Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fgura — Traffic lights

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jittieħdu il-passi neċessarji biex it-traffic lights fi Triq Hompesche Fgura (dik ta' quddiem il-BOV) jkollhom indication alarm peress li fil-preżent jinsabu mingħajr dan l-indication alarm b'inkonvenjent kbir għall-persuni neqsin mid-dawl?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-pelican crossing li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għandha bleeper fuq in-naħa tal-knisja. Għalhekk ma jidhirx li jista' jeżisti xi nkonvenjent għall-persuni neqsin mid-dawl.

Fgura — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru ix-xogħlijiet neċessarji bħal tarmac u bankini, f'toroq mhux iffurmati fil-Fgura, b'mod partikulari t-toroq Gardjola, Xemx u Qamar, parti minn Triq Merħba, parti minn triq is-Summiena, parti minn triq Valperga (n-naħa t'isfel) u William Lassell?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi hu mistenni li toħroġ sejħa għall-offerti sabiex isiru l-aħħar parti ta' Triq is-Summien kif ukoll l-aħħar parti ta' Triq Merħba. Fir-rigward tat-toroq l-oħra msemmija mill-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda tikkuntatja mal-Kunsilli Lokali kollha biex ikunu aġġornati l-bżonnijiet ta' xogħol ta' titjieb madwar il-lokalitajiet kollha u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw.

Raħal Ġdid — Talba għal reserved parking

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1268 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' jekk jogħġbok tara li jsir mill-aktar fis ir-reserved parking għal anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, minħabba d-diżabilita' li għandha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku qed jevalwa l-applikazzjoni tal-persuna kkonċernata.

Santa Venera — Triq Fleur-de-Lys - rampa

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 957 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u Intern u cioe' jista' il-Ministru jara li ssir rampa fil-bankina fi Triq Fleur-de-Lys sabiex jagħmlu użu minnha persuni li jkunu qed jaqsmu minn fuq iż-zebra crossing ta' ħdejn ir-Roxy?

Response (GALEA, ĊENSU)

Għaddejt ir-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali biex jaraw x'l-aħjar li jsir.

Ħaż-Żabbar — Triq Bieb is-Sultan

Question

B'referenza għal diversi mistoqsijiet parlamentari preċedenti tiegħi fil-leġislatura l-oħra u konsultazzjonijiet mad-direttur tat-toroq, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet il-parti ta' Triq Bieb is-Sultan, Żabbar li kif jaf kienet twessgħet kollha ħlief għall-parti żgħira li tħalliet b'għalqa fin-nofs? Billi ntqal diversi drabi li kien beda l-proċess biex din l-għalqa tiġi esproprjata wara, jista' ġentilment jgħid fiex wasal dan il-proċess ta' esproprjazzjoni u meta hemm il-ħsieb li bejn wieħed u ieħor titwessa' din il-parti tat-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-parti ta' l-għalqa li għadha ma tteħdietx u li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant ma kienitx inxtrat mill-iżvilluppatur li bena fil-ġenb ta' din it-triq skond il-liġi. Fil-preżent għadhom għaddejjin il-proċeduri mas-sidien ta' din l-għalqa sabiex din l-art tkun tista' tinxtara.

Bormla — Triq ix-Xatt - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq ix-Xatt, Bormla? X'kien jinkludi t-tender u min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid sarx il-ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi oriġinarjament kienet ħarġet sejħa għall-offerti biex isir Triq San Ġorġ u li għaliha kienu tefgħu l-offerta tagħhom, General Road Services Ltd, Asfaltar Ltd u Silvar Construction and Services Ltd u li ntrebħet minn General Road Services Ltd. Irriżulta illi peress li fi Triq San Ġorġ is-servizzi kollha instabu fil-wiċċ tat-triq, ix-xogħol meħtieġ ma setax isir. Għalhekk bi ftehim bejn il-Kunsill Lokali u l-Awtorita dwar it-Trasport ġie deċiż li l-kuntratt jintuża biex isir xogħol fi Triq ix-Xatt. Ix-Xogħol fi Triq ix-Xatt li nkluda wkoll tibdil fil-mains ta' l-ilma għadu kif tlesta u ħa xahrejn u nofs. Dan mistenni li jqum madwar Lm13,800. Fil-mument id-Direttorat tat-Toroq qed jistenna r-riżultati tat-testijiet biex ikun jista' jiġi ċċertifikat ix-xogħol. S'issa għadu ma sar l-ebda ħlas lill-kuntrattur għax-xogħol li sar f'din it-triq.

