Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann — Tindif tal-widien

Question

Jista' il-Ministru jinvestiga l-ilment ta' familja minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar flooding li jkollhom fit-triq kull meta tagħmel ix-xita kif ukoll li jsir tindif tal-widien qrib tagħhom kif soltu kien isir fix-xhur tas-sajf qabel ma jaqleb it-temp?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

Xogħlijiet ta' Tisbih

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21312 u 21615 u jgħid liema xogħlijiet ta' tisbiħ saru mill-2003 sal-lum u x'kienet in-nefqa fuq kull proġett?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li n-nefqa fuq kull proġett mmsemija fit-tabella annessa tirreferi għall-ispiża tal-materjal biss.

Windfarms

Question

Jista' il-Ministru jispjega b'mod ċar kif il-gvern baqa' sabiex jaħdem flimkien mal-privat fir-rigward tal-windfarms, meta illum jista' jinvesti direttament fil-proġett il-poplu Malti permezz tal-finanzi mill-Ewropa ġaladarba llum nafu kemm jiswa l-investiment li se jibda jrendi f'enerġija fi żmien disgħa snin? Għaliex il-gvern qed jaħdem mal-privat u min huma dawk li tefgħu l-interess tagħhom fis-sejħiet?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-Gvern permezz tal-MRA ħareġ sejħa għall-espressjoni t’interess għall-iżvilupp ta’ windfarms fl-ibħra territorjali Maltin. Kif kien indikat f’din is-sejħa, huwa l-ħsieb tal-Gvern li jinbnew windfarms fuq bażi ta’ Public Private Partnership fejn hu qed jagħti konċessjonijiet għall-iżvilupp fuq siti fil-baħar li jiġu stabbiliti, waqt li mbgħad ikunu l-kumpaniji privati li jidħlu għall-finanzjarjament ta’ l-iżvilupp, l-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn l-windfarms u r-riskji kollha assoċjati ma’ żvilupp bħal dan. L-elettriku ġġenerat ikun jista' jinbiegħ skond tariffi stabbiliti bejn il-partijiet konċernati. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li r-riskji li jġorru magħhom teknoloġiji ġodda għandhom jinġarru propju minn dawk li jkunu qegħdin jippromovuhom u b’hekk għandhom ikunu l-kumpaniji privati li jidħlu għal dan ix-xogħol. Il-lista ta’ kumpaniji u konsorzja li tefgħu espressjoni t’interess għall-iżvilupp ta’ windfarms fl-ibħra territorjali Maltin kienet ippubblikata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.

Paola — Knisja ta' Sant'Ubaldesca

Question

Filwaqt li l-Interpellant jirringrazzja lill-Ministru għall-interess attiv li ħa fuq is-suġġett tar-restawr tal-Knisja ta' Sant'Ubaldesca f'Raħal Ġdid kull meta kellmu l-Interpellant u anke fit-tweġibiet li tah għall-mistoqsijiet parlamentari dwar is-suġġett, jista' il-Ministru jispjega fiex jikkonsisti x-xogħol li beda ftit ilu mill-ħaddiema tal-ministeru tiegħu f'din il-knisja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar ftit ilu fuq il-Knisja ta’ Sant’Ubaldesca f’Raħal Ġdid minn ħaddiema tal-Ministeru, huwa parti minn xogħol ta' restawr li huwa ppjanat li jitkompla fil-futur. Ix-xogħol ser jikkonsisti f'zewġ fażijiet. L-ewwel fażi ser ikun xogħol ta' restawr fuq il-parti esterna tal-knisja, filwaqt li t-tieni fażi ser ikun il-konsolidament strutturali tal-knisja.

Skart tal-Bini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus dovut lid-dipartiment għad-disposal ta' l-iskart tal-bini sakemm dan il-ħlas beda jinġabar mill-Wasteserv?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-bilanċ ta’ flus dovut lid-dipartiment għad- disposal ta’ l-iskart tal-bini huwa ta’ Lm 131,369.28ċ li jkopri l-perjodu 1998 sa April 2004.

Proġetti ta' tisbiħ

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21552 u jagħti lista tal-proġetti ta' tisbieh li twettqu matul din is-sena u l-infiq li sar fuq kull wieħed minnhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.

