Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-Avukat Ġenerali kienx il-konsulent legali tal-Ministru għall-Ambjent meta sar l-iffirmar tal-ftehim tal-Cottonera Water Front li sar fit-8 ta' Marzu 1999?
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-kritika tal-kummissjoni ewropeja dwar il-poteri u l-impatt dgħajjef tal-kummissjoni ta' kontra il-korruzzjoni, il-gvern Malti għandu xi ħsieb li jirrendi lil din il-kummissjoni aktar effettiva u trasparenti fis-set up u fil-ħidma tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-Kummissjoni ma tistax tkun iktar trasparenti milli hi għaliex KuLL rapport magħmul minnha ġie ppublikat mill-Gvern, minkejja li fil-liġi m`hemmx obbligu li dan isir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-koppji li applikaw quddiem il-qrati Maltin biex jisseparaw fis-snin 1999/2000/2001?
Kemm kienu dawk li applikaw quddiem il-qrati għal separazzjoni bonaria fis-snin 1999/2000/2001 s'issa?
Response (GATT, AUSTIN)
Se impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi kriterji ġew użati għall-ħatra ta' direttur (Qrati Tribunali ta' Għawdex) fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-Ministru tal-Ġustizzja u Gvern Lokali u jista' jiġi kkonfermat li l-persuna li ġie magħżula hija bl-esperjenza ta' ħidma kif mitlub fl-istess?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru peress illi s-Senior Appointments Advisory Committee jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem il-land arbitration board, il-bord tal-Kera u l-Bord tal-Qbiela?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' kawżi pendenti quddiem il-Land Arbitration Board, il-Bord tal-Kera u l-Bord tal-Qbiela kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex huwa kif ġej:
Malta Għawdex Total
Land Arbitration Board 216 - 216
Bord tal-Kera 334 25 359
Bord tal-Qbiela 136 21 157
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie ordnar iħallas il-gvern jew l-aġenziji tiegħu f'kumpens f'kawżi li nqatgħu kontra tiegħu mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji?
Response (GATT, AUSTIN)
Minn meta beda jiffunzjona t-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji, il-President ordna lill-Gvern jew l-aġenziji tiegħu li jħallsu f'kumpens is-somma ta' Lm 283,823.00
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2001 kemm ġew preżentati kawżi ta' natura kostituzzjonali, kemm minnhom inqatgħu u kemm għadhom pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar sad-9 ta' Novembru 2001 ġew preżentati 34 Kawża ta' natura kostituzzjonali, li minnhom inqatgħu 5 u hemm pendenti 29.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm avukati jaħdmu fl-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u jekk hu possibbli jispeċifika l-inkarigu ta' kull wieħed minnhom? Jista' jgħid jekk għandux ħsieb jingaġġa iktar avukati fi ħdan dan l-uffiċċju?
Response (GATT, AUSTIN)
Fl-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali hemm 15-il avukat apparti l-Avukat Ġenerali nnifsu. Wieħed mill-avukati għandu l-kariga ta' Deputat Avukat Ġenerali, 2 huma Assistenti Avukati Ġenerali, 3 Avukati tar-Repubblika Anzjani, 4 Avukati, 3 Uffiċċjali Legali, 1 Uffiċċjal Legali Junior. Taħt l-istess uffiċċju hemm ukoll Avukat ta' l-Għajnuna Legali u Assistent Avukat ta' l-Għajnuna Legali.
Ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda hi fl-affermattiv u dan maħsub isir wara li tiġi approvata r-riforma tal-Uffiċċju li hi diġa quddiem din il-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu allowance varji mill-Ministeru/Dipartimenti lil impjegati matul din is-sena?
Jista' wkoll jgħid grad grad min ibbenifika minn dawn l-allowance u kemm ħadu kull grad?
X' tip t' allowance ħadu l-imsemmija impjegati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward l-impjegati tal-Private Staff tal-Ministeru tiegħi, nirreferi għall-`Guidelines on the Engagement of Staff for Private Secretariates` illi kien poġġa fuq il-Medja tal-Kamra l-Prim Ministru.
Fir-rigward tal-`allowance` ta` l-impjegati li jaqgħu taħt id-Dipartimenti tiegħi, qiegħed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mibgħawta lili mid-Dipartimenti relattivi.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru dwar il-kunsill lokali tas-Sliema u infieq abbużiv li jirriżulta li għamel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi ta' appelli kriminali pendenti? Jista' jgħid ukoll kemm hemm appelli rigward eċċezzjonijiet preliminari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' kawżi ta' appelli Kriminali pendenti u appelli rigward eċċezzjonijiet preliminari huwa kif ġej:
Qorti ta' l-Appell Kriminali (Superjuri)
Pendenti wara deċiżjoni minn Ġuri : 31
Rigward eċċezzjonijiet preliminari : 8
Qorti ta' l-Appell Kriminali (Inferjuri)
Pendenti wara deċiżjoni mill-Qorti tal-Maġistrati, Malta u Għawdex : 100
Rigward eċċezzjonijiet preliminari : xejn
Jista' l-Ministru jgħid x' xogħol ġie assenjat lill-Imħallef Depasquale?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi x-xogħol li ġie assenjat lill-Imħallef Anton Depasquale fil-Prim'Awla tal-Qorti Civili huwa:
a. ix-xogħol kollu ta' l-atti, inkluż is-smiegħ u deċiżjoni ta' rikorsi għall-ħruġ ta' mandati ta' inibizzjoni;
b. il-kunsiderazzjoni u deċiżjoni ta' kull rikors għar-revoka ta' mandati fit-termini ta' l-artikolu 836 tal-Kapitolu 12 fejn dan huwa applikabbli; u
ċ. il-kunsiderazzjoni u deciżjoni ta' numru ta' rikorsi għal varjazzjoni ta' digrieti fil-Qorti tal-Familja, kif il-Prim Imħallef jiddetermina minn żmien għal żmien.