Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tfal li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu – allowance tad-diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dawk it-tfal li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu għandhomx dritt għall-allowance tad-diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-bord li jiddetermina l-eleġibilta’ tal-persuna għal allowance tad-diżabilita’ jara kull każ li jiġi quddiemu u jiddeċiedi skont il-kriterji u n-natura individwali tal-każ. F’dan il-kuntest ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kienet ġiet maħtura persuna medika apposta sabiex tkun preżenti waqt il-Bord mediku meta l-applikazzjoni tindika li l-persuna għandu jew għandha l-kundizzjoni tal-awtiżmu.

Pensjoni tal-Invalidità – talbiet pendenti quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal reviżjoni quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju rigwardanti l-Pensjoni tal-Invalidità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ każijiet pendenti għal reviżjoni quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju jammonta għal 16.

Pensjoni tal-Invalidità – talbiet pendenti quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ talbiet għal reviżjoni quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju rigwardanti l-Pensjoni tal-Invalidità fis-snin 2014, 2015 u 2016, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ talbiet għal reviżjoni tal-Pensjoni tal-Invalidità quddiem il-Bord Multi Dixxiplinarju, fis-snin imsemmija, kien kif qiegħed ikun muri fit-tabella t’hawn taħt: Sena Każijiet 2014 85 2015 72 2016 113

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — Pensjoni tal-Invalidità – persuni li appellaw quddiem l-Arbitru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni appellaw quddiem l-Arbitru skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali minn deċiżjoni ta’ ċaħda mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-pensjoni tal-Invalidità fis-snin 2014, 2015 u 2016, sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnha hi skont it-tabella murija hawn taħt: Appelli 2014 2015 2016 Appelli Irreġistrati 92 78 79

Ftuħ ta’ night shelters

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29987, jista' l-Ministru jgħid ma' min qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-ftuħ ta' Night Shelters u fejn ser ikunu qegħdin jinfetħu dawn in-Night Shelters?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, id-diskussjonijiet dwar ftuħ ta’ Night Shelters għaddejin ma’ entitajiet diversi.

Ftuħ ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29986, jista' l-Ministru jgħid ma' min qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-ftuħ ta' Ċentri ta' Matul il-Jum u jgħid ukoll fejn ser ikunu qed jinfetħu dawn iċ-Ċentri ta' Matul il-Jum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-diskussjonijiet dwar ftuħ ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum għaddejjin mal-Kunsilli Lokali u entitajiet oħra.

Djar tal-Anzjani – żieda fis-sodod

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29985, jista' l-Ministru jgħid jekk meta ngħad li għaddej b'diskussjonijiet biex iżid is-sodod, jeskludix li se jkun qed iżid is-sodod permezz ta' djar ġodda tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġà weġebit f’mistoqsija parlamentari 29985, il-Gvern għaddej kontinwament b'diskussjonijiet biex iżid is-sodod sabiex tkun indirizzata d-domanda preżenti kif ukoll dik proġettata.

Bejgħ ta’ Proprjetà fil-Birgu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk proprjetà fil-Birgu li hi flat tal-Gvern li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx mibjugħa lill-individwu li hu anzjan, armel u bla tfal u li jgħix f’Dar tal-Anzjani u dan kontra r-regolamenti fl-iskema “Kun sid ta darek” u skemi tal-bejgħ ta’ proprjetà tal-Gvern, speċjalment klawsola 3(b)? Jista’ jgħid x’passi se jieħu f’dan l-każ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, meta l-Awtorità tad-Djar għamlet l-investigazzjoni tagħha fuq il-persuna li għaliha qegħda ssir referenza, irriżulta, skont informazzjoni miġbura mid-Dipartiment tal-Anzjani u r-Reġistri Elettorali, li l-persuna tgħix fil-post li għalih saret l-applikazzjoni sabiex jinxtara. Għal din ir-raġuni, l-Awtorita’ tad-Djar ipproċessat l-applikazzjoni taħt Sir Sid Darek u l-post ġie mibjugħ lill-inkwilini tiegħu.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — persuni li m’għadhomx fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx jaħdmu fis-Segretarjat minn April 2013?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interperllant illi, kienu 3 l-impjegati li ma baqgħux jaħdmu fis-segretarjat tiegħi minn April 2014 (jiġifieri minn meta jien inħtart Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali) sal-lum. Id-dettalji personali ta’ dawn il-persuni jiġu mgħoddija lill-Onor. Interpellant jekk ikun hemm il-permess tagħhom.

