Jista' l-Ministru jgħid x'qed jikkawża l-imtejjen kbar ta' drenaġġ li hemm fl-Imtarfa? Jista' jinfurmani x'passi ħa d-Dipartiment dwar ir-rapport li għamel il-kunsill tal-lokal dwar dan l-inkonvenjent tar-residenti ta' l-Imtarfa li qed jikkawża kwantita ta' ġrieden fl-inħawi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika l-post eżatt fejn qegħdin jinxtammu l-irwejjaħ imsemmija fil-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jara li fil-pjazza/ġnien tal-Balluta jsiru hand rails f'diversi partijiet li jitqiesu perikolużi għat-tfal li jittieħdu jilgħabu hemm mill-ġenituri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie nnotat u ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-handrails imsemmija isiru kif ikun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid it-tindif tal-ħmieġ li jdaħħal il-baħar u jibqa' jgħum fil-wiċċ mal-kosta, fuq min taqa'? Jista' jsir it-tindif meħtieġ tal-baħar li jkollu wiċċ mimli ħmieġ ma' partijiet differenti tal-kosta ta' Malta u Għawdex?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk huwiex se jsir xogħol ta' riparazzjoni fis-slielem li hemm għall-baħar fil-bajja ta' Spinola, San Ġiljan, in-naħa tal-pitch ta' San Ġiljan liema slielem huma perikolużi għal min jużahom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi investigat u tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li ħsara f'kaptella tad-drenaġġ fin-nofs ta' Triq ta' Santa Liena, Bormla, tiġi msewwija peress li minnha qed joħorġu kwantita' ta' insetti u ġrieden li qed ikunu ta' periklu għal ġirien tat-triq?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema tad-Dipartiment tad-Drenaġġ sejrin jirranġaw dawn il-kaptelli fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara biex il-culvert fi Triq Santa Liena, Bormla, li tħaffer xhur ilu mill-Water Services, jinkesa bit-tarmak, peress li ż-żrar li nxteħet diġa' telaq mar-roti tal-karozzi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħd jekk sarx analiżi minfejn ġejja r-riħa qawwija ta' drenaġġ f'Santa Liena, Bormla u l-inħawi, speċjalment fil-pjazza Santa Liena? X'inhu qed iżomm lill-Ministeru biex jieħu azzjoni immedjata meta dan jista' jikkaġuna l-mard?
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet s'issa meta dan l-inkonvenjent issa ilu għal ħafna żmien u sal-lum il-problema hi waħda gravi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment tad-Drenaġġ biex issir manutenzjoni ta' tindif fl-area ta' Santa Liena biex jitneħħa l-inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħa skart domestiku li jinsab ħdejn il-flats tal-gvern il-ġodda fi Triq Hanover peress li qed ikun hemm ħafna ġrieden kbar li qed ikunu kaġun ta' mard, speċjalment fuq it-tfal?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-lokal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant mhux responsabbilta' tal-Gvern Ċentrali, u għalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant tirreferi dan il-każ lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkonnettjat main tad-drenaġġ bejn il-household main u l-main tat-triq peress li hemm nies li diġa' ħadu ċ-ċavetta tal-flat ta' entrance 95 fi Triq San Ġwann, Bormla, u ma jistgħu jużaw xejn minħabba d-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-estensjoni msemmija għandha ssir fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk reġgħetx inħarġet it-tender tal-playing field equipment għal proġett ta' tisbih f'Tas-Sliema?
Jekk fl-affermattiv, kemm intefgħu tenders? Minn min u x'kien il-valur ta' kull offerta? Minn min intrebħet din it-tender?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tender tal-playing field equipment ma reġgħetx inħarġet. Ix-xogħol kien allokat lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus li l-gvern għandu jiġbor mingħand dawk li jużaw il-Magħtab (tipping fees)? Ta' liema sena huma dawn il-kontijiet? Kemm hu l-valur tal-kontijiet li nħarġu matul din is-sena sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li l-Gvern għandu jiġbor huwa ta' Lm793,604.79.
