Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi – Skola tal-Bniet f’Tal-Ħandaq – laqgħat mal-kuntrattur dwar tqegħid ta’ madum u irħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa formali saret mal-kuntrattur li kien responsabbli mill-provvista u tqegħid ta’ madum u irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju, minn Marzu 2013 ‘il hawn li fiha kien hemm rappreżentanti tiegħu jew tal-Ministeru tiegħu fejn ġew diskussi ħlasijiet pendent, rigward Tender CT 2206/2011? Min kienu dawn ir-rappreżentanti? Meta saru dawn il-laqgħat u fejn saru dawn il-laqgħat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont dokumentazzjoni, miżmuma mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS), kienet saret laqgħa waħda fl-uffiċini tal-Fondazzjoni nhar il-5 ta' Settembru, 2013. Għaliha kienu attendew dawn il-persuni: Għall-FTS: Il-Perit Samuel Formosa (FTS Chairman), Is-Sur Anthony Muscat (FTS Chief Operations Officer), u Is-Sur Chris Pullicino (FTS Chief Finance Officer); Għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol: Is-Sur Michael Ferry Għal Avantgarde Ltd.: Is-Sur Joseph Vella (Direttur), is-Sur Robert Chetcuti (Debt Collector), u s-Sur Matthew Bugeja. L-FTS ma għandhiex dokumentazzjoni ta' laqgħat formali oħra jekk saru xi mkien ieħor.

FTS – Skola tal-Bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi — ħlas lill-kumpanija fir-rigward ta’ tqegħid ta’ madum u irħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm, skont il-management tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS), kienet id-differenza f’ewros bejn il-kont li ppreżenta l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u dak li kien wasal għalih bħala pendenzi dovuti lill-istess kumpanija skont il-management tal-FTS għar-rigward ta’ Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola gdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont riferut huwa ta' €368,030.18.

FTS – Skola tal-Bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi — ittri/emails dwar dewmien fil-provvista u tqegħid ta’ madum u irħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ittra jew email intbagħtu mill-management tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, minħabba dewmien fil-performance ta’ provvista u t-tqegħid ta’ madum u irħam b’konnessjoni ma’ Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola gdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)? Jista’ jgħid meta ntbagħtu l-ittri u/jew e-mails lil din il-kumpanija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-files relattivi jinsabu għand l-Internal Audit and Investigations Department (IAID), il-korrispondenza mitluba ma tistax tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

FTS – Skola tal-Bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi — provvista u tqegħid ta’ madum u irħam

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull korrispondenza li kien hemm bejn il-management tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) u l-Ministru għall-Finanzi u/jew il-Kumitat tal-Kuntratti għar-rigward tat-Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-files relattivi jinsabu għand l-Internal Audit and Investigations Department (IAID), il-korrispondenza mitluba ma tistax tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

FTS – Skola tal-Bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi — provvista u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) qattx ġiet mitluba jikkwantifika d-danni minħabba dewmien fil-performance ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntratur b’konnessjoni ma’ Tender CT 2206/2011 (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) ġiet mitlub tikkwantifika d-danni minħabba dewmien fil-performance ta’ supply u tqegħid ta’ madum mill-kuntrattur.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Vot 30 — Contractual Services

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħlasijiet saru taħt Vot 30 “Contractual Services” taħt Vot 14 għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fl-2014, fl-2015 u fl-2016? Jista’ jgħid ukoll lil min tħallsu dawn il-pagamenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Estimi Supplimentari Finanzjarji 2016 – Cost Centre 16 — allowances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lil min tħallsu l-allowances fl-2014, fl-2015, fl-2016 li għas-sena 2016 jidhru taħt Cost Centre 16 fl-Estimi Supplimentari Finanzjarji 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' gradi u nomenklatura ta' dawk l-impjegati li għandhom xi forma ta' allowance.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Cost Centre 6163 ETC — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni qed jintalab li tiżdied in-nefqa ta’ €7,500,000 kif jidher taħt Cost Centre 6163 ETC taħt Vot 13 għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol? Jista’ jgħid xi programmi u inizjattivi ġew implimentati fl-2016 u xi ħlasijiet hemm dovuti li jsiru u lil min għandhom isiru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ntalbet żieda fin-nefqa ta’ €7,500,000 sabiex isiru l-ħlasijiet tal-Community Work Scheme. L-ispiża għall-2016 u l-benefiċċjari rispettivi huma kif indikati hawn taħt, jiġifieri: Skema Ammont (€) Benefiċċjaru Community Work Scheme 6,872,383 Community Work Scheme Foundation Work Programme 240,241 EMD Ltd. / P5+ Ltd. Work Programme 196,575 FSS Ltd. Work Programme 158,754 MTRM Ltd. Work Exposure 165,688 Participants Mainstream Courses 227,851 Trainers (various) Document Management (Gozo) 87,461 Posta Ltd. Trade Testing Boards 25,289 Board Members Minimum Wage Earner Scheme 22,175 Trainees (various) Transport for Jobsplus trainees 12,136 Minibus Coop Services Ltd.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — person of trust u position of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

Iż-Żejtun – St. Thomas More — liftijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm liftijiet fl-Iskola Sekondarja St. Thomas More taż-Żejtun għal dawk il-klassijiet li jinsabu mhux fuq l-ewwel (jew iktar) sular għall-aċċessibilità għall-istudenti jew staff b’diżabilità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-Iskola Sekondarja San Tumas More taż-Żejtun bħalissa ma hemmx liftijiet. Hemm pjanijiet li jiġi installat lift f’kull blokk. L-ewwel lift li se jiġi installat se jkun dak ta' Blokk 4 peress li l-iktar li għandu sulari fih.