Il-Fgura – persuni li jieħdu pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma reġistrati li jgħixu l-Fgura kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni u jista’ jindika kemm kien hemm li qed jirċievu pensjoni taħt is-somma ta’ €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba minnu hija skont kif tidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Tarxien – persuni li jieħdu pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma reġistrati li jgħixu Ħal Tarxien, kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta’ €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid – persuni li jieħdu pensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li huma reġistrati li jgħixu Raħal Ġdid, kienu qed jirċievu xi forma ta’ pensjoni taħt is-somma ta’ €500 fix-xahar sal-aħħar tas-sena 2016 u jistax jindika dan kategorija b’kategorija, kif ukoll maqsuma skont is-sess?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — person of trust u position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29926 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-Ministeru tiegħi, hemm 2 persuni f’position of trust u 8 persuni bħala persons of trust.

dħul f'home tal-anzjani — każ ta' koppja

Question

Jista' l-Ministru jara li social worker tara l-każ ta' koppja li d-dettalji dwarhom qegħdin jingħataw separatament rigward dħul f'home tal-anzjani tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-każ imsemmi minnu qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Bordijiet Pubbliċi – persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29896 u ċjoè: B'referenza għal-liġi li ġiet approvata aktar kmieni f'din il-leġiżlatura relatata mal-preżenza ta' persuni b'diżabilità fuq bordijiet pubbliċi, jista' l-Ministru jelenka f’liema bordijiet s’issa hemm preżenti persuni b'diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jekk qiegħed jirreferi ghall-Att Nru VII tal-2015 li jemenda diversi liġijiet sabiex ikun hemm rappreżentanza tal-Persuni b’Diżabilità f’diversi Awtoritajiet u Bordijiet, fil-każ ta’ dan il-Ministeru, saret emenda fl-Att dwar l-Awtorità tad-Djar biex wieħed mill-membri tal-Bord ikun persuna b’diżabilità kif fil-fatt hemm.

Residenza San Vinċenz de Paul – rigali lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29897 u jgħid fiex kien jikkonsisti r-rigal li ngħata mill-Gvern lill-anzjani residenti fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paul u kemm kien il-valur ta' kull wieħed minn dawn ir-rigali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala rigal tal-Milied, l-anzjani ngħataw ħwejjeġ bħala rigal, u dan skont l-għażla tagħhom stess, mil-listi li ġew provduti lilhom, skont il-ġeneru, kif qiegħed jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta’ Meals on Wheels – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29898 u jgħid kemm kienet il-lista ta' stennija ta' persuni li kienu qed jistennew li jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, xahar b'xahar bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-10 ta' Jannar 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sal-aħħar tal-2015 qatt ma nżammet statistika ta’ nies li kienu qed jistennew biex jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels xahar b’xahar. Madanakollu, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, il-lista ta’ stennija għas-sena 2015, kienet tammonta għal madwar 297. Peress li mill-1 ta’ Jannar 2016, kien qed jintalab in-numru ta’ stennija xahar b’xahar, bdiet tinġabar din l-istatistika kif qiegħed jidher hawn taħt: · Sa Jannar – 287 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Frar – 248 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Marzu – 178 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa April – 170 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Mejju – 176 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Ġunju – 185 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Lulju – 206 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Awwissu – 223 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Settembru – 250 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Ottubru – 200 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Novembru – 100 household fuq il-lista ta’ stennija · Sa Diċembru 2016 – ma kien l-ebda persuna fuq il-lista ta’ stennija Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, bħalissa, m’għandna l-ebda persuna fuq lista ta’ stennija sabiex tingħata s-servizz tal-Meals on Wheels.

Servizz ta’ Meals on Wheels – persuni li talbu biex jitwaqqaf is-servizz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29899 u jgħid kemm kienu dawk il-persuni li talbu li ma jibqgħux jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, bejn l-1 ta' Jannar 2015 u l-10 ta' Jannar 2017 (xahar b'xahar)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li ma baqgħux jagħmlu użu mis-servizz tal-Meals on Wheels, bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-10 ta’ Jannar 2017 huwa ta’ 83. Ir-raġuni għal dan tista’ tkun li (i) jew il-persuna jkun għażel minn jeddu li ma jkomplix jibbenefika mis-servizz, jew (ii) il-persuna tkun daħlet f’xi istituzzjoni jew (iii) il-persuna tkun mietet. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma għandniex informazzjoni rigward is-snin preċedenti.

Meals on Wheels – anzjani li m’għandhomx microwave

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29900 u ċjoè: Mit-telefonati li saru lill-anzjani li preżentament qed jingħataw is-servizz tal-Meals on Wheels, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-anzjani, m’għandhomx microwave fir-residenza privata tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa n-numru ta’ klijenti li qegħdin jużaw is-servizz tal-Meals on Wheels hu ta’ 422. Minn dawn hemm 32 li għad irid isirilhom is-survey bit-telefon għax s’issa ma rnexxielhomx jikkuntattjawhom. Mill-bqija tal-klijenti li ġew mistħarrġa hemm 382 li għandhom mezz biex isaħħnu l-ikel, filwaqt li hemm 8 li m’għandhomx microwace fir-residenza tagħhom.