Bormla — Triq San Mikiel - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq San Mikiel, Bormla? X'kien jinkludi t-tender u min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol u jekk għadu mhux mitmum, meta se jitlesta? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid sarx il-ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fit-triq imsemmija qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Committee biex jitranġa l-paviment tal-qawwi li hemm f'din it-triq li qed tirrikjedi wkoll xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma mill-Water Service Corporation. Għalhekk għal aktar informazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Triq il-Mitħna - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq il-Mitħna, Bormla? X'kien jinkludi t-tender, min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid jekk sarx il-ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ingħata wara sejħa għal offerti li għaliha tefgħu l-offerta tagħhom, General Road Services Ltd, Asfaltar Ltd u Silver Construction and Services Ltd u li ntrebħet minn General Road Services Ltd. Minħabba xogħol addizjonali li ma kienx previst, u li tfaċċa meta kien ser jinbeda x-xogħol u li kien jinkludi devjazzjoni ta' parti minn network ta' dranaġġ, xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma u bini ta' storm water culvert fi Triq Matty Grima ħa ħames xhur biex jitlesta peress li nstab li l-ilma tax-xita ta' wħud mir-residenzi ta' Triq il-Mitħna kien qed jispiċċa fid-dranaġġ. Ix-xogħol ġie jiswa Lm20,090.70, hekk kif ġie ċċertifikat mill-perit inkarigat, li minnhom il-kuntrattur tħallas Lm14,491.27.0.

Bormla — Triq id-Dejqa - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ħareġ it-tender għal xogħol fi Triq id-Dejqa, Bormla? X'kien jinkludi t-tender, min applika u lil min ingħata? Kemm dam sejjer ix-xogħol? Min iċċertifika x-xogħol jekk kienx jilħaq il-livelli mitluba? Jista' jgħid jekk sarx il-ħlas?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi fit-triq msemmija kien qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Project sabiex l-asfalt li kien jgħatti l-parti tal-paviment tal-qawwi li kien hemm f'din it-triq jitneħħa. Ix-xogħol bħalissa wieqaf peress li jrid isir xogħol fuq is-sistema ta' l-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma. Għalhekk għal-aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Mina ta' Sta. Liena - xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex għadu għaddej xogħol taħt il-Mina ta' Sta. Liena? Kemm ilu għaddej dan ix-xogħol u x'jinkludi? Meta jaħseb li se jitlesta x-xogħol u tingħalaq il-ħofra kbira li hemm taħt l-istess mina?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li taħt il-mina ta' Santa Liena f'Bormla qed isir xogħol mill-Kottonera Rehabilitation Committee. Il-ħofra msemmija mill-Onor. Interpellant hija fil-fatt skavi arkeoloġiċi li qed jitwettqu fil-lokalita. Għalhekk għal aktar nformazzjoni l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Awtorita' tat-Trasport — Trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru studji mill-Awtorita` tat-Trasport dwar is-sistema tat-trasport pubbliku f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' l-Ministru jgħid min għamel dawn l-istudji u kemm swew? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-istudji humiex pubbliċi u jekk jistax ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta għamlet dawn ir-rapporti hekk kif gejjin fir-rigward tas-sistema tat-trasport pubbliku f'Malta. a) Commuter Use of Bus System - l-ewwel parti, u li sar mill-professur Mario Vassallo f'Settembru 1999. Dan sewa Lm3392.50. F'Marzu 2000 sar it-tieni parti ta' dan l-istudju u li kien jiswa Lm3696. b) Impact Assessment on the adoption of the Aqcuis - rigward l-operat tat-trasport pubbliku. Dan sar mis-Sur Anthony Pearce, Access Euro Consulting f'Ġunju 2000 u li kien jiswa Lm6670. c) Working paper on a viable public transport system, dan sar mis-Sur Anthony Pearce bħala tkomplija ma' l-impact assessment. d) Time to Act - Dan l-istudju sar mill-Bord u l-Management ta' l-istess Awtorita' mingħajr ħlas. Jien infurmat ukoll li (b) u (c) diġa tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta Nru. 563 tal-leġislatura preċedenti b'rispsota għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 26682. Dwar (a) u (d) dawn ir-rapporti huma parti mill-bażi li fuqhom qed isiru taħdidiet mill-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u għalhekk dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra aktar 'l quddiem.