Studenti li jagħmlu sena addizzjoni fil-kors — stipendju

Question

B’referenza għad-diskors tal-Baġit 2017 fejn il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li studenti li jagħmlu sena waħda addizzjoni fil-kors ser jingħataw stipendju għal dik is-sena, jista’ l-Ministru jgħid minn meta ser tibda taħdem din il-miżura, liema korsijiet huma intitulati għaliha u jekk hux ser tapplika wkoll għal min kellu jirrepeti minħabba suġġett wieħed ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fost diversi miżuri li ġew imħabbra fid-diskors tal-Baġit 2017, il-Ministru tal-Finanzi ħabbar li studenti li jagħmlu sena waħda addizzjonali fil-kors ser jingħataw stipendju għal dik is-sena. Din il-miżura flimkien ma’ miżuri oħra mħabbra fir-rigward tal-għotjiet ta’ manteniment lill-istudenti daħlu fis-seħħ f’Jannar 2017. Peress li l-istipendju li jkopri l-perjodu ta’ Jannar jitħallas fi Frar, l-istudenti li qegħdin jagħmlu sena addizzjonali fil-kors tagħhom fil-livell post sekondarju u terzjarju, u li jkunu applikaw għall-istipendju, ser jirċievu l-ewwel stipendju fi Frar 2017. Studenti li ma jkunux qegħdin jagħmlu sena akkademika sħiħa addizzjonali ser jirċievu l-ħlas pro rata.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – ċekkijiet lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien/u l-persuna/i mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada li għaddew cheques lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament liema cheques l-istess persuna għaddihom lil ħaddieħor?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ċ-ċekkijiet ingħataw lill-persuna msemmija mit-Taqsima tal-Finanzi tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada.

Każ ta’ LSA – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qegħdin jingħataw separatament fuq każ ta’ LSA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li rigward il-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant hemm proċess x'jiġi segwit. Iktar informazzjoni dwar dan il-proċess qed tingħata lill-Onor. Interpellant separatament b'mod kunfidenzjali.

Skejjel tal-Gvern – xiri ta’ information technology

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’nefqiet saru u lil min saru sabiex il-Gvern ikun jista’ jixtri Information Technology fl-Iskejjel tal-Gvern fl-2014, fl-2015 u fl-2016? Jista’ jgħid minn dawn in-nefqiet u ħlasijiet li saru, liema ħlasijiet u pagamenti saru b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant, kif ġej: Tabella 'A' - Information Management Unit - Schools Tabella 'B' - eLearning Department fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni (DQSE). Fl-2014 id-Dipartiment tal-eLearning kien għadu jieħu ħsieb parti mill-infrastruttura u għaldaqstant l-ispejjeż juru xiri ta’ hardware. Fl-aħħar sentejn id-Dipartiment beda jieħu ħsieb il-pedagoġija biss u allura l-kontijiet juru iktar ħlasijiet fuq taħriġ u liċenzji ta’ software meħtieġ għad-Dipartiment. Ma kien hemm ebda pagament li sar b’ direct order. Barra minn hekk, infurmat li d-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu fi ħdan l-istess DQSE, bħala parti mill-proġett tal-Learning Outcomes Framework, xtara 3D Printers u Scanners għall-prezz ta’ €138,219, fl-2015. Dan ix-xiri sar permezz ta’ tender CT 3077/2015 liema tender ġie mirbuħ minn FGL Information Technology, Forestals. Dawn tqassmu fl-iskejjel sekondarji tal-Istat. Fl-2014, 2015 u 2016 fid-Dipartiment tal-Lifelong Learning u Early School Leavers l-unika ċentru li xtara apparat tal-IT (żewġ video splitters u Projector) kien il-Lifelong Learning Centre tal-Imsida. Ma kien hemm ebda xiri b’direct order. L-ammont totali li ntefaq kien €572. Infurmat ukoll mill-Information Management Unit (IMU) tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li fl-2016 inxtraw 27 kopja ta’ StaffCover software għall-iskejjel mingħand October ReSolutions Ltd għall-ammont ta’ €11,503.82 inkluż il-vat. F’Diċembru 2016 din l-istess Unit kien għaddej b’negotiated procedure ma’ Edukey Education Ltd Provision Map għax-xiri ta’ IEP writer għall-iskejjel kollha b’valur stmat ta’ €80,000 (vat eskluż) fis-sena għal perjodu ta’ ħames (5) snin.