Din il-figura hija mqassma hekk:
1997 Lm 782.18
1998 Lm 11586.21
1999 Lm113438.67
2000 Lm455183.32
2001 Lm212614.41
Din is-sena, jiġifieri minn Jannar sa Ġunju, ħarġu kontijiet li jammontaw għal Lm212,614.41. Il-kontijiet ta' Lulju joħorġu fl-ewwel ġimgħa ta' Awissu.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda x-xogħol fuq l-upgrading tal-mollijiet ta' Sant Anġlu li l-gvern intebah li jrid jagħmel lill-ispekulaturi tal-proġett tal-Kottonera? Kemm hu maħsub li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Jista' l-Ministru jara x'qed jikkawża d-dewmien tal-kontinwazzjoni tal-bini li ilu abbandunat fi Triq Patri Guże Dalli l-Mosta għal żmien twil? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa għaliex uħud mir-residenti qed jilmentaw dwar din is-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li se jinbeda ix-xogħol fuq l-upgrading tas-sistema tad-drenaġġ li l-gvern intrabat li jrid jagħmel lill-ispekolaturi tal-proġett tal-Kottonera? Kemm hu maħsub li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet dwar l-'upgrading' tas-sistema tad-drenaġġ relatat mal-proġett tal-Kottonera għadhom għaddejin mal-Konsorzji konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda ix-xogħol fuq il-car park li l-gvern intrabat li jrid jagħmel għall-ispekultari tal-proġett tal-Kottonera? Kemm hu maħsub li se jiġi juru dan il-car park?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi għalkemm ġiet indikata possibilita' ta' car-park fi Pjazza Santa Margerita Bormla, il-bżonn illi dan isir jew le għandu jirriżulta mit-Traffic Impact Statement illi l-Gvern intrabat illi jagħmel fil-kuntest tal-proġett tal-Kottonera. Dan it-Traffic Impact Statement ġie sottomess lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar u huwa mistenni li jiġi approvat mill-istess Awtorita' wara li jkun għadda mill-proċessi kollha neċessarji.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex isir it-tindif meħtieġ fi Triq Ta' Bistra l-Mosta, fl-inħawi Taz-Zokkrija, fejn hemm plot vojt li qiegħed jintrema skart fih u li qed jikkawża ntejjen u periklu għar-residenti? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (seduta 530), nixtieq inżid li l-plot imsemmi huwa propjeta privata.
Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti hemm min-naħa tal-unit ambjent nadif għat-tindif ta' Triq Manwel Dimech, Qormi? Jaf il-Ministru li jenħtieġu arranġamenti aktar xierqa biex din it-triq tinżamm fi stat ta' indafa aċċettabbli?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lill-Unit għall-Ambjent Nadif biex jara x'jista' jsir f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal il-proċess tad-door numbering u kemm il-lokalita' tlestew s'issa? Meta hu maħsub li jitlesta l-proċess kollu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-lokalitajiet li ġew itrattati s'issa huma dawn Balzan, Swieqi, Lija, Marsascala, Għaxaq, Iklin, Ħamrun, Msida, Attard, Gżira, B'Bugia, Mellieħa, Kalkara, Pieta', Ta' Xbiex, Santa Venera, Kirkop, Marsa, Żabbar, Paola, Żebbuġ (Malta), Fgura, Siġġiewi, Santa Lucia, B'Kara, San Ġwann, Żejtun, Qormi, Qrendi, Mqabba, Tarxien, Gudja, Naxxar (Part 1). Qed jitkompla x-xogħol fuq Naxxar (Part 2), Ħal Safi kif ukoll il-Mosta.
Huwa diffiċli li wieħed jgħid bi preċiżjoni x'baqa' xi jsir minħabba li dan joħroġ waqt li jkun qiegħed isir l-eżerċizzju attwali ta' re-numbering lokalita' wara lokalita'.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-ammont ta' flus li tħallas il-perit Richard England sal-lum għax-xogħol li għamel f'St James Cavalier u Bieb il-Belt separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus li tħallas il-Perit Richard England sa llum għax-xogħol li hemm f'St. James Cavalier huwa ta' Lm203,138. waqt li l-ammont li tħallas għax-xogħol li għamel fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt huwa ta' Lm69,000. Dawn l-ammonti jinkludu t-taxxa tal-VAT jew ETS.