Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Kumpanniji ta' reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kumpanniji ta' reklamar mill-ministeru u dipartimenti tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid liema kienu l-aġenziji ta' reklamar li ġew użati u l-ispiża nvoluta f'kull każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

MMA — Customer Care Manager

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-job description tal-customer care manager u kemm taħdem sigħat fl-awtorita' bħala r-rwol importanti li għandha fl-MMA?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-pożizzjoni ta' Customer Care Manager ġewwa l-Awtorita' Marittima sejra tkun abolita bħala parti minn proċess ta' ristrutturar li qiegħed isir bħalissa fi ħdan id-Dipartiment tal-marketing. Minflok hija l-intenzjoni illi l-persuna kkonċernata tibda taqdi dmirijiet ta' Communications Manager fi ħdan id-dipartiment tal-marketing. Il-persuna konċernata taħdem ġimgħa mnaqqsa ta' 25 siegħa.

MMA — Proġett taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa l-proġett taċ-Ċirkewwa lill-MMA? Kemm se tagħmel profit l-MMA minn dan il-proġett?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-proġett tal-mollijiet taċ-Ċirkewwa u l-Mġarr huwa mistenni li jiswa LM14.55 miljun. L-iskop ta' dan il-proġett hu dak li jservi ta' għodda tajba biex Għawdex ikollu servizz tal-vapur aħjar minn dak li għandu sa issa. L-MMA mhix mistennija tagħmel profitt minn proġett bħal dan.

MMA — HR Committee

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistix jew jekk kienx hemm HR committee fl-MMA? Minn min kien ifformat fil-passat u minn min hu ifformat fil-preżent? Jekk dan il-kumitat m'għadux jiffunzjona , għal liema raġuni? Meta nħoloq dan il-kumitat? Min kien li ħoloq dan il-kumitat? X'kien jiddeċiedi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-kumitat tal-HR ġie mwaqqaf fl-2001 mis-CEO tal-Awtorita' bħala kumitat konsultattiv. Fl-2004 il-Board ta' l-Awtorita' ħatar żewg membri tal-board fuq il-kumitat. Dan ilu ma jiltaqgha mit-2004 għall-fatt illi ma jeżistix aktar skop billi llum l-Awtorita' għandha l-ufficjali tagħha li jaqdu dawn il-funzjonijiet.

MMA — Maritime Trade Centre

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm se jiswa lill-MMA l-maritime trade centre? Kemm ħa tkun l-istima biex jitnaddaf il-ħġieġ kollu tal-maritime trade centre? Kemm se jiġu jiswew il-blinds li se jsiru f'kull sular? Hemm flus pprovduti biex jitlesta l-bini kollu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Maritime Trade Centre apparti l-uffiċini ta' l-MMA, jinkludi wkoll 4,200 metru kwadru li huma ntiżi sabiex jinkrew lil terzi persuni/organiżazzjonijiet li preferibilment huma nvoluti fis-settur marittimu. L-informazzjoni l-oħra tingħata wara li tinġabar.

MMA — Maritime Trade Centre

Question

Sa kemm ġie trasferit l-IT department fl-MMA għall-maritime trade centre huwa minnu li ġie rranġat shed 1 għal ftit żmien biex jiġu akkomodati l-VISET fil-bini l-qadim ta' l-MMA u dan xorta ma ntużax? Kemm swiet lill-awtorita' shed 1? Peress li shed 1 mhijiex tintuża mill-IT department, x'inhu jiġri minnha wara dawk il-flejjes li ntnefqu fuq l-uffiċini?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħlijiet f'shed 1 saru sabiex isir workshop għad-dipartiment tal-Maintenance u jiġu pprovduti stores għall-Awtorita'. Barra minn hekk ġew pprovduti wkoll uffiċini għall-ħaddiema, kemm tad-Dipartiment tad-Dwana kif ukoll għall-dawk tal-Cargo Handling Co. Ltd. (operatur ta' dak iż-żmien, li llum jiffurmaw parti mill-Valletta Gateway Terminals (VGT) li kienu jagħmlu xogħol fuq id-Deep Water Quay. Barra minn hekk, peress li skond il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern, l-Awtorita, Marittima u l-VISET, l-Awtorita' Marittima kellha tisgombra l-uffiċini tagħha ġewwa Pinto Wharf, ittieħdet l-opportunita sabiex, sakemm it-Terminal operator il-ġdid kien ġie magħżul, jiġu trasferiti ċerti dipartimenti għal dawn l-uffiċini l-ġodda, li sa dak iż-żmien kienu għadhom vojta. Parti minn shed 1 għadha tintuża mill-maintenance department u l-istores ta' l-MMA u mid-Dwana. L-informazzjoni dwar l-ispiża tingħata meta tinġabar.