Proġett Esplora — pagamenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pagamenti saru fuq il-Proġett Esplora fl-2014, fl-2015 u fl-2016? Jista’ jgħid lil min saru dawn il-pagament u għal liema saru jew prodotti mnedija tħallsu? Jista’ jgħid minn dawn il-pagamenti kemm kien hemm pagamenti ta’ direct orders? Jista’ jgħid għal liema prodotti jew servizzi kien meħtieġ li jsir proċess ta’ sejħa ta’ kuntratti għal xiri ta’ prodotti u servizzi użati fil-Proġett Esplora?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 12 PQ #29862 Sitting 471 2017-01-18 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Learning Support Assistant Għawdxin – video conferencing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Learning Support Assistants Għawdxin li qed jattendu kors organizzat mill-Università ta' Malta bdewx jingħataw il-faċilità matul din is-sena skolastika biex isegwu l-lectures permezz tal-video conferencing minn Għawdex? Jekk le, għaliex u meta hu maħsub li jingħataw din il-faċilità biex jitnaqqas bil-kbir l-inkonvenjent ta' dawn il-persuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li dan il-kors kien offrut Malta biss u meta l-istudenti applikaw dan kienu jafuh. Madankollu, saru arranġamenti biex il-lectures fit-tieni semestru ta’ din is-sena jkunu organizzati permezz tal-video conferencing u jkunu jistgħu jiġu segwiti Għawdex permezz ta’ dan il-mezz mill-istudenti Għawdxin. L-Università bħalissa qed tagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dan ikun possibbli u biex l-istudenti jkunu jistgħu jipparteċipaw attivament waqt dawn il-lectures, għall-benefiċċju tagħhom stess. F’xi każijiet, pero', minħabba n-natura ta’ xi ftit lectures li huma experiential, il-preżenza fiżika tal-istudenti kollha f’Malta se tkun meħtieġa.

Persuni reġistrati li jaħdmu part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati li qed jaħdmu part-time sal-aħħar tas-sena li għaddiet u jista’ jindika kemm minnhom kellhom impjieg part-time bħala impjieg prinċipali? Jista’ jindika wkoll kemm minnhom għandhom impjieg part-time ma’ wieħed full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta' persuni li kienu impjegati fuq bażi part time fl-aħħar ta’ Ġunju 2016 kien 60,394 persuna. Minn dawn 36,155 persuna kellhom impjieg part time bħala dak prinċipali u 24,239 persuna li kellhom impjieg part time kif ukoll full time. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ċifri ppubblikati huma ta` Ġunju 2016.

Persuni reġistrati – età tal-pensjoni – impjieg part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni reġistrati li laħqu l-età tal-pensjoni li qed jaħdmu part-time sal-aħħar tas-sena li għaddiet u jista’ jindika kemm minnhom kellhom impjieg part-time bħala impjieg prinċipali? Jista’ jindika wkoll kemm minnhom għandhom impjieg part-time ma’ wieħed full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ Ġunju 2016 kien hemm 6,496 persuna li laħqet l-età tal-pensjoni u li kellhom impjieg part time. Minn dawn kien hemm 5,917-il persuna li kellha impjieg part time bħala wieħed prinċipali u 579 li kellhom impjieg part time kif ukoll full time. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ċifri ppubblikati huma ta` Ġunju 2016.

Impjegati ta' sess femminil — part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni ta’ sess femminili reġistrati li qed jaħdmu part-time sal-aħħar tas-sena li għaddiet u jista’ jindika kemm minnhom kellhom impjieg part-time bħala wieħed prinċipali ? Jista’ jindika wkoll kemm minnhom għandhom impjieg part-time ma’ wieħed full-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, fl-aħħar ta’ Ġunju 2016, in-numru ta' nisa li kienu impjegati fuq bażi part-time kien ta’ 28,968. Minn dawn kien hemm 21,041 mara li kellha impjieg part time bħala xogħol prinċipali u 7,927 li kellhom impjieg part time kif ukoll full time. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar ċifri ppubblikati huma ta` Ġunju 2016.

Kunsill Malti għall-Isport (Sports Malta) – sit b’ċens lil Valletta FC

Question

Peress li issa għaddew aktar minn ħames snin minn meta l-Kunsill Malti għall-Isport, illum SportMalta għaddiet b’ċens art lil Valletta FC li fuqha kellhom jibnu stadium u faċilitajiet anċillari, jista’ l-Ministru jgħid meta Valletta FC se jkunu jistgħu jibdew il-proċess biex jibdew jiżviluppaw il-faċilitajiet tagħhom, kemm jekk ikun fuq dan is-sit jew f’sit ieħor alternattiv li jkun addattat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Valletta FC sabiex jinstab l-aktar sit idejali sabiex Valletta FC ikollhom il-faċilitajiet tagħhom.