Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-budget ta' l-Universita' għas-safar f'dawn l-aħħar sentejn u kemm ġew minfuqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-allokazzjoni tal-fondi mill-'budget' fl-Universita' ma tipprovdix ammonti speċifiċi għas-safar. L-infiq isir fuq approvazzjoni li tingħata għal kull każ. L-ammont totali minfuq matul l-2002 kien ta' Lm76,217 filwaqt li bejn Jannar u Ottubru ta' din is-sena l-ammont kien ta' Lm64,848.
Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar sigurta' f'dawk l-iskejjel fejn ikun hemm dħul u ħruġ ta' vetturi u anke parkeġġ fl-istess postijiet li jużaw l-istudenti biex imorru u / jew jitilqu mill-iskola? X'passi ttieħdu f'dawk l-iskejjel fejn dan isir? Hemm possibbilta' f'ċerti skejjel biex vetturi ma jitħallewx jidħlu jew li jinstabu alternattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskejjel diġa' għandhom sistema biex waqt id-dħul, u l-aktar waqt il-ħruġ, tat-tfal mill-iskola ma jkunx hemm tfal u vetturi deħlin jew ħerġin f'daqqa b'nuqqas ta' kontroll.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jkun hemm l-ebda sorveljanza meta jkunu ħerġin l-istudenti ta’ l-iskola Ġużeppi Despott wara li jtemmu l-iskola mill-bieb iż-żgħir tal-ġenb biex imorru għall-coaches li jkunu ġew jiġbruhom? Jaf il-Ministru bil-periklu għaliex dawn il-vetturi jkunu għadhom qed jaslu jew ikunu qed isuqu biex jitilqu bl-istudenti jfixxtu l-vettura li se trikkibhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li malli tispiċċa l-ġurnata skolastika l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott jinġabru kollha fil-bitħa ta' l-iskola fejn ikun hemm persuna magħhom li jkollha l-użu ta' Walkie Talkie. Barra mill-iskola jkun hemm membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola li malli tasal karozza javża n-numru tar-rotta, permezz tal-Walkie Talkie, lis-Supervisor li jkun ma' l-istudenti fil-bitħa. Dan iħalli joħorġu mill-iskola lil dawk l-istudenti li jivvjaġġaw ma' din ir-rotta. Dan l-eżerċizzju jdum madwar nofs siegħa u ebda membru ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskola ma jitlaq mill-post qabel ma tkun telqet l-aħħar private.
Dan kollu jsir biex jitnaqqas il-periklu għall-istudenti waqt il-ħin tal-ħruġ mill-iskola.
Skola Ġużeppi Despott — Problema dwar ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministeru tiegħek jitlob lill-Ministeru responsabbli biex jara x'jista' jsir fit-triq prinċipali eżatt quddiem il-bieb ewlieni ta’ l-iskola Ġużeppi Despott ħalli kull darba li tagħmel ftit xita dan ma jinġabarx f'post wieħed u studenti u vetturi jkollom jaqsmu fuq in-naħa tat-triq b'periklu kbir? Jaf li din is-sitwazzjoni ilha hekk għal żmien twil?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajt struzzjonijiet biex isiru il-kuntatti meħtieġa ma' l-awtoritajiet kompetenti biex l-ilment ta' l-Onor. Membru jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' il-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati jippreparaw l-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju kif ukoll f'dak avvanzat? Peress li dawn kollha jagħmlu wkoll l-eżamijiet tas-SEC/MATSEC ma jaħsibx li huwa wisq għall-istudenti biex jippreparaw għal aktar minn eżami ta' bord wieħed? Kif isir it-tagħlim meta jkun hemm differenza ġieli sostanzjali bejn is-SEC/MATSEC u bordijiet barranin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda skola statali ma tipprepara lill-istudenti tagħha għal eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin kemm fil-livell ordinarju u avvanzat. Dan ma jfissirx li student li jixtieq jagħti eżami ta' barra, minn rajh, jiġi prekluż.
Fl-iskejjel privati hemm tlett skejjel indipendenti li jippreparaw lill-istudenti tagħhom għall-eżamijiet ta' universitajiet/bordijiet barranin.
