Legislature:
Category:
Reset
Active:

Zabbar — Triq il-Hawt

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jibda x-xogħol fi Triq il-Hawt, Haz-Zabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq tagħmel parti mit-toroq li jridu jinbnew mill-ġdid mill-Gvern Centrali sal-2008. Dawn it-toroq se jinbnew skond il-prijoritajiet li jinħargu mill-programmi ta l-ADT.

Mellieħa — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ġeometrija u d-disinn tat-toroq Triq Għar u Casa u Triq il-Għajn fil-Mellieħa tinbidel peress li din m'hijiex konformi ma' l-istandards u wara dawn it-toroq jiġu mogħtija wiċċ xieraq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li din it-triq hija waħda mit-toroq li qed jinbnew skond il-program ta’ toroq 2006-2008. Fil-ġimgħat li għaddew saru diversi laqgħat fuq is-sit imsemmi bejn ir-residenti, l-kuntrattur u rapprezentanti tal-ADT. F’dawn l-laqgħat ġew diskussi diversi diffikultajiet imqajma mir-residenti u saru proposti biex jitnaqqas l-inkonvenjent tar-residenti ta’ dawn it-toroq.

Estenzjoni tal-Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MEPA għall-estenzjoni tal-Park and Ride?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopoja tal-permess tal-MEPA għall-estenżjoni tal-Park and Ride.

Testijiet bil-Weigh Pads

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru u meta saru testijiet bil-weigh pads minn meta ġew introdotti sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li t-testijiet tal- weigh pads ġew introdotti f’ Jannar li għadda. It-testijiet li saru minn Jannar sal-lum kienu s-segwenti:- Xahar Numru ta’ testijiet Numru ta’ Citazzjonijiet maħruġa f’ dan ir-rigward Jannar’ 07 37 23 Frar’ 07 16 5 Marzu’07 34 17 April’ 07 8 1 Mejju’ 07 20 8 Ġunju’ 07 17 7 Lulju’ 07 17 6 Awissu’ 07 15 4 Settembru’ 07 8 3 Ottubru’ 07 8 2 TOTALI 180 76

Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul ta' l-ADT għas-snin 2006 u 2007 mill-liċenzji tas-sewqan u mill-liċenzji tat-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra nformazzjoni dwar id-dħul għas-snin 2006 u 2007 li nġabru mil-liċenzji tas-sewqan u mil-liċenzji ta-triq (informazzjoni annessa). PQ 27952 Licenzji tas-Sewqan Licenzji tat-Triq Dhul tal-Gvern Dhul ta' l-ADT Total Dhul tal-Gvern Malta Ghawdex 2006 448,977.60 77,660.00 526,637.60 11,406,463.39 731,711.54 2007 (Jan - Sett) 444,183.60 74,735.00 518,918.60 8,878,067.56 348,602.03

Bini tal-bridge

Question

Billi għaddej il-bini tal-bridge ta' Regional Road u billi jaqa' ħafna ilma lejn il-pjazza ta' San Ġiljan, Spinola taħt il-bridge, jista' l-Ministru jara li jsiru xi water culverts b'ċertu mod biex dan l-ilma ma jibqax jiġi b'tali kwantita' u b'hekk insolvu problema kbira?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li suġġeriment tiegħu qed ikun investigat mill-ADT bil-ħsieb li tinstab solużżjoni għall-problema msemmija.

Msida — Rue D'Argens

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ADT tikkonsidra li l-parti ta' fuq ta' Rue D'Argens, Msida li m'għandha l-ebda sbokk issir parkeġġ għar-residenti biss, dan ġaladarba ġot-triq hemm karozzi għall-bejgħ, ħafna minnhom bla liċenzja u dawn qed jieħdu post ta' parkeġġ għar-residenti? Ir-resideni jkunu grati għal konsiderazzjoni ta' din it-talba.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’referenża għal din il-mistoqsija parlamentari huwa ferm appreżżat li l-Onor Interpellant jispeċifika f’aktar dettal il-parti ta’ Rue D’Argens li għaliha qed jirreferi sabiex l-Awtorita’ Dwar it-Trasport tkun f’pożiżżjoni li tati l-informażżjoni meħtiega.