BICC — Excavation and Party Walls Document

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-Excavation and Party Walls Document maħruġ mill-BICC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Draft Policy Document 2005 - Excavation and Party walls,liema rapport kien ġie ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.

Pubblikazzjoni On Site

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji tal-pubblikazzjoni On Site li ħarġu matul din is-sena? Kemm hi l-ispiża għal din il-pubblikazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-ispiża għal din is-sena marbuta mal-pubblikazzjoni On Site, li hi l-pubblikazzjoni konġunta bejn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura u l-BICC, swiet lill-Ministeru Lm 5,301.45ċ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ħarġa On Site, ippubblikati matul din is-sena:- § Harġa Numru 19 – Frar 2006 § Harġa Numru 20 – Ġunju 2006 § Harġa Numru 21 – Settembru 2006 (edizzjoni speċjali li tinkludi kopji u aktar paġni).

Ħal Kirkop — Pompa tal-Petrol tal-Gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħata petrol u diesel mill-pompa tal-gvern f'Ħal Kirkop? Liema dipartimenti jużaw il-faċilitajiet ta' din il-pompa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li matul l-aħħar tnax-il xahar, mill-pompa tal-Gvern f’Ħal Kirkop ingħataw 139,118 litru petrol u 379,244 litru diesel. Il-faċilitajiet ta’ din il-pompa jużawhom id-Dipartimenti kollha fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura, d-Dipartiment tad-Djar u l-Kostruzzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali, l-Aġenzija WasteServ u l-Forzi Armati ta’ Malta, fuq bażi okkażjonali, il-Unit tad-Dranaġġ fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma u l-Uffiċċji tal-President.

BICC — Property Affordability Report

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-Property Affordability Report 2005 maħruġ mill-BICC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

BICC — Construction Industry Report

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-State of the Construction Industry Report 2004 maħruġ mill-BICC?

Response (ZAMMIT, NINU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Restawr tal-fortifikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kenitx ġiet preżentata l-proposta għall-proġett ta' restawr tal-fortifikazzjonijiet għall-fondi mill-UE? Kemm ġiet costed din il-proposta? F'liema stadju waslet din il-proposta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-proposta għall-proġett ta’ restawr/manutenzjoni tas-swar ġiet ippreżentata biex tkun ikkunsidrata għall-finanzament mill-fondi strutturali 2007 - 2013 ta' l-Unjoni Ewropea. Il-proġett jinkludi restawr u konsolidazzjoni ta’ partijiet ta’ swar fil-Belt Valletta, il-Birgu, Mdina, u ċ-Ċitadella – Għawdex. L-istma globali hija ta' 30 miljun Euro.

Riżorsi u Infrastruttura — Vetturi li jużaw biodiesel

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk vetturi li jintużaw minn dipartimenti fid-dekasteru tiegħu jużawx il-biodiesel? Jekk fl-affermattiv, x'inhu l-ammont ta' biodiesel li ntuża matul din is-sena? X'inhi r-rata li qiegħed jinxtara biha l-biodiesel?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li d-dipartimenti fil-Ministeru qed jużaw il-biodiesel għal 20 van pickup tal-Gvern. L-ammont ta' biodiesel li ntuża mill-bidu ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Settembru 2006 kien ta’ 13,542 litri. Ir-rata li qed tinxtara biha l-biodiesel tvarja skond il-prezz tas-suq tal-fuel.

UE — Proġett kontra l-għargħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kenitx ġiet ippreżentata l-proposta għall-proġett konta l-għargħar mill-fondi mill-Unjoni Ewropea? Kemm ġiet costed din il-proprosta? F'liema stadju waslet din il-proposta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-proposta għall-proġett kontra l-għargħar f’Birkirkara u l-Msida ġiet ippreżentata biex tkun ikkunsidrata mal-proġetti għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea. L-istima hija ta’ 70 miljun Euro.

Marsa — Proġett kontra l-għargħar

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju waal il-proġett ta' l-għargħar fil-Menqa tal-Marsa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi l-proġett ta’ l-għargħar fil-Menqa tal-Marsa wasal fil-fażi finali tiegħu. Bħalissa qed isir xogħol fuq il- bridge li ser ikun hemm fi Triq il-Mollijiet u l-iżbokk għall-baħar. Minn hawn u ftit jiem oħra ser jinbeda xogħol ta’ rranġar taż-żona ta’ biswit il-kanal.

