Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati – infrazzjoni ta’ regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24256 u jgħid kemm kien hemm infrazzjonijiet tar-regolamenti tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar in-Nitrati sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – impjegati li attendew laqgħat internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24275 u jgħid kemm kien hemm impjegati fil-Ministeru tiegħu li attendew laqgħat internazzjonali sena b’sena mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari? Min kienu dawn l-impjegati? Għal liema laqgħat attenda kull impjegat? Fejn saru dawn il-laqgħat u meta saru?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi erba’ Tabelli fuq il-Mejda tal-Kamra, li jindikaw il-laqgħat internazzjonali li attendew għalihom uffiċjali tal-Ministeru bejn l-2013 u l-31 ta’ Mejju 2016.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – Direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24390 u jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu sena b’sena mill-2012 sal-lum? Kemm kienu jiswew dawn id-direct orders?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 23499, qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Management Bord tad-Dwejra f'Għawdex ġiex kostitwit u dan in vista peress li ftit tal-ġimgħat ilu l-Ministru kien qal li kien se jitkellem maċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u jara li jiġi kostitwit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jien iltqajt mal-Awtorità tal-Ambjent u ġejt infurmat li l-Management Plan jonqsu biss fine tuning, li minħabba f’dan iddeċidejt li l-Kumitat / Awtorità li jmexxi d-Dwejra, għandu jiġi appuntat però ser jiġi ridimensjonat u diġà qegħdin jiġu avviċinati n-nies biex jippresedu fuq dan il-Bord. Meta l-eżerċizzju jkun ikkompletat fi żmien qasir, kollox jiġi mħabbar pubblikament.
Jista’ l-Ministru jgħid min jieħu preċedenza fil-boatyard li hemm ix-Xlendi f’Għawdex, jekk hux is-siġġijiet u l-imwejjed jew inkella l-opri tal-baħar tas-sajjieda?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għad-Dipartiment tas-Sajd ma jirriżultax li hemm boatyard uffiċċjali fix-Xlendi. Jirriżulta li hemm qatgħa viċin il-baħar fejn qed jitpoġġew opri tal-baħar u karrijiet ta' dgħajjes kemm ta' uħud mis-sajjieda u kemm personali għal skop rikreattiv u mhux għal skop ta' sajd.
Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 24443 fejn intqal li ż-żewġ partijiet ingħataw il-preċedenza mistħoqqa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' majjali li nqatlu fil-biċċerija, xahar b'xahar separatament fl-2011, fl-2012, fl-2013, fl-2014 u fl-2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' għoġġiela li nqatlu fil-biċċerija, xahar b'xahar separatament fl-2011, fl-2012, fl-2013, fl-2014 u fl-2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inħadmet l-għajnuna tal-Gvern li ser tingħata lil dawk li jrabbu l-majjali? Meta fil-fatt ser tingħata din l-għajnuna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-għajnuna fil-fatt ġiet imħallsa lir-raħħala eliġġibbli fl-20 ta’ April 2016. Din ġiet iffissatta wara konsultazzjoni sħiħa mal-koperattiva ta’ min irabbi l-majjal abbażi tal-qatla rreġistrata kif ukoll tal-esportazzjoni ta’ majjal li seħħew fil-perjodu ta’ referenza bejn il-5 ta’ Jannar u 25 ta’ Setembru 2015.