Zurrieq — Triq Ta' Ciantar

Question

Jista' l-Ministru jara li Triq ta' Ciantar, in-naħa ta' Bubaqra, Zurrieq tingħata wiċċ issa li anke ġiet allokata t-tender relattiva?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi din it-triq hija nkluża fil-pjan ta’ toroq ġodda 2006-2008.

Zurrieq — Triq is-Sardinella

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq is-Sardinella, Zurrieq hix ser tingħata wiċċ ġaladarba l-bankini ġew kostruwiti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi din it-triq hija nkluża fil-lista tal-pjan ta’ toroq ġodda 2006-2008.

Wied il-Għajn — Karozza tal-linja diretta

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li ssir karozza tal-linja minn Wied il-Għajn direttament għall-Isptar Mater Dei li tkun taqdi wkoll fost oħrajn l-istudenti ta' l-Universita'? Hu nfurmat il-Ministru li sal-lum residenti ta' Wied il-Għajn jridu jaqbdu żewġ karozzi tal-linja biex jaslu Mater Dei u l-Universita' cioe' l-ewwel jridu jitilgħu Haz-Zabbar u wara jaqbdu Bus No 300 li tkun diġa' għamlet rotta sħiħa qabel tasal Haz-Zabbar u aktar iva milli le, la jibda jiżdied l-użu ta' l-Isptar Mater Dei din se tispiċċa mimlija? Billi hemm ħafna ilmenti minn studenti ta' l-Universita' li qed jaslu tard għal lectures u billi se jkun hemm ilmenti simili minn dawk li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn Mater Dei, jimporta l-Ministru jikkonsidra li ssir karozza diretta minn Wied il-Għajn għal Mater Dei imqar għalissa bi prova?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-ADT irċeviet diversi ilmenti simili rigward ir-rotot ta’ l-Universita u għaldaqstant, ġew miżjuda l-ħinijiet fuq ir-rotta 300 biex ilaħqu mad-domanda eżistenti. Preżentament il-ħinijiet ta’ filgħodu huma s-segwenti:- 6.30am mill-Isla 6.30am minn Marsaskala 6.45am minn Ħaż-Żabbar 7.45am mill-Isla 7.45am minn Marsaskala Il-ħinijiet li jsiru wara 9.00am ma jidhirx li hemm problemi fir-rigward, madanakollu l-ADT ser tibqà tagħmel moniteraġġ fuq dawn ir-rotot sabiex jekk ikun hemm il-ħtieġa isir tibdil skond il-bżonn.