Dawn huma St. Edwards, St. Michael's Foundation for Education u Verdala International. L-iskejjel tal-Knisja jimxu mas-'Syllabus' tal-MATSEC.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol fil-lokalita' ta' Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Marsa, Sta. Luċija u l-Gudja u kemm għandhom eta'?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna qed tingħata l-istudenta li waqgħet mill-vann fi Triq Reġjonali ftit ġimgħat ilu biex tegħleb it-trawma li għaddiet minnha? X'passi qed jittieħdu biex jiġu evitati inċidenti simili fit-trasport pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'dan il-każ beda jsir xogħol mill-Counsellor u l-Guidance Teachers mill-għada stess. L-istudenti tkellmu u ngħataw l-għajnuna psikoloġika. Studenti individwali li kellhom aktar bżonn minn ħaddieħor ġew megħjjuna aktar minn darba. Il-Counsellor żaret ukoll lill-istudenta mweġġa' fl-isptar.
Huwa importanti ħafna li l-ewwel prijorita' f'dan il-mument jingħata lis-saħħa tat-tifla. Issa li t-tifla qed tirkupra u ħarġet mill-isptar wieħed jista' jibda joffri s-servizzi psikoloġiċi u dawk ta' sapport emozzjonali meħtieġa. Infatti, diġa' ngħataw istruzzjonijiet biex education social worker tibda tagħmel home visits u tibda tagħmel 'assessment' tal-bżonnijiet tat-tifla. Barra minn hekk saru arranġamenti biex l-istudenta tingħata appoġġ edukattiv f'darha stess (Peripatetic Teacher). Meta t-tifla terġa lura lejn l-iskola l-counsellor ta' l-iskola tibda tara lit-tifla regolarment. Jekk din ta' l-aħħar tara li jkun hemm bżonn għajnuna aktar speċjalizzata ta' psikologu, din tirreferi l-każ għand il-professjonisti l-akatr indikati.
Saru kuntatti bejn id-Diviżjoni u l-Awtorita' tat-Trasport biex tiżdied s-sorveljanza fuq it-trasport meta jkun fit-toroq. L-iskejjel qed jissorveljaw b'aktar impenn biex ma jivjaġġawx bilwieqfa u li t-trips ordnati qed jiġu l-iskola.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2747, jista' il-Ministru jgħid għal kemm tammonta l-ispiża biex dan il-kors isir f'Għawdex stess kif ukoll jindika x'inhuma l-ispejjeż involuti u għal xiex?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li it-tweġiba mitluba għadha ma waslitlix, ikolli nwieġeb f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il proposta saret għall-kompetizzjoni għal bini ta' skola ġdida fil-Mosta? Min kienu l-periti li għamlu dawn il-proposti? F'liema stadju waslet l-evalwazzjoni ta' dawn il-proposti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru erbatax-il proposta għall-kompetizzjoni għal bini ta' skola ġdida fil-Mosta. Minn dawn tnax biss ġew aċċettati mid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex issir evalwazzjoni fuqhom.
Il-Periti li għamlu il-proposti kienu:
1. Mangion & Mangion
2. Cassar, Grech, Ebejer Partners
3. Anthony Fenech Vella et
4. Perit Carm Lino Spiteri
5. Amadeo Mifsud A.&C.E.
6. Joseph Bondin A.&C.E.
7. Space Studio Camilleri Gaglione
8. TBA Periti
9. GEOCON - Malta
10. Sapienza and Valentino
11. Dr Edwin Mintoff A.&C.E.
12. Pierre Zammit A.&C.E.
13. Demicoli and Associates
14. Kevin J Farrugia A.&C.E.
Informat li ir-rapport dwar l-evalwazzjoni qed jiġi finalizzat.