MMA — Transfers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers fl-2006 fl-MMA? Kull meta ngħata transfer, kien hemm call for transfer skond il-collective agreement?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li matul it-2006, transfers ta' mpjegati minn Direttorat għall-ieħor kien hemm wieħed. Filwaqt li transfers ta' mpjegati minn dipartiment għall-ieħor fl-istess direttorat kien hemm disgħa. Dawn saru skond il-provedimenti tal-Collective Agreement.

MMA — Promotions

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li fl-MMA qegħdin jitwaqqfu l-promotions tad-direttorat tal-port li jaqgħu taħt il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li m'hemm l-ebda ħsieb li jitwaqqfu promotions fid-Direttorat tal-Port jew f'xi direttorat ieħor meta dawn ikunu ġustifikati.

MMA — Corporate Office

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li kien hemm promotions fl-istess żmien tal-ħatra ta' executive fl-MMA fil-corporate office li taqa' taħt is-CEO is-Sur Oscar Borg? Meta hemm il-ħsieb li jsiru aktar promotions fil-corporate office?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu ta' żmien u liema executive qiegħed jirreferi Promotions ġewwa Corporate Office jingħataw meta jkun ġie stabbilit li hemm il-ħtieġa u l-ġustifikazzjoni.

MMA

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi disgwid bejn id-direttorat, b'mod speċjali bejn is-CEO u d-direttur tal-port?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li ma jirriżultax li hemm diżgwid bejn id-Direttorati ta' l-Awtorita' Marittima jew bejn is-CEO u d-Direttur tal-Port.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Hospitality

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006 maqsuma skond dipartimenti jew enti?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-flus li ntefqu bħala hospitality mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu huwa kif ġej: Segretarjat Privat Lm 3,416 Segretarjat Privat tas-Segretarju Parlamentar: Lm2,178 Ufficju tas-Segretarju Permanenti Lm5,177 Diviżjoni tal-Kummerċ Lm675 Diviżjoni għall-Kompetizjoni u l-Konsumatur Lm19 Departimenta ta' L-Avjazzjoni Ċivili Lm174 Awtorita' dwar il-Kommunikazzjoni Lm1,036 Awtorita' Marittima ta' Malta Lm5,556 Awtorita' Maltija dwar l-Istandards Lm150 Jien infurmat ukoll li dawn l-ispejjeż jinkludu l-ispejjeż kollha konnessi ma' l-ospitalita' ta' delegazzjonijiet barranin, l-organiżżazzjoni ta' laqgħat internazzjonali ġo Malta, akkomodazzjoni, ikel, trasport u rigali.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Karozzi Mikrija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kellu karozzi mikrija matul din is-sena l-ministeru, id-dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, maqsuma skond kull dipartiment jew enti u r-rati relattivi għal kull kirja?

Response (GALEA, ĊENSU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

San Ġiljan — Permess għal Stabiliment Kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid b'liema kondizzjonijiet se joħorġu l-permessi relattivi biex stabiliment kummerċjali jibda jopera f'fond f'San Ġiljan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li hu mdawwar b'residenti anzjani li fl-imgħoddi ġew disturbati meta l-istess post tħalla jopera bħala ħanut tax-xorb b'mużika tgħajjat il-lejl kollu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li sa llum dan l-indirizz ma jidhirx fuq il-Licence Management System (LMS). Jekk kien stabbiliment tal-Catering dan huwa liċenzjat mill-Awtorita' tat-Turiżmu. Jekk dan l-istabbiliment ser tinbidillu l-attivita kummerċjali minn dik tal-catering għal dik ta' Retail ikollu bżonn jew il-permess tal-MEPA jew dikjarazzjoni tal-perit li dan l-istabbiliment jaqa' taħt l-istess class use. F'dak il-każ ikun irid japplika fit-Trade Licensing Unit fid-Diviżjoni tal-Kummerċ. S'issa din l-applikazzjoni għadha ma ġietx reġistrata. Jien infurmat ukoll li jekk l-użu preċedenti ser jinżamm, l-Awtorita' kompetenti hija l-MTA. Rigward disturbi minn dak l-istabbiliment mhix kompetenza tat-TLU li tieħu passi, iżda tal-Pulizija.

