffiċjali tagħha? F'każ li t-tweġiba hija fl-affermattiv tista' tgħid kemm kienet in-nefqa globali għal din il-kirja u fejn jinsab il-garaxx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-Tweġiba għall-Ewwel Parti tal-Mistoqsija hi fl-affermattiv. Dan il-garaxx jinsab f'San Ġwann u titħallas kera ta' Lm289.10 fis-sena.

Awtorita' tad-Djar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25550, it-talba mitluba kienet għal xi għajnuna/skema mill-Awtorita' tad-Djar. Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-talba li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, li saret fl-10 ta’ Mejju 2007, qed tiġi proċessata u hi fl-istadju li jiġu verifikati l-assi ta’ l-applikant.

Appoġġ — Nies li talbu għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nies attendew jew talbu għajnuna mill-Appoġġ fl-aħħar 6 snin sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.