Traceability ta’ prodotti tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan ta' investiment fit-traceability ta' prodotti tal-laħam tal-majjal u taċ-ċanga u kif il-Gvern beħsiebu jenforza biex konsegwentament jiġi eliminat kull abbuż?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Biċċeriji ta’ Malta u Għawdex iħaddmu sistema informatika li tippermetti t-traċċabilità kompleta minn ġor-razzett sal-mument li fih jinħareġ mill-biċċerija. Kull karkassa tinħareġ b’tikketti li juru r-razzett ta’ provenjenza, u informazzjoni li fost l-oħrajn turi l-post tat-twelid, fejn tkabbret, id-data ta’ meta nqatlet u numru uniku ta’ identifikazzjoni. Minbarra dan, kull karkassa tkun stampata diversi drabi bil-boll tal-biċċerija li juri li din inqatlet f’biċċerija approvata. Dan kollu skont il-leġiżlazzjoni Ewropea in vigore.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25610, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li fil-fatt is-Salini jgħaddu taħt l-amministrazzjoni tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Billi reċentement kien hemm sejħa għall-impjieg ta' numru ta' persuni li fil-fatt ingħad li ser jitqabbdu jagħmlu xogħol marbut mal-istess Salini jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun hemm iktar persuni li jiġu impjegati fuq dan ix-xogħol wara li l-istess inħawi jgħaddu għand il-Ministeru li minnu hu responsabbli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’żieda mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25610, għadhom għaddejjin diskussjonijiet flimkien mal-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura kif wkoll mal-Ufficċju tal-Prim Ministru fuq l-amministrazzjoni tas-Salini u għalhekk ma nistax nitkellem fuq ingaġġ ta’ ħaddiema mill-Ministeru tiegħi meta l-amministrazzjoni tas-Salini għad mhux taħt ir-responsabbilità tiegħi.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux infurmat li klieb li jkunu ma' persuni li jivvjaġġaw fuq il-catamaran li jopera bejn Malta u Sqallija, l-isem tal-operatur qed jintbagħat b'mod separat, qed jitħallew fil-garaxx għax l-operatur qed jinsisti li jitħallew biss fil-garaxx fejn ikun hemm sħana kbira u hemm riskju kbir li l-klieb ibatu jew saħansitra jmutu b'heat stroke? Billi dan hu każ ta' moħqrija fuq l-annimali u billi r-riskju fuq dawn il-klieb se jkompli jiżdied fix-xhur sħan li ġejjin, jista' l-Ministru ġentilment jieħu passi li tagħtih il-liġi biex din is-sitwazzjoni tiġi solvuta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja huwa konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Bħalissa fil-fatt qiegħda tiġi evalwata l-policy tal-operatur biex jassigura l-aħjar kundizzjonijiet ta’ Animal Welfare waqt it-traġitt bil-baħar.
Il-Mosta – Triq l-Indipendenza – tindif ta’ għalqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid ta’ min hija r-responsabilità sabiex titnaddaf u tiddawwar l-għalqa li hemm fi Triq l-Indipendenza l-Mosta, in-naħa tal-lemin inti u dieħel lejn il-Mosta u biswit il-Housing Estate tal-Blata l-Għolja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l Ministru jgħid min huwa l-proprjetarju ta’ għalqa abbandunata li tinsab bejn Triq ta’ Mellu u Triq il-Kbira l-Mosta u jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi proġett f’din iż-żona li llum tinsab mitluqa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma jkollux informazzjoni dwar min hu s-sid ta’ art abbandunata, u fil-każ partikolari ma hemm l-ebda proġett intenzjonat għal din iż-żona.
Nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22625 b'referenza għad-deċiżjoni li ngħatat mill-Qorti fl-14 ta’ Ottubru 2015 dwar kawża fejn żewġ sajjieda barranin kienu nqabdu jistadu b’purse-seining fil-Fisheries Management Zone Maltija u ħarġu lliberati, jista’ l-Ministru jgħid x'sar sa issa mill-Gvern Malti biex l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu salvagwardjati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dawk il-bastimenti barranin li jinstabu jistadu fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Malta, jew li jkunu kisru regolamenti dwar is-sajd, qed jitressqu minnufih il-Qorti. Minbarra hekk, ninsab infurmat li s-sorveljanza tal-medda baħar żdiedet. Fejn jiġu innutati bastimenti li jistgħu jkunu ser jistadu viċin ta’, jew ġewwa l-ibħra Maltin, jiġu kkuntatjati mill-ewwel l-awtoritajiet tal-bandiera tagħhom sabiex dawn jieħdu l-azzjoni meħtieġa. B’riżultat ta’ dan, jirriżulta li bastimenti tas-sajd barranin bdew jirrispettaw iktar il-konfini tal-ibħra. Beda jiġi mħaddem ukoll mekkaniżmu fil-liġi fejn bastimenti barranin li jkunu ġew innoleġġati minn operaturi Maltin għal xogħol relatat mas-sajd, qegħdin jiġu liċenzjati. Dan jiżgura li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jsegwu aħjar il-movimenti