Bord ta' l-invalidita'

Question

Jista' il-Ministru jara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jiġi eżaminat mill-bord ta' l-invalidita' tad-dipartiment tax-xogħlijiet mill-aktar fis billi dan mhux tajjeb għax-xogħol? Dan diġa' instab mhux tajjeb mill-bord ta' l-invalidita' tas-sigurta' soċjali imma ma jistax jipproċedi għax qed jistenna li jiġi eżaminat ukoll mit-tobba tad-dipartiment.

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura rrefera l-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament lid-Diviżjoni tas-Saħħa biex tiġi eżaminata. Dan il-Bord Ortopediku għadu ma ħariġx r-rakomandazzjoni finali tiegħu. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet m’għandux Bord ta’ l-Invalidita’.

Dipartiment tax-Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ħaddiema tal-works department u li ilhom morda għal xhur sħaħ mingħajr sick leave u ebda dħul ieħor għadhom ma ntbagħtux biex jiġu boarded out kif talbu huma stess fuq parir mediku tat-tobba tagħhom? Kemm hemm każi pendenti u meta se jarahom l-invalidity board tal-works department?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi meta ħaddiem jippreżenta ċertifikat mediku b’rakkomandazzjoni mit-tabib tiegħu biex jiġi boarded out, dan il-Ministeru minnufih jieħu passi sabiex jibda l-proċeduri mad-Diviżjoni tas-Saħħa. Din id-Diviżjoni taħtar Bord Mediku sabiex il-ħaddiem jiġi eżaminat. Bħalissa hemm seba’ (7) każijiet pendenti li jridu jidhru quddiem il-Bord tad-Diviżjoni tas-Saħħa. Il-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qatt ma kellu Invalidity Board imma jirreferi l-każijiet għand id-Diviżjoni tas-Saħħa.

Riżorsi u Infrastruttura — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu mpjegati fid-dipartimenti fid-dekasteru tiegħu matul dawn l-aħħar 12-il xahar li ma kenux f'posthom waqt il-ħin tax-xogħol u/jew li abbużaw mis-sick leave? F'liema gradi kienu dawn l-impjegati? X'passi ttieħdu kontra tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi fl-aħħar tnax-il xahar ittieħdu passi dixxiplinarji kontra 50 ħaddiem li ġew akkużati li ma kienux f’posthom waqt il-ħin tax-xogħol, u kontra 145 ħaddiem li kienu akkużati li abbużaw mis-‘sick-leave’. Dawn inħarġulhom ‘charges’ skond ir-regolament 20 tar-Regolamenti tad-Dixxiplina. Il-ħaddiema li ttieħdu passi dixxiplinarji kontrijhom, kellhom dawn il-gradi: professjonali – 1; tekniċi – 50; klerikali u amministrattivi - 12; industrijali - 129; dipartimentali – 2; messaġġier – 1.

Sukkursu tas-Salina

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal ix-xogħol ta' taħmil tal-bottleneck li hemm fis-sukkursu tas-Salina mill-ħama li akkumula fih matul dawn l-aħħar snin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat illi għal raġunijiet strutturali fis-sukkursu, madwar 200 metru minn 900 metru tul komplessiv, ma setgħux jiġu mħammlin l-isfel mill-baħar. L-istrutturi li hemm mall-ġenb ta’ din il-parti tal-kanal, għandhom pedamenti 'l fuq mill-baħar u ma jippermettux taħmil tal-kanal mingħajr ma dawn jiddgħajfu konsiderevolment. Ix-xogħol biex jitneħħa dan il-bottleneck għandu jsir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, is-sena d-dieħla. Dawn ix-xogħlijiet ma sarux din is-sena minħabba li kien għad fadal xi konsultazzjonijiet mal-MEPA rigward l-għoti tal-permess.

Furjana — Monumenti

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li jinxtegħlu l-monumenti ta' Kristu Re u ta' l-Indipendenza fil-Mall, il-Furjana?

Response (ZAMMIT, NINU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi sabiex dawn iż-żewġ monumenti jkunu mixgħula fil-futur qarib, wara li nqalgħu xi ħsarat fis-sistemi ta' l-illuminazzjoni tagħhom.