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada — Ingaġġ ta' periti ħall-xoħlijiet
Question
Jista' l-Minstru jispjega kif iċ-Chairman tal-Fondazzjoni ngaġġa lill-Perit Robert Musumeci sabiex iddisinja u applika quddiem il-MEPA għall-bini ta’ sala fl-iskola ta’ Ħal Safi, kif ingaġġa lill-Perit Paul Camilleri sabiex iddisinja u applika quddiem il-MEPA għall-bini ta’ sala fl-iskola ta’ Marsaxlokk u kif ingaġġa lill-Perit Godwin Zammit sabiex iddisinja u applika quddiem il-MEPA għall-bini ta’ sala fl-iskola tal-Gudja, meta kull sala tqum madwar nofs miljun lira, u ma jidhirx li hemm permessi mill-Ministeru tal-Finanzi għal dawn l-ingaġġamenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada segwiet il-proċedura adottata sa mill-1995 minn amministrazzjonijiet differenti u ingaġġat il-periti imsemmija wara sejħa pubblika li saret sabiex joffru servizzi ta' perizja.
Informat ukoll li it-tlett periti imsemmija kollha għamlu is-sottomissjoni tagħhom għal din is-sejħa ta' expression of interest u għandhom l-esperjenza meħtieġa ta' preparazzjoni ta' disinji.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' periti li ħadmu għall-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada fuq il-programmi tat-titjib fl-aċċessibilita', ta' l-ispazji rikreattivi u l-ischool audits u jgħid kemm tħallsu dawn il-periti f'kull każ minn Mejju 2001 sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stat hu s-saqaf tas-sala ta' l-iskola Madonna tal-Mensija f'San Ġwann u jagħti garanzija li m'hemmx periklu jekk din tintuża?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-saqaf tas-sala kien fiħ xi tfaqqieħ ta' konkosu li ġie ċċertifikat minn Structural Engineer fis-26 ta' Settembru 2003. L-Inġinier reġa' eżamina is-saqaf imnaddaf mit-tfaqqieħ tal-konkos u kkonferma fit-13 ta' Ottubru li ma kienx hemm għalfejn jinbidel is-saqaf. Xogħolijiet ta' tiswija ser isiru mill-Maintenance Section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol ta' microfilming sar fl-aħħar tliet snin, sena b'sena, fuq materjal miżmum fil-Bibljoteka Nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol ta’ microfilming li sar fl-aħħar tliet snin fuq materjal miżmum fil-Bibljoteka hu kif ġej:
2000 Sar xoghol ta’ microfilming tal-manuskritti tal-Bibljoteka (mhux ta’l l-Arkivju) b’numru ta’ 48,000 frame. Tkompla wkoll ix-xogħol fuq il-gazzetti lokali b’total ta’ 11,600 frame. Kien hemm ukoll ordnijiet mill-pubbliku ta’ kopji minn manuskritti jew kotba rari jew imqattgħin li ma setgħux isiru fotokopji minnhom. Dawn ammontaw għal 8,200 frame. B’hekk it-total laħaq 67,800 frame ta’ microfilm.
F’din is-sena wkoll, il-
Gazzetta tal-Gvern
u l-ewwel 19-il volum tal-manuskritti tal-Bibljoteka ġew ikkupjati fuq
films
pożittivi biex ikunu jistgħu jiġu użati mill-pubbliku. Sar ukoll xogħol ta’ ċċekkjar tal-
films
negattivi u pożittivi tal-Arkivju ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann. Dan l-eżerċizzju kien neċessarju biex niżguraw li l-
films
li kienu saru fis-snin disgħin kienu baqgħu ċari u li jistgħu jinqraw mill-pubbliku.
2001 Matul din is-sena, saru 68,250 frame ta’ microfilm minn manuskritti u gazzetti kif ukoll ordnijiet għall-pubbliku li ammonta ghal 38,820 frame. Dan ta’ l-aħħar kien jinkludi 33 manuskritt tal-Bibljoteka bl-Għarbi li ammontaw għal 7355 frame u li saru għall-Bibljoteka Alexandrina li ġiet inawgurata f’Lixandra fl-Eġittu dik is-sena. Barra minn hekk, saru 24,050 frame mill-Gazzetta tal-Gvern u 94,250 frame ta’ manuskritti tal-Bibljoteka li ġew ikkupjati fuq films pożittivi. B’kollox ix-xoghol ammonta ghal 195,370 frame. Tkompla wkoll l-iċċekkjar tal-films pożittivi u negattivi ta’ l-Arkivju ta’ l-Ordni.