ta’ dawn il-bastimenti u jkun hemm il-kontroll xieraq. Qegħdin jiġu wkoll infurzati regolamenti Ewropej li jistipulaw li bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi għandu jkollhom l-istess rekwiżit bħal dawk lokali. Permezz ta’ dan u tal-infurzar tal-Port State Measures, Malta qiegħda tgħin fil-ġlieda kontra s-sajd illegali fil-baħar Mediterran u biex tiżgura li jkun hemm iktar level playing field f’dan is-settur filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex uffiċjali tal-fisheries ma jinżlux il-Port tax-Xlendi, Għawdex waqt is-sajd tal-pixxispad u l-lampuki biex jirreġistraw il-ħut maqbud, meta dan kien minn dejjem wieħed mill-ewwel portijiet tas-sajjieda fil-gżira Għawdxija? X’inhi r-raġuni illi għalkemm il-portijiet tal-Imġarr u Marsalforn huma kkunsidrati portijiet tas-sajjieda, il-port tax-Xlendi mhux ikkunsidrat bħala tali?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pixxispad u l-lampuki jistgħu jitniżżlu biss ġewwa Portijiet Deżinjati. Sabiex port jiġi ddeterminat bħala Port Deżinjat, numru ta’ kundizzjonijiet, fosthom proċeduri stabbiliti ta’ spezzjoni u sorveljanza jridu jiġu sodisfatti. Port Deżinjat jirrikjedi investiment sostanzjali li jrid ikun ġustifikat. Ninsab infurmat li fost il-bastimenti irreġistrati fil-home port tax-Xlendi, ma hemm l-ebda bastiment li għandu permess għas-sajd tal-lampuki u hemm biss 10 bastimenti bil-permess tal-pixxispad. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-Gvern għamel investimenti sostanzjali sabiex il-Portijiet Deżinjati tal-Imġarr u ta’ Marsalforn f’Għawdex, ikunu konformi mar-rekwiżiti u f’dawn il-portijiet is-sajjieda għandhom il-faċilitajiet neċessarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu rmiġġi ġodda fil-port tal-Imġarr f’Għawdex mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li kien hemm sajjieda li tneħħilhom l-irmiġġ mill-port tal-Imġarr? Jekk fl-affermattiv, x’kienet ir-raġuni li dawn is-sajjieda tneħħielhom l-irmiġġ?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Mill-irmiġġi l-ġodda li ngħataw mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din l-mistoqsija parlamentari, kemm ingħataw irmiġġi lil dgħajjes MFA, MFB u MFC fil-port tal-Imġarr, Għawdex? Xi proċedura ntużat biex ingħataw dawn l-irmiġġi l-ġodda fil-port tal-Imġarr? Min hu l-persuna responsabbli illi ħareġ dawn l-irmiġġi l-ġodda u min iddeċieda lil min jingħataw dawn l-irmiġġi?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20152, jista’ l-Ministru jgħid jekk bħala l-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura, hux qiegħed jiġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli dwar il-proġett tal-infrastruttura għall-ilma tat-tisfija tad-drenaġġ peress illi fir-risposta tiegħu ta x’wieħed jifhem li mhux qed jiġi kkonsultat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 20152 b'ebda mod ma tajt x’nifhem li mhux qed niġi kkonsultat mill-Ministru responsabbli għall-proġett li staqsa dwar il-progress tiegħu l-Onor. Interpellant. Filfatt, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-biedja kellu diversi laqgħat mal-bdiewa fejn infurmahom bl-iżviluppi ta’ dan il-proġett. Aktar informazzjoni tingħata fi żmien opportun.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22648, jista’ l-Ministru jagħti break down tal-ispejjeż kollha relatati mas-servizzi ta' emerġenza mogħtija mill-veterinarji tal-gvern, sena b’sena mill-2011 sa 2015?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż relatati mal-emerġenzi li kienu mħallsa mill-MSDEC huma €13,350 mill-1 ta’ Marzu 2013 sa l-aħħar tal-2013, €18,400 għas-sena 2014 u €17,950 għas-sena 2015. Huwa pertinenti li wieħed jinnota li dawn l-ispejjeż bdew jitħallsu mill-1 ta’ Marzu 2013 meta ġie iffirmat il-ftehim il-ġdid tal-klassi veterinarja.
Wied il-Għajn – ġbir ta’ xaħam li joħroġ mill-fish farms
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk saritx u jekk fin-negattiv jara jekk huwiex possibbli li ssir evalwazzjoni u investigazzjoni ta’ ġbir ta’ dak li qiegħed jissejjaħ mir-residenti ta’ Wied il-Ghajn bħala “xaħam“ li qiegħed jiġi allegat li joħroġ mill-fish farms u li għal numru ta’ drabi qed jinġabar mal-mollijiet tal-istess post?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minbarra prattiċi ġodda ta’ kif titma l-ħut, sabiex jitnaqqas il-ħruġ ta’ żejt mill-ikel tal-ħut fl-ibħra tal-madwar, iż-żewġ operaturi fl-inħawi ta’ Wied il-Għajn, minn dan l-istaġun, se jibdew jużaw tagħmir sabiex iż-żejt li joħroġ fl-ilma ta’ madwar il-gaġġeġ, jinġabar. Dan l-iskart jiġi pproċessat skont ir-regolamenti viġenti. Barra minn hekk il-Ministeru m’għandux provi konkreti li dan l’ hekk imsejjaħ xaħam huwa verament ġej mill-gaġġeg tal-ħut u jista’ jkun possibli wkoll li jiġi minn proċessi naturali.