Fgura, Kalkara u Ħaż Żabbar — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma it-toroq imniżżla fil-programm ta' toroq li għandhom isiru fil-futur qarib, il-Fgura, Kalkara u Ħaż Żabbar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi ftit xhur ilu tlesta x-xogħol li kien qed isir fi Triq Hompesch fil-Fgura u Labour Road f'Ħaż-Żabbar, fejn twaħħlu wkoll it-traffic lights, kif ukoll Triq Rinella u Misraħ l-Arċisqof Gonzi fil-Kalkara. L-Awtorita` dwar it-Trasport qegħda fil-proċess li tippubblika sejħa għall-offerti sabiex tiġi asfaltata l-aħħar parti ta' Triq Merħba u Triq is-Summien fil-Fgura, filwaqt li qed isiru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar sabiex jiġu asfaltati Triq l-Għakrux, Triq il-Berebies, Triq Sant Antnin u Sqaq Ganton. Id-Direttorat tat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex ikun implimentat xogħol ta' titjieb fit-toroq kollha tal-pajjiż u l-prijoritajiet jiġu aġġornati, minn żmien għal żmien skond l-eżiġenzi li jkunu qed jirriżultaw.

Ħal Qormi — Triq il-Furnar

Question

Jista’ il-Ministru jgħid meta se jkompli ix-xogħol li nbeda ftit tal-ġimgħat ilu fi Triq il-Furnar Ħal-Qormi. Jista’ il-Ministru jispjega għaliex ix-xogħol f'din it-triq kien wieqaf għal-diversi gimgħat?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-ewwel fażi tax-xogħol fi Triq il-Furnar, li kien jikkonsisti fil-livellar, formazzjoni tat-triq, bini tal-bankini u x-xogħol fuq is-servizzi mistenni jitlesta sa l-aħħar ta' Lulju u wara mistennija toħroġ sejħa għall-offerti għat-tqegħid tat-tapit ta' l-asfalt fit-triq.

Rotta Numru 40 — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri mir-rotta Numru 40 li sservi Ħal Lija, Ħal Balzan u Ħat Attard meta, minħabba ix-xogħol li ilu sejjer tmien xhur fi Triq il-Kbira f' Ħal Balzan m'għadiex tuża ir-rotta tas-soltu? Meta tkun lesta dinm it-triq se jsir xi kambjament f'din ir-rotta? Japrezza il-Ministru li dawk li jużaw regolarment il-karozzi tal-linja qed ibgħatu minħabba ix-xogħlijiet f'din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li wara li jitlesta x-xogħol fi Triq il-Kbira Balzan, ir-rotta 40 issir waħda ċirkolari li tgħaddi minn Triq il-Kbira one-way biss. Dan l-arranġament sar bi ftehim bejn id-Direttorat għat-Trasport Pubbliku, il-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan, id-Direttorat għall-Imaniġjar tat-Traffiku u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Infurmat ukoll li wara li x-xogħlijiet fl-imsemmija triq jintemmu, ir-residenti għandhom ikunu moqdija aħjar.