Servizz tal-Helicopter

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21340, jista' il-Ministru jikkonferma li s-servizz se jibqa' jingħata mill-HSE matul ix-xitwa, ovvjament weather permitting?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għaddejjin diskussjonijiet mal-HSE dwar il-possibilita li s-servizz jitkompla.

MMA/MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-relazzjoni bejn il-Malta maritime authority u n-nautical school ta' l-MCAST li tinsab fil-Kalkara? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx persuni li jaħdmu ma' l-MMA u li jmorru jgħallmu f'din l-iskola? Jekk fl-affermattiv, kemm huma u meta jmorru jagħmlu dan?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita Marittima ta' Malta għandha rwol ta' sieħeb (partner) ma' l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST permezz ta' ftehim ta' ko-operazzjoni li ġie iffirmat fl-4 ta' Lulju 2001. Fost l-għanijet ta' dan l-arranġament hemm il-promozzjoni, l-iżvilupp u provvediment u titjieb tal-faċilititajiet għal-ċentru nazzjonali u internazzjonali għat-taħrig, żvilupp u disseminazzjoni tal-ħila u prattiċi fis-settur marittimu. L-Awtorita', permezz tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili, għandha rwol ta' regulatur fejn jidħlu materji, li huma regolati mil-konvenzjoni tal-STCW International Convention on Standards of Training, Certification and Watchkeeping for Seafarers u regolamenti relatati ta' l-Awtorita', li jwasslu għaċ-ċertifikazjoni tal-baħħara. Separatament, l-Awtorita' Marittima, permezz tad-Direttorat tal-Yachting, tapprova u toħrog il-liċenzja nawtika li dawk il-persuni li jkunu ikkwalifikaw mill-kors imsejjaħ Basic Seamanship & Safe Boat handling imħejji mill-Maritime Institute speċifikament għall-dan il-għan. Żewg impjegati mill-Awtorita' huma awtoriżżati mill-Awtorita Marittima sabiex jagħlmu f'din l-iskola fuq bażi personali u mhux waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

Moll ta' l-Imġarr

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21104 u għar-risposta relattiva senjatament fejn qed jingħad li t-tieni parti tal-mistoqsija tiġi risposta aktar 'il quddiem, allura dan ifisser li għadna ma nafux dwar kemm se tiġi tqum din il-modifika?

Response (GALEA, ĊENSU)

F'dan l-istadju m'għandi xejn x'inżid mar-risposta mgħotija għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 21104.

Ta' Qali — Stabbilimenti kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se toħroġ l-offerta biex jinbnew l-istabbilimenti kummerċjali fil-crafts village f'Ta' Qali peress li din kellha toħroġ f'Settembru li għadda? Kif hemm stabbilimenti li qed jitħallew jibnu u jiżviluppaw bħalissa waqt li oħrajn le?

Response (GALEA, ĊENSU)

Dwar l-ewwel parti tad-domanda nagħmel referenza għar-risposta tal- pq 21054. Jien infurmat li l-alterazzjonijiet fil-binjiet eżistenti li qegħdin isiru bħalissa fl-istess villaġġ, qegħdin isiru fuq bażi temporanja sakemm jibdew ix-xogħlijiet.

Prezzijiet tal-mediċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-każ ta' ftehim mad-distributuri tal-mediċini biex dawn l-istess mediċini jonqsu fil-prezz, li huwa pass tajjeb, jekk l-ispiżeriji humiex se jieħdu refund fuq il-prezzijiet tal-mediċini li jkollhom in stock?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li r-roħs fil-prezzijiet tal-mediċina li ġie mħabbar dan l-aħħar, sar direttament mad-distributuri tal-mediċini, u mhux direttament ma' l-ispiżjara.

Servizz tal-Helicopter

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li mhux se jinżammu bookings għall-helicopter bejn Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għaliex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-bookings li jsiru ma' HSE għadhom jiġu aċċettati.