Family Resource Centre — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29901 u jgħid kemm hemm impjegati b'mod separat f'kull Family Resource Centre li hawn imwaqqfa? Kemm ġew assistiti klijenti f'dawn iċ-ċentri u x'tip ta' għajnuna rċevew dawn l-istess klijenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, il-ħidma tal-LEAP hi maqsuma f’sitt reġjuni u f’kull reġjun hemm Ċentru LEAP li minnu jiġu provduti servizzi varji, fosthom għajnuna diretta ta’ ħidma soċjali (socialwork intervention) provdut mill-istess Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, fost il-ħafna servizzi oħra. Barra mis-6 ċentri prinċipali (Qawra, Valletta, Cospicua, Qormi, Kirkop u Xewkija (Għawdex) hemm ukoll 6 Ċentri oħra tal-LEAP, li minhom titwettaq ħidma fil-Kommunita’; dawn huma Għargħur, Żurrieq, Marsaskala, Santa Luċija u Msida. Dalwaqt ukoll ser tibda ħidma minn ċentru ġdid tal-LEAP ġewwa l-Mosta. Ħaddiema direttament impjegati mal-LEAP hemm 50 (hawn taħt imqassma b’mod separat f’kull reġjun). Il-Ħidma mnieda miċ-Ċentri LEAP tkopri ħidma ġenerika mal-familji (bħal drop-ins ta’ membri tal-familja li jinħtieġu assistenza, kif ukoll ħidma ta’ profile tal-familji li attwalment qed jibbenefikaw mill-ikel li qed jitqassam li hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea). Qed issir ħidma speċifika u terapewtika minn professjonisti fil-LEAP fuq programm magħruf bħala ‘Home Based Therapeutic Service’ (HBTS). Il-ħidma li wettaqna matul din is-sena kienet tikkonsisti fis-servizzi imsemmija hawn taħt: · Tqassim tal-ikel (FEAD) miċ-Ċentri tal-LEAP: fejn intlaħqet medja ta’ 3,800 familja f’kull waħda mill-erba’ tqassim li sar s’issa (Jannar 2016 / April 2016 / Lulju 2016 / Novembru 2016). · Saru madwar 8,293 profil fir-reġjuni, kif qiegħed ikun irrappurtat: - Gozo Region 370; - Northern Region 880; - South Eastern Region 1260; - South Harbour Region 1961; - Northern Harbour Region 2331; - Western Region 1491. · Il-‘Home Based Therapeutic Service’ fi ħdan il-LEAP li qed issegwi b’mod intensiv u professjonali 42 familja. · Ġew organizzati diversi laqgħat fi ħdan kull ċentru, fuq temi relatati mat-trobbija aħjar tat-tfal; budgeting ; tisjir b’ikel bnin; u użu għaqli tal-enerġija fid-djar. Dawn il-familji jiġu wkoll infurmati dwar korsijiet oħra fil-kommunita’ fosthom il-kors ‘Għaqal id-Dar’. Il-Ħaddiema tal-LEAP fis-6 reġjuni, kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: South Harbour Region: Cospicua, Vittoriosa, Senglea, Kalkara, Żabbar, Xgħajra, Fgura, Tarxien, Paola u Santa Lucia. Regional Development Agent: 1 Social Mentors: 3 Precincts Officer: 1 South Eastern Region: Ħal-Luqa, L-Imqabba, L-Qrendi, iż-Żurrieq, Ħal-Safi, Ħal-Kirkop, Ħal-Għaxaq, il-Gudja, Birżebbuġia, Marsaskala, Marsaxlokk, iż-Żejtun. Regional Development Agent: 1 Social Mentors: 4 Precincts Officers: 3 Northern Habour Region: Valletta, Floriana, Ħamrun, Santa Venera, Pieta’, Msida, San Ġwann, Birkirkara, Ta’ Xbiex, Gżira, Sliema, San Ġ​iljan, Pembroke u Swieqi. Regional Development Agent: 1 Social Mentors: 5 Precincts: 2 Western Region: Qormi, Attard, Balzan, Dingli, Iklin, Lija, Mdina, Mtarfa, Rabat, Siġġiewi, Żebbug u Marsa Regional Develpoment Agent: 1 Social Mentors: 3 Percents: 1 Northern Region: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Mġarr, Mosta, Naxxar, Għargħur, Qawra. Regional Development Agent: 1 Social Mentors: 2 Home Based Therapeutic Services: 10 Percents: 2 Gozo Region: Regional Develpoment Agent: 1 Social Mentor: 1 Finalment, in-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq l-amministrazzjoni tal-LEAP huwa ta’ 7.