Marsa — Żebgħa tat-triq

Question

Jista' il-Ministru jara li ssir mill-ġdid iż-żebgħa tat-triq quddiem is-super one u l-Marsa ta' l-ingliżi peress li ż-żebgħa m'għadhiex tidher?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qed tagħmel dan it-tip ta' xogħol u xogħol ieħor relatat ma' street furniture fil-lokalitajiet kollha u x-xogħol indikat mill-Onorevoli Interpellant isir skond il-programm adottat għal dan ix-xogħol.

Tiswija ta' toroq — Għajnuna finanzjarja mill-gvern Taljan

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-somma flus li se tingħata mill-gvern Taljan bħala għajnuna għat-tiswija tat-toroq tagħna ngħatatx bil-kondizzjoni li x-xogħlijiet li jsiru jkunu jistgħu jitwettqu minn kumpanniji barranin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi peress li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi essenzjalment għal-kundizzjonijiet relatati mal-ftehim magħruf bħala '5th Protocol relating to Economical, Technical and Financial Assistance' bejn il-Gvern Malti u dak Taljan, għalhekk l-Onorevoli Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi mixtrija/mikrija — Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni

Question

Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni ? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjoni xtara karozza waħda mit-12 t'April 2003 sa llum. Din inxtrat biex tissostitwixxi karozza li m'għadhiex possibli li tissewwa. Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' Marittima qed tikkonsidra li tixtri karozza ġdida flok karozza oħra li ġiet dikjarata total loss wara li kienet involuta f'inċident tat-traffiku. Fil-preżent in-numru ta' karozzi mixtrija jew mikrija mill-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru huwa hekk. Mixtrija 59 Mikrija 21

Xufiera tal-karozzi tal-linja — Kors ta' customer care

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xufiera tal-karozzi tal-linja jingħatalhomx xi course ta' customer care? Jista' jgħid kemm kien hemm ilmenti kontra xufiera minn Jannar 2003 sal-lum? X'tip ta' ilmenti kienu? Kemm minnhom kienu ġustifikati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kull min japplika sabiex jakkwista liċenzja biex isuq karozza tal-linja għas-servizz pubbliku, jingħata kors ta' customer care. Minn Jannar 2003 sal-lum, l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta rċeviet 44 ilment kontra xufiera tal-karozzi tal-linja. Fost dawn kien hemm ilmenti fuq imġieba ħażina, tipjip, tluq qabel il-ħin, ma jieqfux fuq Bus Stop, jabbandunaw ir-rotta, ma għamlux il-vjaġġ, devjazzjoni tar-rotta stabbilita, noll għoli, u sewqan traskurat. L-ilmenti li saru dawn ix-xuffiera tal-karozzi tal-linja ġew mgħoddija lill-Qorti biex jittieħdu passi kontra tagħhom. Daħlu wkoll għaxar ilmenti oħra fuq imġieba ħażina jew nuqqas tat-twaqqif fuq xi Bus Stop, iżda f'dawn il-każi ix-xuffiera ġew imwissija biss mill-Awtorita' għall-fatt li l-passiġieri ma riedux jitilgħu jixdhu l-qorti.

PTA — Karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif inhuma maqsumin fuq ir-rotot diversi il-254 xarabank li jaħdmu kuljum skond ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 842?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rotot kif inhuma mqassma.

Żurrieq — Triq il-Kangu

Question

Peress li b'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 252 dwar xogħol fi Triq il-Kangu,fiż-Żurrieq kien ġie ndikat li x-xogħol kien mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta' Ġunju u peress li minn meta saret il-mistoqsija fid-9 ta' Ġunju sal-lum is-sitwazzjoni għadha kif kienet u x-xogħol ma tkompliex, jista' il-Ministru jindaga għaliex mhux qed jitkompla x-xogħol u meta hu maħsub li jitkompla u jitlesta?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qiegħed isegwi mill-qrib ix-xogħol li qed isir fit-triq imsemmija u fil-fatt ix-xogħol qed jerġa jitkompla. L-Awtorita dwar it-Trasport qed tkompli ssegwi mill-qrib dan il-proġett biex jiġi żgurat li x-xogħol meħtieġ jitlesta fl-inqas żmien possibli.