San Ġiljan — Limited time zone parking

Question

Billi l-Ministru ftit ilu kien weġibni li ma sab ebda talba mingħand il-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan dwar limited time zone parking ta' massimu ta' 20 minuta sabiex tħares l-interessi tas-sidien tal-ħwienet fi Triq San Ġorġ San Ġiljan, nixtieq nirreferik għall-ittra ta' l-istess kunsill, datata 22 ta' Ġunju, 2004 lit-Traffic Management Directorate ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta: Attenzjoni A Testaferrata de Noto. Fiċ-ċirkustanzi jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-ADT issa li għaddew tliet snin minn mindu nkitbet din l-ittra u jekk s'issa għadu ma sar xejn, jistgħu jittieħdu passi ta' rimedju ħalli tiġi mtaffija u/jew indirizzata din il-problema li qed ixxekkel il-kummerċ fiż-żona ndikata?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi għal mistoqsija parlamentari Numru 23484 fejn l-Onor Interpellant kien talab informażżjoni dwar talba għal Timed Parking madwar 30 minuta fi Triq San Gorg (Doc 1). Din il-mistoqsija parlamentari kellha d-data 24 ta’ Jannar 2007 u rreferiet għal din it-talba mill-kunsill lokali San Giljan bħala li kienet intbagħtet lit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku xi xhur qabel. It-taqsima kienet għamlet riċerka fir-records sa minn xi xhur qabel it-29 ta’ Jannar 2007 (li ttieħdu sa minn Jannar 2006) kif kien referut mill-Onor Interpellant. It-Taqsima terga’ tikkonferma li sa minn xi xhur qabel Jannar 2007 ma kienet irċeviet l-ebda talba għal parkeġġ ta’ madwar 30 minuta. Saret ukoll riċerka fid- data base tal-korrispondenza ta’ l-Awtorita’ Dwar it–Trasport minn Jannar 2006 u wkoll ma nstab l-ebda riferiment għal din l-ittra (Doc 2). B’referenza għal mistoqsija parlamentari Numru 27477, l-Onor Interpellant jagħmel referenża għal ittra bid-data 22 ta’ Gunju 2004 li ntbagħtet lit-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku. It-Taqsima għamlet riċerka fir- records u tikkonferma li din l-ittra kienet waslet l-Awtorita Dwar it-Trasport u li t-Taqsima kienet infurmat lill-kunsill ta’ San Giljan b’ittra data ta 28 ta’ Gunju 2004 (Doc 3) li talbiet simili kellhom isiru skond it- Terms of Reference for the Creation of Controlled Residence Parking Schemes. Sal-lum it-Taqsima ma rċeviet l-ebda informażżjoni addiżżjonali mill-kunsill lokali kif mitlub u għaldaqstant din it-talba ma tistax tkun ipproċessata. Niġbed l-attenżżjoni ta’ L-Onor Interpellant kif ġej: · F’mistoqsija parlamentari 23484, t-Tqasima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ġiet żgwidata meta kienet infurmat li din it-talba għal Timed Parking kienet saret biss xi xhur qabel meta fil-fatt it-talba kienet saret tlett snin qabel, jiġifieri fit-22 ta’ Gunju 2004 (Doc 4). · F’mistoqsija parlamentari 23484, it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ġiet żgwidata meta kienet riferita li t-talba kienet saret għal parkeġġ ta’ 30 minuta meta fil-fatt din it-talba kienet għal 20 minuta. · F’mistoqsija parlamentari 23484 it-taqsima kienet infurmata li t-talba saret minn ħwienet fi Triq San Gorg iżda fil-fatt it-talba saret minn ħwienet li qegħdin ukoll f ’Ross Street. Huwa ferm appreżżat li l-mistoqsijiet parlamentari jkunu aktar preċiżi sabiex ikun evitat kull forma ta’ nuqqas ta’ ftehim jew inkomprenzjoni. ______________________ A. Testaferrata De Noto Kap. Taqsima Immanigjar tat-Traffiku

Pembroke — Toroq li ser isiru

Question

Jista' l-Ministru jelenka t-toroq li se jsiru f'Pembroke bejn Ottubru 2007 u tul is-sena 2008, bin-nefqa ta' kull triq, d-data maħsuba li se ssir, u kemm hu l-kontribut tal-kunsill lokali ta' Pembroke?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-ġimgħat li għaddew diġa saru numru ta’ toroq ġewwa Pembroke. Dawn kienu Triq il-Kurunell Cocks (p/o), Triq Dun Gorg Preca, Triq S Castaldi u għall-ammont ta’ madwar LM64,000. Bħalissa qed isiru ukoll Triq D’Armenia u T/G fi Triq D’Armenia għall-ammont stmat ta’ madwar LM33,000. Għaldaqstant, skond il-programm ta’ toroq maħrug mill-Awtorita’ Dwar it-Trasport, it-toroq kollha ġewwa Pembroke ġew mibnija minbarra p/o Triq Burma li skond l-istess programm għandha titlestha mill-Gvern Ċentrali sas-sena 2008.

Mosta — Ilma fit-triqat

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex l-ilma tax-xita fi Triq il-Htajriet, Mosta ma jibqax niżel fi Trejqet it-Tin għax dan l-ilma qiegħed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Ħtajriet hija maqsuma f’diversi fażijiet u s’issa qegħda titlesta t-tielet fażi. Bħala parti ta’ dan ix-xogħol qegħda tinbena ‘stormwater culvert’ sabiex tieħu l-ilma li jinġabar fi Triq il-Ħtajriet.