2002 It-total ta’ frames li saru din is-sena kien ta’ 50,139. Dan kien jinkludi manuskritti tal-Bibljoteka, melitensia jew kotba rari kif ukoll manuskritti ta’ l-Arkivju ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann li għal xi raġuni jew oħra kienu nqabżu l-ewwel darba u li ntbagħtu l-Hill Monastic Manuscript Library ta’ Minnesota fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, baqa’ sejjer ix-xogħol ta’ ċċekkjar u labelling tal-films pożittivi u negattivi ta’ l-Arkivju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti sekondarji fis-settur statali li qed jistudjaw l-istudji Ewropej? Kemm hemm għalliema magħhom? Hemm xi ħjiel jekk hux se jiżdiedu l-istudenti li jidħlu għal dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni — Edukazzjoni - Postijiet ta' divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tagħmel id-diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni biex tħeġġeġ lill-ġenituri jieħdu aktar ħsieb it-tfal tagħhom u ma jħalluhomx jiġġerrew sa kmieni fil-għodu fit-triqat ta' postijiet ta' divertiment? Isiru laqgħat apposta għall-ġenituri tat-tfal ta’ l-iskejjel biex dawn jerfgħu r-responsabbilita' lejn uliedhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li waqt laqgħat għall-ġenituri organizzati mill-Kap ta' l-iskola fl-iskejjel jingħataw messaġġi ċari dwar ir-responsabilita' tal-ġenituri lejn uliedhom.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-organigramma tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada kif kienet fl-1 ta’ Settembru 2003, li turi l-pożizzjoni ta’ dawk il-persuni ordinarjament impjegati jew li kienu impjegati mill-Fondazzjoni, dawk il-persuni mislufa minn xi dipartiment tal-Gvern ieħor, konsulenti u temping staff? X’ kienu qed jagħmlu t-temping staff? Ma’ liema kumpanniji saru l-arranġamenti għat-temping staff?
Kemm kien il-ħlas totali li sar għal
temping staff
?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tagħżel perit jew professjonist biex jagħmel xi biċċa xogħol, u mhux ieħor? Fuq liema skala jitħallsu dawn il-periti jew professjonisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada wżat is-servizzi ta' diversi periti jew professjonisti fuq firxa kbira ta' proġetti, wara sejħa pubblika ta' expression of interest. Il-Fondazzjoni fl-operat tagħha ingaġġat diversi periti skond l-expertise, esperjenza u kapaċita' ta' riżorsi biex titwettaq xi biċċa xogħol. F'ċerti każi, periti li kienu ġew ingaġġati mill-kunsilli lokali fi skejjel primarji qabel twaqqfet l-FTS komplew jagħtu s-servizzi tagħhom lill-FTS.
Il-periti jitħallsu somma pre-stabbilita fuq assignments bħal audits tekniċi ta' l-iskejjel u fuq ċerti proġetti huwa obbligatorju li jiġu segwiti it-tariffi kif stabbilita f'Tariffa K, li tirregola il-ħlas dovut għall-perizja.
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Ħal Kirkop mill-1994 'il hawn? Kemm swiet kull biċċa xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ix-xogħol meħtieġ biex jiġi kompilat it-tagħrif mitlub għal dawn l-aħħar sebgħa snin jirrikjedi ċertu żmien, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra meta dan isir.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2647 u cioe' jista' jgħid liema fabbriki (bl-isem) għadhom qed jistennew li jingħataw t-training grants għas-sena 2001?
Jista' jagħti l-figuri pagabbli għal kull azjenda u meta jaħseb li se jitħallas kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhirlix li jkun korrett wieħed jiżvela il-figuri fabbrika fabbrika li diġa' issemmew fit-tweġiba għal Mistoqsija Numru 2647. Informat ukoll li l-azjendi kollha jiġu mħallsa la darba l-Malta Development Corporation tgħaddi l-fondi neċessarji lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Għaldaqstant il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma hix f'pożizzjoni li tgħid meta dawn l-azjendi ser jitħallsu.