Qormi — Triq Mons Gerald Frendo

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tħalliet sitwazzjoni perikoluża quddiem is-substation fuq bankina ġdida li saret fi Triq Mons Gerald Frendo f'Hal Qormi meta dan l-aħħar inbniet it-triq bħala parti mix-xogħlijiet ta' l-ADT? Jista' jgħid meta din il-bankina se tkun irranġata minħabba l-periklu kontinwu li jinsabu fih r-residenti ta' din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-parti tal-bankina bagħqet miftuħa biex l-Enemalta tkun tista' tgħaddi l-cables tagħha. La darba dan isir il-bankina tingħalaq.

Ħaż-Żebbuġ — Ħsarat f'dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ADT hux ser tieħu passi biex tirranġa l-ħsarat li saru fid-dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, liema ħsarat ġew ikkaġunati meta ġew eżegwiti xogħlijiet biex jinfetaħ passaġġ fi Triq il-Kbira Ħaż-Żebbuġ kif ikkonstata l-perit inkarigat mill-ADT li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar rapport tal-imsemmi Perit li jġib d-data tal-5 ta’ Frar 2004, ġie rrapurtat li ‘l-konsenturi msemmija m’humiex ta’ natura li jindikaw xi periklu’. Fit-8 ta’Awissu 2005 l-Awtorita’ reġgħet għamlet speżżjoni hi fl-imsemmi fond permeżż ta’ Field Officer tagħha u ħadet ukoll xi ritratti. L-ADT ser terġa’ tagħmel speżżjoni fuq il-post sabiex tara kienx hemm xi movimenti minn l-aħħar speżżjoni.

Swatar — L-aħħar karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiġu estiżi l-ħinijiet li titlaq l-aħħar karozza tal-linja mill-Belt għas-Swatar, Msida? Jista' jikkonferma x'inhuma l-ħinijiet bħalissa kemm matul il-ġimgħa kif ukoll fi tmiem il-ġimgħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li s-servizz għas-Swatar jingħata bin-numru tar-Rotta 169 l-aħħar ħin huwa tal-18.40 ta’ filgħaxija fost il-Ġimgħa, is-Sibt tal-12.40 ta’ wara nofs inhar u l-Ħadd ta’ l-10.30 ta’ filgħodu. Jien infurmat ukoll li għalissa m’ hemmx il-ħsieb li jiġu estiżi l-ħinijiet għas-Swatar, Msida minħabba l-fatt li l-użu ta’ din ir-rotta huwa wieħed minimu . Minkejja dan, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ser jitwaħħal Bus Stop ħdejn l-HSBC Call Centre u dan sabiex l-passiġġier ikun jistà jinqeda permeżż tar-Rotta 75 li topera bejn l-Belt u l-isptarijiet San Luqa u Mater Dei. Il-ħinijiet ta’ din r-rotta huma bejn is-7.15 ta’ filgħodu u 20.10 ta’ filgħaxija mit-Tnejn sal-Ħadd u l-frekwenza hija ta’ bejn 15 jew 20 minuta.

Msida — Triq il-Kunzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa l-ħsieb li tiġi asfaltata Triq il-Kunzar, Msida billi r-residenti ġew mgħarrfa li dan mhuwiex responsabbilta' tal-kunsill lokali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-asphalting ta’ din it-triq ser issir il-ġimgħa li ġejja.

Msida — Triq C De Brockdorff

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-gvern ċentrali jkompli bl-asfaltar dawk il-partijiet ta' Triq C De Brockdorff, Msida li jirrikjedu attenzjoni,speċjalment mix-showroom ta' FX Borg 'l isfel lejn il-Gżira?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi peress li din it-parti tat-triq għadha qatt ma saret, il-bini tagħha għandu jsir mill-Awtorita’ tat-Trasport. Għaldaqstant din it-triq ser tiġi nkluża mat-toroq li jridu jsiru.